LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w94 6/1 pp. 8-13
  • Ġenituri, Uliedkom Jeħtieġu Attenzjoni Speċjalizzata

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ġenituri, Uliedkom Jeħtieġu Attenzjoni Speċjalizzata
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Attenzjoni Taʼ Kuljum Mill-​Infanzja
  • Kura Speċjalizzata Li Hi Meħtieġa
  • Għożż Il-​Ħin Tagħkom Flimkien
  • Premju Għani
  • Ħarreġ lit-Tfal Tiegħek mill-Infanzja
    Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
  • Ġenituri, Tgħaxxqu bit-Tfal Tagħkom
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Ġenituri—Ħarrġu lil Uliedkom bl-Imħabba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Ibni Familja Soda Spiritwalment
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
w94 6/1 pp. 8-13

Ġenituri, Uliedkom Jeħtieġu Attenzjoni Speċjalizzata

“Uliedek se jkunu bħal xitel taʼ siġar taż-​żebbuġ madwar il-​mejda tiegħek.”—SALM 128:3.

1. It-​tkabbir tal-​pjanti u t-​trobbija tat-​tfal kif jistgħu jiġu mqabblin?

F’ĦAFNA aspetti, it-​tfal jikbru u jiżżviluppaw bħall-​pjanti. Mhux sorprendenti, għalhekk, li l-​Bibbja titkellem dwar mart raġel bħala “dielja li tagħti l-​frott” u xxebbah lil uliedu maʼ “xitel taʼ siġar taż-​żebbuġ madwar il-​mejda [tiegħu].” (Salm 128:3) Bidwi malajr jgħidlek li biex tkabbar ammont taʼ pjanti żgħar m’huwiex faċli, speċjalment meta l-​kundizzjonijiet tal-​klima u tal-​ħamrija ma jkunux favorevoli. B’mod simili, f’dawn “l-​aħħar jiem” kritiċi, huwa diffiċli ħafna li trabbi t-​tfal biex isiru adulti moħħhom f’loku u li jkollhom il-​biżaʼ t’Alla.—2 Timotew 3:1-5.

2. Normalment x’inhu meħtieġ biex tipproduċi ħsad tajjeb?

2 Biex jaħsad prodott tajjeb, bidwi għandu bżonn art fertili, sħana tax-​xemx, u ilma. Minbarra li jikkultiva u jnaqqi l-​ħaxix ħażin, hu jrid jipprovdi pestiċidi u miżuri oħrajn taʼ protezzjoni. Jistaʼ jkun hemm żminijiet diffiċli matul l-​istaġun tat-​tkabbir, saħansitra sa żmien il-​ħsad. X’sogħba meta l-​prodott joħroġ ħażin! Madankollu, kemm jistaʼ jkun kuntent wieħed li jikkultiva meta, wara ħafna xogħol iebes, jaħsad prodott tajjeb!—Isaija 60:20-22; 61:3.

3. Il-​pjanti u t-​tfal kif jitqabblu fl-​importanza, u liema xorta taʼ attenzjoni għandhom jirċievu t-​tfal?

3 Ħajja umana produttiva u taʼ suċċess ċertament li hi iżjed prezzjuża minn ħsad taʼ bidwi. Għalhekk mhux sorprendenti li biex trabbi tifel jew tifla b’suċċess jistaʼ jieħu saħansitra iżjed ħin u sforz milli biex tkabbar prodott abbundanti. (Dewteronomju 11:18-21) Tifel żgħir miżrugħ fil-​ġnien tal-​ħajja, jekk jiġi msoqqi u sostnut bl-​imħabba u jingħata restrizzjonijiet raġonevoli, jistaʼ jikber u jiffjorixxi spiritwalment saħansitra ġo dinja mimlija b’valuri morali morda. Imma jekk jiġi trattat ħażin jew maħqur, it-​tifel jitbiel minn ġewwa u possibilment imut spiritwalment. (Kolossin 3:21; qabbel Ġeremija 2:21; 12:2.) Tabilħaqq, it-​tfal kollha jeħtieġu attenzjoni speċjalizzata!

