L-“Ordni Dinjija Ġdida” tal-Bniedem Qrib?
1. Ix-xewqa għal iktar libertà politika kif ġiet espressa fi snin riċenti?
Illum, miljuni taʼ nies huma fil-jasar taħt ir-reliġjon falza, u ħafna jagħżlu li jibqgħu hekk. Fl-istess ħin, iktar u iktar nies qegħdin ifittxu libertajiet politiċi. Il-ġrajjiet straordinarji taʼ dawn l-aħħar ftit snin fl-Ewropa tal-Lvant u f’postijiet oħrajn urew li n-nies iridu għamliet taʼ gvern iżjed liberi. Bħala riżultat, ħafna qegħdin igħidu li era ġdida taʼ libertà hija fil-qrib. Il-president tal-Istati Uniti sejħilha “ordni dinjija ġdida.” Tabilħaqq, mexxejja dinjin kullimkien kienu qegħdin igħidu li l-Gwerra Bierda u t-tellieqa tal-armi kienu spiċċaw u li era ġdida taʼ paċi kienet sebħet għall-bnedmin.—Qabbel 1 Tessalonkin 5:3.
2, 3. Liema kundizzjonijiet jaħdmu kontra l-libertà vera?
2 Madankollu, saħansitra jekk sfozi umani rriżultaw f’inqas armamenti u f’għamliet taʼ tmexxija iktar liberi, tkun teżisti tassew il-libertà vera? Le, minħabba l-problemi tal-biżaʼ li jeżistu fil-ġnus kollha, inklużi dawk demokratiċi, fejn il-għadd tan-nies foqra qed jiżdied u miljuni jissieltu biex jibqgħu ħajjin ekonomikament. Rapport tal-Ġnus Magħquda jistqarr li minkejja l-avvanzi fix-xjenza u fil-mediċina, kuljum mad-dinja kollha medja taʼ 40,000 tifel u tifla jmutu min-nuqqas taʼ ikel jew mard li setaʼ ġie evitat. Espert f’dan il-qasam qal: “Il-faqar qed jieħu karatteristiċi strutturali li verament iheddu lill-futur tal-umanità.”
3 Barra minn dan, iktar nies minn qatt qabel qegħdin isiru vittmi taʼ atti kriminali li qegħdin isiru iktar u iktar feroċi. Mibgħeda razzjali, politika, u reliġjuża qiegħda tkisser f’biċċiet lil diversi pajjiżi. F’xi postijiet is-sitwazzjoni mhix ’il bogħod minn dak iż-żmien futur deskritt f’Żakkarija 14:13, meta n-nies se jkunu “tant imħawdin u beżgħanin li kulħadd [se] jaħtaf lill-bniedem taʼ ħdejh u jattakkah.” (Today’s English Version) Abbuż tad-drogi u mard trażmess sesswalment huma pandemiċi. Miljuni taʼ nies huma nfettati bl-AIDS; fl-Istati Uniti biss, ’il fuq minn 120,000 diġa mietu biha.
Jasar għad-Dnub u l-Mewt
4, 5. Minkejja l-libertajiet li jeżistu llum, liema tip taʼ jasar iżomm lil kulħadd fil-madmad tiegħu?
4 Madankollu, saħansitra li kieku xejn minn dawn il-kundizzjonijiet ħżiena ma kienu jeżistu, in-nies xorta ma jkollhomx libertà vera. Kulħadd ikun għadu fil-jasar. Dan għala huwa l-każ? Biex nagħtu tixbieha: X’jiġri kieku xi dittatur jassar lil kull persuna fuq l-art u qatilhom ilkoll? Fil-fatt, dak hu li ġara lill-bnedmin meta l-ewwel ġenituri tagħna rribellaw kontra Alla u waqgħu fil-jasar tal-ħakma oppressiva tax-Xitan.—2 Korintin 4:4.
5 Meta Alla ħalaq lill-bnedmin hu ppjana għalihom biex igħixu fuq l-art għal dejjem fil-perfezzjoni, f’ġenna, kif juru kapitli 1 u 2 taʼ Ġenesi. Imma minħabba l-irvell taʼ Adam l-antenat tagħna kontra Alla, ilkoll kemm aħna ninsabu taħt sentenza taʼ mewt mill-mument li niġu kkonċeputi: “Permezz taʼ bniedem wieħed [Adam, il-kap tal-familja umana] id-dnub daħal fid-dinja u l-mewt permezz tad-dnub, u b’hekk il-mewt infirxet fuq il-bnedmin kollha.” Kif tgħid il-Bibbja, “il-mewt ħakmet bħala sultan.” (Rumani 5:12, 14) Mela minkejja kemm libertà jistaʼ personalment ikollna, ilkoll kemm aħna qegħdin fil-jasar għad-dnub u l-mewt.
