Hija l-Paċi Dinjija fuq ix-Xefaq?
MATUL l-istorja, ma kienx hawn nuqqas taʼ pjanijiet taʼ paċi u dikjarazzjonijiet taʼ paċi taʼ xi xorta jew oħra. Sfortunatament, jidher li kien hemm daqshekk gwerer biex iġibuhom fix-xejn. Fejn jidħlu trattati u proklamazzjonijiet taʼ paċi il-biċċa l-kbira tan-nies tgħallmu biex ma jeħduhomx bis-serjetà.
Matul dawn l-aħħar snin, madankollu, ħafna osservaturi u dawk li janalizzaw l-aħbarijiet bdew iħossu li xi ħaġa differenti qed isseħħ. Huma wrew il-possibiltà li, minkejja l-problemi lokali, din id-darba x-xena tistaʼ tiġi ssettjata għall-paċi dinjija. “It-tama għal reżoluzzjoni paċifika għall-konflitt hija fondata aħjar minn kwalunkwe sena mindu ntemmet it-Tieni Gwerra Dinjija,” qal l-Istitut Internazzjonali tal-Paċi fi Stokkolma. Korrispondent prominenti tal-aħbarijiet kien imqanqal minn ġrajjiet li bdew jiġru bil-ħeffa fl-Ewropa tal-Lvant biex jiddikjara: “Il-Paċi fuq l-Art tidher iktar possibbli issa minn kwalunkwe żmien mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn.” Saħansitra l-ġurnal The Bulletin of the Atomic Scientists irrifletta din il-burdata. Fl-1988 dawwar l-arloġġ taʼ jum il-qerda minn tliet minuti qabel nofs il-lejl għal sitt minuti qabel nofs il-lejl, imbagħad f’April 1990 iktar lura għal għaxar minuti qabel nofs il-lejl.
Dan kollu iġġenera tant ottimiżmu u ewforija qabel ma faqqgħet il-gwerra fil-Lvant Nofsani. Imma anki minn dak iż-żmien ’il hawn, xi nies qed jitkellmu dwar il-Gwerra Bierda u l-ġirja għall-armamenti bejn is-superpotenzi bħala li ntemmu. Xi wħud kienu qed jispekulaw dwar x’kellhom jagħmlu bil-flus kollha li l-gvernijiet kienu bi ħsiebhom ifaddlu mit-tnaqqis fl-infieq tal-armamenti. Huwa possibbli li ż-żmien għall-paċi dejjiema verament li ġie? Qegħdin il-ġnus verament jitgħallmu “jaħdmu sjufhom f’sikek tal-moħriet u l-lanez tagħhom f’imqassijiet taż-żabra”? (Isaija 2:4) Il-fatti x’juru?
Il-Gwerer Minsijin
“It-tmiem tal-gwerra bierda u tnaqqis fit-tensjoni bejn il-Lvant u l-Punent ġagħlu lil xi wħud li jibdew jemmnu li l-paċi kienet xi ħaġa li qed isseħħ,” osserva The Economist taʼ Londra. “Mhux hekk hu. Billi ħelset minn sors wieħed taʼ tensjoni, id-dinja għad għandha partita żgħar.” X’inhuma dawn it-tensjonijiet, jew konflitti, “żgħar”?
Il-Lentz Peace Research Laboratory, organizzazzjoni taʼ riċerka indipendenti fl-Istati Uniti, tirrapporta f’Settembru 1990, mill-inqas 15-il gwerra kienu għaddejjin madwar id-dinja. Dan ma kienx jinkludi l-invażjoni tal-Iraq fil-Kuwajt, ladarba r-rapport għadd biss il-gwerer li fihom minn tal-inqas ġew maqtulin elf persuna kull sena sa dak iż-żmien. Xi wħud minn dawn il-gwerer ilhom sejrin għal 20 sena jew iktar. Flimkien kienu swew 2,900,000 ħajja, u l-biċċa l-kbira minn dawn kienu nies ċivili. Din il-figura teskludi lil dawk li ġew maqtulin f’uħud mill-iktar gwerer imdemmija li kienu għadhom kif waqfu fis-sena taʼ qabel, bħal ma ngħidu aħna dawk fl-Uganda, l-Afganistan, u l-Iran u l-Iraq.