Attenzjoni Taʼ Kuljum Mill-​Infanzja

4. It-​tfal liema xorta taʼ attenzjoni jeħtieġu “mill-​infanzja”?

4 Il-​ġenituri jridu jagħtu attenzjoni kważi kontinwa lil tarbija tat-​twelid. Madankollu, it-​tarbija teħtieġ biss attenzjoni fiżika jew materjali fuq bażi taʼ kuljum? Lill-​qaddej t’Alla Timotew, l-​appostlu Pawlu kiteb: “Mill-​infanzja ilek taf il-​kitbiet qaddisin, li kapaċi jagħmluk għaref għas-​salvazzjoni.” (2 Timotew 3:15) Mela l-​attenzjoni mill-​ġenituri li rċieva Timotew, saħansitra mill-​infanzja, kienet ukoll taʼ xorta spiritwali. Imma l-​infanzja meta tibda?

5, 6. (a) Il-​Bibbja xi tgħid dwar trabi li għadhom ma tweldux? (b) X’jindika li l-​ġenituri għandhom ikunu kkonċernati dwar il-​ġid taʼ tarbija li għadha ma twelditx?

5 Il-​kelma Griega li Pawlu uża hawn (breʹphos) hi applikata wkoll għal tarbija li għadha ma twelditx. Eliżabetta, omm Ġwanni l-​Għammied, qalet lil qaribtha Marija: “Malli l-​ħoss tat-​tislima tiegħek waqaʼ fuq widnejja, it-​tarbija [breʹphos] fil-​ġuf tiegħi qabżet b’hena kbir.” (Luqa 1:44) B’hekk, saħansitra trabi li għadhom ma tweldux jissejħu li huma fl-​infanzja, u l-​Bibbja turi li huma jistgħu jaġixxu għal attività ’l barra mill-​ġuf. Għandha l-​kura taʼ qabel it-​twelid, li hi spiss inkuraġġita llum, għalhekk tinkludi attenzjoni lill-​ġid spiritwali tat-​tarbija li għada mhix imwielda?

6 Din hi xi ħaġa li għandna nikkunsidraw, ladarba l-​evidenza turi li t-​trabi li jkunu għadhom ma tweldux jistgħu jew jibbenefikaw minn jew jiġu effettwati b’mod ħażin b’dak li jisimgħu. Direttur tal-​mużika induna li diversi kompożizzjonijiet li kien qiegħed jipprattika stranament kienu jinstemgħu familjari, speċjalment il-​parti taċ-​cello. Meta semma l-​ismijiet tax-​xogħlijiet mużikali lil ommu, ċellista professjonali, hi qalet li dawn kienu l-​istess kompożizzjonijiet mużikali li hi kienet qiegħda tipprattika meta kienet tqila bih. B’mod simili, it-​trabi li jkunu għadhom ma tweldux jistgħu jiġu effettwati b’mod negattiv meta ommijiethom bi drawwa jaraw is-​soap operas fuq it-​TV. B’hekk, ġurnal mediku tkellem dwar “kilba għas-​soap fi trabi ġol-ġuf.”

7. (a) Ħafna ġenituri kif taw attenzjoni lejn il-​ġid tat-​tarbija tagħhom qabel ma twieldet? (b) Tarbija liema kapaċitajiet għandha?

7 Billi jirrealizzaw il-​benefiċċju taʼ stimulanti pożittivi għat-​trabi, ħafna ġenituri jibdew jaqraw, jitkellmu, u jkantaw lit-​tarbija tagħhom saħansitra qabel ma titwieled. Int tistaʼ tagħmel l-​istess. Waqt li t-​tarbija tiegħek forsi ma tifhimx il-​kliem, wisq probabbli se tibbenefika mill-​vuċi mellisija tiegħek u mit-​ton taʼ mħabba tagħha. Wara t-​twelid, it-​tarbija se tibda tifhem kliemek, forsi ħafna qabel ma taħseb int. F’sentejn jew tlieta biss, tarbija titgħallem lingwa komplessa sempliċement billi tkun esposta għaliha. Tarbija tistaʼ wkoll tibda titgħallem il-​“lingwa pura” tal-​verità tal-​Bibbja.—Sofonija 3:9.

