Masada—Għala Ġara Li Ġara?
“MINN żmien ilu, ja sħabi qalbiena, aħna iddeterminajna li la naqdu lir-Rumani u lanqas lil xi ħadd ieħor imma lil Alla biss . . . Ejjew, dment li għad għandna l-ħelsien li nużaw idejna biex naqbdu x-xabla . . . Ejjew immutu qabel ma nsiru rsiera taħt l-egħdewwa tagħna, u nħallu din il-ħajja flimkien bħala rġiel ħielsa maʼ wliedna u n-nisa tagħna!”
Din it-twissija ddisprata jingħad li saret minn Eljażar, bin Ġajir (jew Ben Ya’ir), lid-difensuri taʼ Masada. Kienet irrekordjata mill-kittieb tal-istorja tal-ewwel seklu, Josefus fil-kitba tiegħu The Jewish War. Dak il-mexxej Lhudi għala ħeġġeġ lil sħabu biex jikkommettu qtil u suwiċidju tal-massa, li huwa kontra l-liġi t’Alla? (Eżodu 20:13) Iktar importanti, kif jistaʼ għarfien taċ-ċirkustanzi jgħinek issalva fid-dinja vjolenti tal-lum?
L-Irġiel tal-Istallett taʼ Masada
Qabel ma faqqgħet ir-rewwixta Lhudija fis-sena 66 E.K., grupp taʼ suldati Rumani kien stazzjonat f’Masada, post fuq għolja ffortifikat ħdejn il-Baħar l-Aħmar. Għalkemm Masada kien post iżolat, Erodi l-Kbir bena palazz sabiħ għax-xitwa hemm. Hu kellu sistema taʼ ilma mibnija sabiex setaʼ jgawdi saħansitra banjijiet sħan. Iktar kritiku, iżda taħt l-okkupazzjoni Rumana l-fortizza kellha provista kbira ferm taʼ armi moħbija. Meta saħnu l-irjus kontra l-okkupaturi Rumani tal-Palestina, kien hemm il-biżaʼ li l-armi kienu se jaqgħu f’idejn ir-revoluzzjonarji Lhud. Grupp minnhom kien is-Sikarji, li jfisser “irġiel tal-istallett,” imsemmijin fil-Bibbja bħala li kienu involuti f’rewwixta.—Atti 21:38.
Fis-sena 66 E.K. in-nies tal-istallett ħatfu lil Masada. Bl-armi ġodda li kienu akkwistaw, immarċjaw lejn Ġerusalemm b’appoġġ tar-rewwixta kontra l-ħakma Rumana. Il-massakru tat-truppi Rumani mir-revoluzzjonarji Lhud kemm f’Masada kif ukoll f’Ġerusalemm ġab fuq pajjiżhom il-korla tal-Imperu Ruman. Qabel intemmet is-sena 66 E.K., it-Tnax-il Leġjun Ruman taħt Ċestjus Gallus immarċja fil-Ġudea u kkampja barra Ġerusalemm. Ir-Rumani attakkaw lill-belt minn kull naħa u waslu sa li jkissru l-pedamenti tat-Tramuntana tat-tempju. F’daqqa waħda Gallus irtira t-truppi tiegħu u mingħajr ebda raġuni ċara telaq mill-Ġudea. “Li kieku hu ppersevera bl-assedju ftit ieħor hu setaʼ jirbaħ il-Belt mill-ewwel,” kiteb Josefus li ra b’għajnejh stess.
Imma r-Rumani ma spiċċawx. Erbaʼ snin wara l-ġeneral Ruman Titus immarċja lejn Ġerusalemm b’erbaʼ leġjuni.a Din id-darba l-belt kollha ġiet meqruda, u l-Ġudea ġiet meħuda lura taħt il-ħakma tal-ħadid taʼ Ruma. Kollha minbarra Masada.