Kważi tliet miljun ruħ ġew maqtulin meta d-dinja suppost li qiegħda fil-paċi. Dak fih innifsu huwa traġiku. Traġedja akbar, madankollu, hi li l-biċċa l-kbira minn dawn il-gwerer ilhom għaddejjin prattikament mingħajr ma jiġu nnotati—u jsiru il-menti dwarhom—mill-bqija tad-dinja. Huma dawk li jistgħu jissojħu gwerer minsijin, ladarba l-biċċa l-kbira minnhom—kolpi taʼ stat, gwerer ċivili, rivoluzzjonijiet— huma miġġildin f’xi pajjiż jew ieħor minn dawk inqas żviluppati. Għall-biċċa l-kbira tan-nies fil-pajjiżi sinjuri u industrijalizzati, in-nofs miljun ruħ maqtulin fis-Sudan, jew it-terz taʼ miljun ruħ maqtulin f’Angola, ma tantx kellhom interess fihom. Fil-fatt, hemm dawk li jargumentaw li d-dinja ilha f’perijodu li qatt ma kien hawn bħalu taʼ paċi mit-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija għaliex ma kien hemm ebda gwerra bejn in-nazzjonijiet żviluppati u, minkejja t-tensjoni tremenda u t-tfaddil tal-armi, is-superpotenzi ma daħlux fi gwerra kontra xulxin.
Hemm Tama għall-Paċi?
Jekk il-paċi tfisser sempliċement l-ebda gwerra nukleari globali, forsi wieħed imbagħad jistaʼ jargumenta li l-ġnus tad-dinja diġà kellhom xi suċċess fl-isforzi tagħhom taʼ paċi. Il-politika taʼ Mutual Assured Destruction (Qerda Assigurata taʼ Xulxin ) żammet lis-superpotenzi s’issa. Imma hija dik verament paċi? Kif jistaʼ jkun dan, meta n-nies qed igħixu fil-biżaʼ l-ħin kollu taʼ qerda totali f’daqqa? Kif nistgħu nitkellmu dwar il-paċi meta, madwar id-dinja, tant ħajjiet tan-nies huma mħarbtin, u l-għixien tagħhom irrovinat, u l-prospett tagħhom għal eżistenza taʼ tifsir u twettieq imneħħi minn quddiemhom bil-gwerer, kbar u żgħar?
Ir-rebbieħ tal-premju Nobel Elie Wiesel darba kiteb: “Minn żmien żemżem, in-nies tkellmu dwar il-paċi mingħajr ma kisbuha. Tgħid għax sempliċement m’għandniex esperjenza biżżejjed? Għalkemm nitkellmu l-paċi, nagħmlu l-gwerra. Xi kultant saħansitra nibdew gwerra f’isem il-paċi.... Il-gwerra forsi hija wisq parti mill-istorja biex tiġi eliminata—xi darba.”
U riċentement il-gwerra fil-Lvant Nofsani reġgħet sfrattat l-illużjoni tal-paċi. Jistaʼ jkun li l-umanità sempliċement kienet qed tħares lejn is-sors il-ħażin għall-paċi?
[Stampa f’paġna 3]]
“Din il-ġenerazzjoni taʼ nies fuq l-art tistaʼ tkun xhud tal-avvent taʼ perijodu irriversabbli taʼ paċi fl-istorja taċ-ċiviltà.”—Il-president Sovjetiku Mikhail Gorbachev, f’laqgħa taʼ summit f’Washington, D.C., U.S.A, Mejju 1990
[Sors]
UPI/Bettmann Newsphotos
[Stampi f’paġna 4]
“Dinja ġdida taʼ ħelsien tinsab quddiemna . . ., dinja fejn il-paċi tibqaʼ, fejn il-kummerċ għandu l-kuxjenza u fejn kulma jidher possibbli hu possibbli.”—Il-president tal-Istati Uniti George Bush, f’laqgħa taʼ summit ekonomika dinjija f’Houston, Texas, U.S.A., Lulju 1990
[Sors]
UPI/Bettmann Newsphotos
“Il-ħitan li darba kienu jżommu lin-nies u l-ideat tagħhom qed jaqgħu. L-Ewropej qed jiddeterminaw id-destin tagħhom stess. Qed jagħżlu l-ħelsien. Qed jagħżlu l-libertà ekonomika. Qed jagħzlu l-paċi.”—Dikjarazzjoni minn NATO f’summit f’Londra, Ingilterra, Lulju l990