8. (a) Il-​Bibbja b’mod evidenti xi trid tfisser meta tgħid li Timotew kien jaf il-​kitbiet qaddisin “mill-​infanzja”? (b) X’ta prova li kien veru dwar Timotew?

8 X’ried ifisser Pawlu meta qal li Timotew kien ilu ‘jaf il-​kitbiet qaddisin mill-​infanzja’? B’mod evidenti ried ifisser li Timotew kien irċieva taħriġ spiritwali minn mindu kien tarbija, mhux biss mit-​tfulija. Dan hu fi qbil mat-​tifsir tal-​kelma Griega breʹphos, li ġeneralment tirreferi għal tarbija tat-​twelid. (Luqa 2:12, 16; Atti 7:19) Timotew irċieva struzzjoni spiritwali mingħand ommu Ewniċe u nanntu Lojs minn lura fiż-​żmien safejn kienet twassal il-​memorja tiegħu. (2 Timotew 1:5) Il-​qawl, ‘Kif tiġi fformata l-​fergħa żagħżugħa, hekk tikber is-​siġra’ ċertament li kien japplika għal Timotew. Hu kien ġie ‘mħarreġ skond il-​mogħdija għalih,’ u, bħala riżultat, hu sar qaddej mill-​aħjar t’Alla.—Proverbji 22:6; Filippin 2:19-22.

Kura Speċjalizzata Li Hi Meħtieġa

9. (a) Il-​ġenituri x’għandhom jevitaw li jagħmlu, u għala? (b) Hekk kif tifel jiżżviluppa, il-​ġenituri x’jeħtieġu li jagħmlu, u taʼ liema eżempju għandhom jagħtu kas?

9 It-​tfal ukoll huma bħal pjanti għall-​fatt li mhux kollha għandhom l-​istess karatteristiċi, lanqas ma jirrispondu lkoll għall-​istess metodi taʼ kura. Ġenituri għaqlin se jirrispettaw id-​differenzi u se jevitaw li jipparagunaw lit-​tfal maʼ xulxin. (Qabbel Galatin 6:4.) Jekk trid li uliedek jiffjorixxu f’adulti f’saħħithom, għandek bżonn tosserva x-​xeħtiet distintivi tal-​personalità tagħhom, billi tikkultiva t-​tajbin u tnaqqi l-​ħżiena. Xi ngħidu jekk tosserva xi djufija jew xeħta mhix xierqa, forsi lejn id-​diżonestà, il-​materjaliżmu, jew l-​egoiżmu? Ikkorreġiha b’qalb tajba, saħansitra bħalma Ġesù kkorrieġa d-​djufijiet taʼ l-​appostli tiegħu. (Mark 9:33-37) B’mod partikulari, faħħar regolarment lit-​tfal individwalment għall-​punti sodi u x-​xeħtiet tajbin tagħhom.

10. It-​tfal x’jeħtieġu b’mod speċjali, u kif tistaʼ tiġi pprovduta?

10 Dak li t-​tfal jeħtieġu b’mod speċjali hu attenzjoni persunali taʼ mħabba. Ġesù ħa l-​ħin biex jipprovdi liċ-​ċkejknin b’attenzjoni speċjali bħal din, saħansitra matul il-​jiem finali mimlijin attività tal-​ministeru tiegħu. (Mark 10:13-16, 32) Ġenituri, segwu dak l-​eżempju! Mingħajr egoiżmu agħmlu l-​ħin biex tkunu maʼ wliedkom. U tistħux turuhom imħabba ġenwina. Poġġu dirgħajkom madwarhom, kif għamel Ġesù. Agħtuhom tgħanniq u bews kordjali u b’affezzjoni. Meta ġenituri taʼ adulti żgħażagħ b’moħħhom f’loku ġew mistoqsijin x’parir setgħu joffru lil ġenituri oħrajn, fost l-​iktar tweġibiet spissi kien hemm: ‘Ħobbu b’mod abbundanti,’ ‘qattgħu ħin flimkien,’ ‘żviluppaw rispett reċiproku,’ ‘tassew agħtuhom widen,’ ‘offru gwida minflok diskors,’ u ‘kunu realistiċi.’