Iddeterminati li jgħaffġu din l-aħħar roqgħa taʼ reżistenza, ir-Rumani ċċirkondaw il-fortizza b’ħajt wiesgħa tal-ġebel u tmien kampijiet b’ħitan tal-ġebel. Huma eventwalment bnew rampa fl-art li twassal għall-quċċata—telgħa magħmula mill-bniedem li kienet twila 645 pied u togħla sa 180 pied! Fuqha bnew torri u stazzjonaw rebekkin kbir ħafna biex itaqqbu l-ħajt taʼ Masada. Kienet biss kwistjoni taʼ żmien qabel ma l-armata Rumana kienet se tidħol bi ħġarha u taħtaf lil din l-aħħar fortizza Ġudeana!
Illum is-sinjal ċar tal-kampijiet Rumani, il-ħajt li ċċirkonda tal-assedju, u r-rampa vasta jixhdu kif intemmet ir-rewwixta Lhudija. Thaffir arkeoloġiku intensiv taʼ Masada tlesta fl-1965. Waqt li tikkummenta fuq is-sejbiet, The New Encyclopaedia Britannica (1987) tistqarr: “Id-deskrizzjonijiet tal-kittieb tal-istorja Josefus, li kien kemm Ruman u kemm Lhudi, li sa dak iż-żmien kien l-uniku sors iddettaljat tal-istorja taʼ Masada, nstabù li huma estremament eżatti.”
Imma waqt li r-Rumani kienu waslu biex jinfdu l-ħitan, kif irreaġixxew l-irġiel tal-istallett għat-taħdita taʼ suwiċidju taʼ Eljażar, bin Ġajir? Josefus niżżel bil-miktub: “Kollha kemm huma ddisponew mill-familji tagħhom; . . . imbagħad, wara li għażlu għaxart irġiel bix-xorti biex ikunu l-esekuturi tal-bqija, kull wieħed imtedd ħdejn martu u wliedu, u, waqt li ħaddnuhom magħhom, kixfu għonqhom lil dawk li kellhom iwettqu dan ix-xogħol taʼ wġigħ.b Dawn tal-aħħar bla ma żammew lura qatluhom kollha, imbagħad għamlu l-istess maʼ xulxin, . . . imma mara xwejħa, flimkien maʼ oħra . . . ħarbu . . . Il-vittmi kienu jgħoddu disaʼ mija u sittin, inklużi n-nisa u t-tfal.”
Ir-rewwixta Lhudija għala ntemmet b’mod daqshekk traġiku? Kellha x’taqsam b’xi mod mal-ħajja u l-mewt taʼ Ġesù taʼ Nazzaret?
[Noti taʼ taħt]
a F’Masada l-arkeologi sabu mijiet taʼ muniti b’iskrizzjonijiet bl-Ebrajk li jiċċelebraw ir-rewwixta, bħalma huma “Għall-ħelsien taʼ Sijon” u “Ġerusalemm il-Qaddisa.” Dr. Yigael Yadin fil-ktieb tiegħu Masada jispjega: “Ix-xekelli fis-sejbiet tagħna jirrapprezentaw is-snin kollha tar-rewwixta, mis-sena numru wieħed sas-sena verament rari numru ħamsa l-aħħar sena li fiha x-xekel waqaʼ, li tikkorrispondi mas-sena 70 AD meta t-Tempju taʼ Ġerusalemm kien meqrud.” Innota l-munità f’paġna 4.
b F’post strateġiku viċin tar-rixtelli taʼ Masada, instabu 11-il biċċa tal-fuħħar, b’laqam qasir Ebrajk miktub fuq kull waħda. Diversi studjużi jissuġġerixxu li dawn setgħu kienu x-xorti li rrefera għalihom Josefus. Imnaqqax fuq waħda minnhom kien hemm “Ben Ya’ir,” li tfisser “bin Ġajrus.” “L-iskoperta taʼ Yadin tax-xorti, inkluż wieħed b’isem Ben Ġajir fuqha, hija konferma li ma titwemminx tar-rakkont taʼ Josefus,” jistqarr Louis Feldman f’Josephus and Modern Scholarship.
[Stampa f’paġna 4]
Munita Lhudija tas-sena 67 E.K., li ssemmi “T-2 Sena” tal-gwerra maʼ Ruma.
[Sors]
Pictorial Archive (Near Eastern History) Est.