6. Għala kien hemm ftit titjib fl-istennija tal-ħajja minn mindu nkiteb Salm 90:10?
6 Jerġaʼ, il-ħajja li għandna issa hija llimitata ħafna. Sahansitra għal min hu ffortunat, hija biss ftit għaxriet taʼ snin. Għal min hu żventurat, hija biss ftit snin, jew inqas. U studju ġdid igħid: “Ix-xjen-za u l-mediċina mbuttaw lill-istennija tal-ħajja umana sal-limitu naturali tagħha.” Dan hu għaliex is-sistema genetika tagħna għandha l-imperfezzjoni u l-mewt mibnijin fiha bħala riżultat tad-dnub taʼ Adam. Kemm hu taʼ niket li jekk ingħixu 70 jew 80 sena, meta suppost qegħdin insiru iżjed għorrief u kapaċi aktar li ngawdu l-ħajja, l-iġsma tagħna jieqfu jaħdmu u nispiċċaw trab!—Salm 90:10.
7. Il-bnedmin għala qatt ma jistgħu jkunu s-sors tal-libertajiet veri li aħna rridu u li neħtieġu?
7 Liema xorta taʼ ħakma umana tistaʼ tevita dan il-jasar għad-dnub u l-mewt? L-ebda waħda. L-ebda uffiċjal tal-gvern, l-ebda xjenzat, jew tabib fi kwalunkwe post ma jistaʼ jeħlisna mis-saħtiet tal-mard, xjuhija, u mewt, u lanqas ħadd ma jistaʼ jelimina n-nuqqas taʼ sigurtà, l-inġustizzja, il-kriminalità, il-ġuħ, u l-faqar. (Salm 89:48) Hi kemm hi tajba l-intenzjoni tagħhom, huwa impossibbli għall-bnedmin li jkunu s-sors tal-libertajiet veri li rridu u li neħtieġu.—Salm 146:3.
Użu Ħażin tar-Rieda Ħielsa
8, 9. X’poġġa lill-umanità fis-sitwazzjoni preżenti tagħha taʼ niket?
8 Il-familja umana tinsab f’din is-sitwazzjoni tal-biki għaliex Adam u Eva wżaw hażin ir-rieda ħielsa tagħhom. L-ewwel Pietru 2:16 igħid, skond The Jerusalem Bible: “Ġibu ruħkom bħal bnedmin liberi, u qatt tużaw il-libertà tagħkom bħala skuża għall-ħażen.” Għaldaqstant, huwa ċar li Alla ma ppjanax li l-libertà tal-bniedem tkun bla limitu. Kellha tiġi eżerċitata ġewwa l-limiti tal-liġijiet t’Alla, li kienu taʼ tjieba u kienu jaħdmu għall-benefiċċju taʼ kulħadd. U dawk il-limiti kienu kbar biżżejjed biex jippermettu ħafna libertà taʼ għażla biex il-ħakma t’Alla ma tkun qatt oppressiva.—Dewteronomju 32:4.
9 Madankollu, l-ewwel ġenituri tagħna għażlu li jiddeċiedu għalihom infushom x’kien tajjeb u x’kien hażin. Ladarba huma minn jeddhom ħarġu ’l barra mill-ħakma t’Alla, hu ma baqax jappoġġjahom. (Ġenesi 3:17-19) Huma b’hekk saru imperfetti, bil-mard u l-mewt bħala riżultat. Minflok kisbet libertà, l-umanità waqgħet fil-jasar għad-dnub u l-mewt. Huma ġew ukoll suġġetti lejn il-kapriċċi taʼ mexxejja umani imperfetti u, taʼ spiss, kefrin.—Dewteronomju 32:4.
10. Jehovah kif ittratta s-sitwazzjoni b’imħabba?
10 Alla ppermetta lill-bnedmin dan l-esperiment fit-taparsi libertà totali għal biss perijodu limitat taʼ żmien. Kien jaf li r-riżultati se juru mingħajr ebda dubju li tmexxija umana indipendenti minn Alla ma tistax tirnexxi. Ladarba r-rieda ħielsa, eżerċitata kif jixraq, hija teżor tant kbir, Alla fl-imħabba tiegħu għal xi żmien ippermetta dak li ġara minflok ma ħa lura r-rigal tar-rieda ħielsa.