11. (a) Il-​ġenituri kif għandhom iħarsu lejn li jipprovdu attenzjoni speċjalizzata għat-​tfal tagħhom? (b) Il-​ġenituri meta jkunu jistgħu jgawdu komunikazzjoni siewja maʼ wliedhom?

11 Li tipprovdi attenzjoni speċjalizzata bħal din jistaʼ jkun taʼ ferħ. Ġenitur li rnexxa kiteb: “Meta ż-​żewġ subien tagħna kienu iżgħar, il-​proċess taʼ li nippreparawhom biex jorqdu, naqrawlhom, ngħattuhom, u nitolbu magħhom kien taʼ pjaċir.” Ħinijiet bħal dawn flimkien jipprovdu opportunità għal komunikazzjoni li tistaʼ tkun inkuraġġanti kemm għall-​ġenitur kif ukoll għat-​tifel. (Qabbel Rumani 1:11, 12.) Koppja waħda qagħdu jissemmgħu waqt li binhom taʼ tliet snin talab lil Alla biex ibierek lil “Wally.” Hu talab għal “Wally” fi ljieli suċċessivi, u l-​ġenituri kienu inkuraġġiti ħafna meta rrealizzaw li hu ried ifisser għall-​aħwa fil-​Malawi, li kienu dak iż-​żmien qegħdin isofru l-​persekuzzjoni. Mara miżżewġa qalet: ‘Meta kelli biss erbaʼ snin, ommi għenitni nimmemorizza skritturi u nkanta għanjiet tas-​Saltna meta kont nitlaʼ fuq siġġu biex nixxotta l-​platti waqt li hi kienet taħsilhom.’ Tistaʼ int taħseb dwar xi ħinijiet meta tistaʼ tgawdi komunikazzjoni siewja maż-​żgħar tiegħek?

12. Ġenituri Kristjani x’se jipprovdu b’mod għaqli għal uliedhom, u liema metodi jistgħu jintużaw?

12 Ġenituri Kristjani għaqlin jaħsbu għal programm taʼ studju regulari. Għalkemm int forsi tuża metodu formali taʼ mistoqsija u tweġiba, tistaʼ int tikkontribwixxi għal komunikazzjoni pjaċevoli billi taddatta sezzjonijiet taʼ studju, b’mod speċjali għal tfal iżgħar? Tistaʼ tinkludi tpenġija taʼ stampi taʼ xeni mill-​Bibbja, rakkontar taʼ stejjer mill-​Bibbja, jew smigħ b’attenzjoni taʼ xi rapport li int tkun tlabt lit-​tifel biex jipprepara. Agħmel il-​Kelma t’Alla appetituża kemm tistaʼ għal uliedek biex jifformaw xenqa għaliha. (1 Pietru 2:2, 3) Wieħed missier qal: ‘Meta t-​tfal kienu iżgħar, konna nitkaxkru maʼ l-​art magħhom u konna nirreċtaw ġrajjiet storiċi li jinvolvu karattri famużi tal-​Bibbja. It-​tfal kienu jħobbuh dan.’

