Tistaʼ Din l-Ikla Jkollha Tifsira Għalik?
QAMAR kwinta jitfaʼ d-dawl baxx tiegħu fuq l-art. F’kamra taʼ fuq f’dar f’Ġerusalemm tal-qedem, 12-il raġel huma miġburin madwar mejda. Ħdax qegħdin mitlufin jisimgħu hekk kif l-Imgħallem tagħhom jintroduċi osservanza sinjifikanti u jitkellem kliem taʼ importanza kbira. Rakkont wieħed igħid:
“Ġesù [Kristu] ħa ħobża u, wara li qal barka, qasamha u, waqt li taha lid-dixxipli, qal: ‘Ħudu, kulu. Dan ifisser il-ġisem tiegħi.’ Ukoll, hu ħa kies u, wara li iżża ħajr, tahulhom, igħid: ‘Ixorbu minnu, intom ilkoll; għax dan ifisser id-“demm tal-patt” tiegħi, li għandu jixxerred għal ħafna għall-maħfra tad-dnubiet. Imma ngħidilkom, Minn issa b’ebda mod ma jien se nixrob minn dan il-prodott tad-dielja sa dak il-jum meta nixorbu ġdid magħkom fis-saltna taʼ Missieri.’ Fl-aħħar, wara li kantaw tifħir, ħarġu lejn il-Muntanja taż-Żebbuġ.”—Mattew 26:26-30.
Dan seħħ wara nżul ix-xemx tal-14-il jum tax-xahar Lhudi Nisan fis-sena 33 tal-Era Komuni tagħna. Ġesù u l-appostli tiegħu kienu għadhom kif iċċelebraw il-Qbiż bħala tifkira tal-ħelsien taʼ Iżrael mill-iskjavitù Eġizzjan fis-seklu 16 Q.E.K. Kristu kien ħallih jitlaq lil Ġuda l-Iskarjota, li kien wasal biex jittradih. B’hekk, Ġesù u l-11-il appostlu leali biss kienu preżenti.
Din l-ikla taʼ fil-għaxija ma kinetx tkomplija tal-Qbiż Lhudi. Kienet xi ħaġa ġdida li bdiet tissejjaħ l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej. Rigward din l-osservanza, Ġesù kkmanda lis-segwaċi tiegħu: “Ibqgħu agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” (Luqa 22:19, 20; 1 Korintin 11:24-26) Għala qalu dan? U din il-ġrajja li ilha daqs dawn sekli kif jistaʼ jkun li għandha tifsira għalik?