‘Il-Bniedem Ma Jistax Jidderieġi l-Pass Tiegħu’
11. L-istorja tad-dinja kif appoġġjat l-eżattezza tal-Bibbja?
11 Dak li nsibu miktub fl-istorja wera l-eżattezza taʼ Ġeremija kapitlu 10, versi 23 u 24, li jgħid: “Ma jappartjenix lill-bniedem li miexi saħansitra li jidderieġi l-pass tiegħu. Ikkorreġini, O Jehovah.” L-istorja tad-dinja wriet ukoll l-eżattezza taʼ Ekkleżasti 8:9, li jiddikjara: “Raġel iddomina raġel bi ħsara għalih.” Kemm hu veru! Il-familja umana għaddiet minn gwaj għall-ieħor, bit-tmiem taʼ kulħadd fil-qabar. L-appostlu Pawlu ddeskriva s-sitwazzjoni bi preċiżjoni meta qal, kif miktub f’Rumani 8:22: “Aħna nafu li l-ħolqien kollu jibqaʼ jitniegħed flimkien u jkun fl-ugigħ flimkien s’issa.” Iva, indipendenza mil-liġijiet t’Alla kienet dizastruża.
12. Xi sorsi sekulari x’igħidu dwar libertà totali?
12 Il-ktieb Inquisition and Liberty ikkumenta fuq il-libertà b’dan il-mod: “L-indipendenza mhix, fiha nfisha, neċessarjament virtù: mhix xi ħaġa li tkun kburi biha mingħajr kwalifiki oħrajn. Tistaʼ, fil-fatt, tkun sempliċement waħda mill-għamliet baxxi taʼ egoiżmu . . . Il-bniedem m’huwiex, u ma jistax mingħajr assurdita saħansitra jaspira li jkun, ħlejqa totalment indipendenti.” U Prince Philip tal-Ingilterra darba qal:
“Liberta biex tagħti ruħek għal kull kapriċċ u istint tistaʼ tidher attraenti, imma l-esperjenza tgħallem għal darba wara l-oħra, li libertà mingħajr rażna tiegħek innifsek . . . u mġieba mingħajr konsiderazzjoni għal oħrajn hija l-iktar mod ċert biex teqred il-kwalità tal-ħajja taʼ komunità, hu x’inhu l-ġid tagħha.”
Min Jaf l-Iktar?
13, 14. Min biss jistaʼ jipprovdi libertà vera għall-familja umana?
13 Min l-iktar li jaf kif għandha tiġi organizzata familja—ġenituri taʼ mħabba, li huma kapaċi u tal-esperjenza, jew tfal ċkejknin? It-tweġiba hija ovvja. B’mod simili, il-Hallieq tal-bnedmin, Missierna tas-sema jaf xtinħu l-aħjar għalina. Hu jaf kif għandha tiġi organizzata u mmexxija s-soċjeta umana. Hu jaf kif għandha tiġi rregolata r-rieda ħielsa biex iġġib il-benefiċċji tal-libertà vera lil kulħadd. Huwa biss Alla li jistaʼ kollox, Jehovah, li jaf kif jerfaʼ lill-familja umana mill-jasar tagħha u jipprovdi libertà vera għal kulħadd.—Isaija 48:17-19.
14 Fil-Kelma tiegħu, f’Rumani 8:21, Jehovaħ jagħmel din il-wegħda li tispira: “Il-ħolqien innifsu wkoll se jinħeles mill-jasar għall-korruzzjoni u jkollu l-libertà glorjuża tat-tfal t’Alla.” Iva, Alla jwiegħed li jillibera lill-familja umana kompletament mill-kundizzjoni preżenti tagħha taʼ miżerja. L-artiklu li ġej se jiddiskuti kif dan se jseħħ.
Kif Twieġeb Int?
◻ Il-bnedmin għala għandhom xewqa tant qawwija għal-libertà?
◻ Il-bnedmin b’liema modi ġew imjassrin matul l-istorja tad-dinja?
◻ Jehovah għala ppermetta l-użu ħażin tar-rieda ħielsa għal tant żmien twil?
◻ Min biss jistaʼ jġib libertà vera għall-umanità kollha, u għala?
[Stampa f’paġna 6]
It-tul tal-bniedem huwa, tistaʼ tgħid, l-istess kif intqal 3,500 sena ilu f’Salm 90:10
[Sors]
B’kortesija taʼ The British Museum