13. X’inhu l-​valur taʼ sessjonijiet taʼ prattika, u x’tistaʼ tipprattika matulhom?

13 Sessjonijiet taʼ prattika wkoll jirriżultaw f’komunikazzjoni siewja għaliex jgħinu lil uħud żgħar biex jippreparaw għal sitwazzjonijiet fil-​ħajja vera. Waħda mit-​tfal tal-​familja Kusserow​—li l-​11 kollha kemm huma baqgħu leali lejn Alla matul il-​persekuzzjoni Nazista—​qalet dwar il-​ġenituri tagħha: “Huma wrewna kif naġixxu u kif niddefendu lilna nfusna bil-​Bibbja. [1 Pietru 3:15] Taʼ spiss kien ikollna sessjonijiet taʼ prattika, billi nistaqsu mistoqsijiet u nagħtu tweġibiet.” Għala ma tagħmilx l-​istess ħaġa? Tistaʼ tipprattika preżentazzjonijiet għall-​ministeru, b’ġenitur li jagħmilha taʼ l-​inkwilin. Jew is-​sessjoni taʼ prattika tistaʼ tittratta tentazzjonijiet tal-​ħajja vera. (Proverbji 1:10-15) “Li wieħed jipprattika għal sitwazzjonijiet diffiċli jistaʼ jibni l-​abbiltajiet u l-​fiduċja tat-​tifel,” spjegat waħda individwa. “L-​ipprattikar jistaʼ jinkludi li tilgħab l-​irwol taʼ ħabib li joffri sigarett, xorb jew droga lit-​tifel tiegħek.” Dawn is-​sessjonijiet jistgħu jgħinuk tagħraf kif it-​tifel tiegħek se jirreaġixxi f’sitwazzjonijiet bħal dawn.

14. Diskussjonijiet taʼ mħabba u taʼ mogħdrija maʼ wliedek għala huma tant importanti?

14 Matul komunikazzjoni mat-​tifel tiegħek, appellalu bl-​istess manjiera taʼ mogħdrija bħalma għamel il-​kittieb taʼ dawn il-​kelmiet: “Ibni, il-​liġi tiegħi la tinsiex, u l-​kmandamenti tiegħi jalla qalbek tosserva, għaliex tul taʼ jiem u snin taʼ ħajja u paċi se jiżdidulek.” (Proverbji 3:1, 2) Ma tilħaqx qalb it-​tifel tiegħek jekk int b’imħabba tispjega li int tirrikjedi ubbidjenza għaliex dan se jirriżulta f’li hu jkollu l-​paċi u tul taʼ jiem​—fil-​fatt, ħajja eterna fid-​dinja ġdida taʼ paċi t’Alla? Ħu inkonsiderazzjoni l-​personalità taż-​żgħir tiegħek hekk kif tirraġuna mill-​Kelma t’Alla. Agħmel dan bit-​talb, u Jehovah ibierek l-​isforzi tiegħek. Diskussjonijiet taʼ mħabba u taʼ mogħdrija bħal dawn ibbażati fuq il-​Bibbja x’aktarx li jkollhom riżultati mill-​aħjar u jġibu benefiċċji dejjiema.—Proverbji 22:6.

15. Il-​ġenituri kif jistgħu jgħinu lit-​tfal tagħhom biex isolvu l-​problemi?

15 Saħansitra jekk komunikazzjoni bħal din ma sseħħx matul il-​perijodu taʼ studju ppjanat tiegħek, tiġix aljenat minn affarijiet oħrajn. Ismaʼ bl-​attenzjoni mhux biss għal dak li jgħid it-​tifel imma wkoll għal kif jesprimi l-​ħsieb. “Ħares lejn it-​tifel tiegħek,” qal wieħed espert. “Agħtih l-​attenzjoni sħiħa tiegħek. Għandek bżonn li tifhem, mhux biss li tismaʼ. Ġenituri li jagħmlu dak l-​isforz miżjud jagħmlu differenza kbira ferm fil-​ħajjiet tat-​tfal tagħhom.” It-​tfal illum taʼ spiss jiltaqgħu maʼ problemi serji fl-​iskola u bnadi oħrajn. Bħala ġenitur, ġagħal lit-​tifel jgħid xi jħoss, u għinu jara l-​affarijiet mill-​ħarsa t’Alla. Jekk m’intix ċert dwar kif issolvi l-​problema, agħmel riċerka fl-​Iskrittura u fil-​pubblikazzjonijiet ipprovduti permezz taʼ l-​“irsir fidil u diskret.” (Mattew 24:45) B’kull mezz, agħti lit-​tifel tiegħek l-​attenzjoni speċjalizzata kollha meħtieġa biex tissolva l-​problema.

Għożż Il-​Ħin Tagħkom Flimkien

16, 17. (a) Iż-​żgħażagħ b’mod partikulari għala jeħtieġu attenzjoni u struzzjoni speċjalizzati llum? (b) It-​tfal x’għandhom bżonn ikunu jafu meta jiġu ddixxiplinati mill-​ġenituri tagħhom?

16 Iż-​żgħażagħ għandhom bżonn iżjed attenzjoni speċjalizzata llum minn qatt qabel għaliex qegħdin ngħixu fl-​“aħħar jiem,” u dawn huma “żminijiet kritiċi.” (2 Timotew 3:1-5; Mattew 24:3-14) Ġenituri u tfal bl-​istess mod jinħtieġu l-​protezzjoni pprovduta mill-​għerf veru li “jżomm ħajjin lis-​sidien tiegħu.” (Ekkleżjasti 7:12) Ladarba għerf divin jinvolvi l-​applikar xieraq taʼ għarfien ibbażat fuq il-​Bibbja, it-​tfal jinħtieġu struzzjoni regulari fil-​Kelma t’Alla. Għalhekk, studja l-​Iskrittura maż-​żgħar tiegħek. Għidilhom dwar Jehovah, spjega bir-​reqqa l-​ħtiġijiet tiegħu, u fforma antiċipazzjoni taʼ ferħ għat-​twettieq tal-​wegħdiet grandjużi tiegħu. Tkellem dwar dawn l-​affarijiet fid-​dar, hekk kif timxi bit-​tfal tiegħek maʼ ġenbek​—tabilħaqq, f’kull okkażjoni xierqa.—Dewteronomju 6:4-7.

17 Il-​bdiewa jafu li mhux il-​pjanti kollha jiffjorixxu taħt l-​istess kundizzjonijiet. Il-​pjanti għandhom bżonn taʼ kura speċjalizzata. Bl-​istess mod, kull tifel hu differenti u għandu bżonn attenzjoni speċjalizzata, struzzjoni, u dixxiplina. Per eżempju, ħarsa taʼ diżapprovazzjoni mill-​ġenitur tistaʼ tkun biżżejjed biex twaqqaf il-​korsa ħażina taʼ wieħed żagħżugħ, fil-​waqt li ieħor jistaʼ jkollu bżonn dixxiplina iżjed soda. Imma t-​tfal kollha tiegħek għandhom bżonn ikunu jafu għala inti ma tiħux pjaċir b’ċerti kliem jew azzjonijiet, u l-​ġenituri t-​tnejn li huma għandhom jikkoperaw sabiex id-​dixxiplina tkun konsistenti. (Efesin 6:4) Huwa b’mod speċjali importanti li ġenituri Kristjani jagħtu gwida ċara li hi fi qbil maʼ l-​Iskrittura.

18, 19. Il-​ġenituri Kristjani x’responsabbiltà għandhom lejn uliedhom, u liema ħaġa aktarx li tirriżulta jekk dak ix-​xogħol isir sewwa?

18 Bidwi jrid jagħmel ix-​xogħol taʼ taħwil u kultivazzjoni fiż-​żmien xieraq. Jekk jiddawwar jew jittraskura l-​prodott tiegħu, hu se jaħsad ftit jew xejn. Sewwa, it-​tfal żgħar tiegħek huma “pjanti” li qegħdin jiżżviluppaw u li jridu attenzjoni speċjalizzata issa stess, mhux ix-​xahar li ġej jew is-​sena li ġejja. Tħallix opportunitajiet prezzjużi jisskappawlek biex tavanza l-​kobor spiritwali tagħhom fi qbil mal-​Kelma t’Alla u biex tnaqqi ’l barra ħsibijiet dinjin li jistgħu jġagħluhom jitbielu u jmutu spiritwalment. Għożż is-​sigħat u l-​jiem li int ipprivileġġjat li tqattaʼ maʼ wliedek, għax dawn iż-​żminijiet jgħaddu malajr. Aħdem iebes biex tikkultiva f’uliedek il-​kwalitajiet taʼ tjieba meħtieġa għal ħajja hienja bħala qaddejja leali taʼ Jehovah. (Galatin 5:22, 23; Kolossin 3:12-14) Dan mhux ix-​xogħol taʼ xi ħadd ieħor; huwa dmirek, u Alla jistaʼ jgħinek biex tagħmlu.

19 Agħti lil uliedek wirt spiritwali għani. Studja l-​Kelma t’Alla magħhom, u gawdi rikreazzjoni li tibni flimkien magħhom. Ħu liż-​żgħar tiegħek għal-​laqgħat Kristjani, u żommhom maʼ ġenbek fix-​xogħol taʼ ppridkar tas-​Saltna. Ibni ġol-​maħbubin uliedek ix-​xorta taʼ personalità li għandha l-​approvazzjoni taʼ Jehovah, u wisq probabbli li jġibulek ferħ kbir meta jikbru. Tabilħaqq, “il-​missier taʼ wieħed twajjeb mhux se jonqos li jkun mimli ferħ; il-​wieħed li qiegħed isir missier taʼ wieħed għaref se jifraħ ukoll bih. Missierek u ommok se jifirħu, u dik li wellditek se tkun mimlija ferħ.”—Proverbji 23:24, 25.

Premju Għani

20. X’inhu l-​muftieħ taʼ li tkun ġenitur taʼ suċċess għat-​teenagers?

20 It-​trobbija tat-​tfal hu inkarigu kompless u fit-​tul. Li trabbi dawn ix-​“xitel taʼ siġar taż-​żebbuġ madwar il-​mejda tiegħek” biex isiru adulti li għandhom il-​biżaʼ t’Alla u li jipproduċu frott tas-​Saltna ġie msejjaħ proġett taʼ 20 sena. (Salm 128:3; Ġwann 15:8) Dan il-​proġett ġeneralment isir itqal meta t-​tfal jilħqu l-​età taʼ bejn it-​13 u d-​19-il sena (teenage), meta pressjonijiet fuqhom taʼ spiss jiżdiedu u l-​ġenituri jkollhom bżonn jintensifikaw l-​isforzi tagħhom biex jgħinuhom. Imma l-​muftieħ għas-​suċċess jibqaʼ l-​istess​—li tkun attent, kordjali, u li tifhem. Ftakar li ż-​żgħar tiegħek tassew jeħtieġu attenzjoni persunali. Int tistaʼ tagħtihom attenzjoni bħal din billi turi tħassib ġenwin taʼ mħabba għall-​ġid tagħhom. Biex tgħinhom, int trid tikkonsma lilek innifsek billi tipprovdi il-​ħin, l-​imħabba, u t-​tħassib li huma verament jeħtieġu.

21. X’jistaʼ jkun il-​premju meta tagħti lit-​tfal attenzjoni speċjalizzata?

21 Il-​premju għall-​isforzi tiegħek biex tieħu ħsieb tal-​frott prezzjuż li Jehovah fdalek f’idejk jistaʼ jkun bil-​wisq iżjed sodisfaċenti mill-​ħsad abbundanti taʼ kwalunkwe bidwi. (Salm 127:3-5) Mela allura ġenituri, komplu agħtu lil uliedkom attenzjoni speċjalizzata. Agħmlu dan għall-​ġid tagħhom u għall-​glorja taʼ Missierna tas-​sema, Jehovah. (w94 5/15)

Kif Twieġeb Int?

◻ It-​tkabbir tal-​pjanti u t-​trobbija tat-​tfal kif jistgħu jiġu mqabblin?

◻ Tifel liema xorta taʼ attenzjoni għandu jirċievi kuljum mill-​infanzja?

◻ It-​tfal liema attenzjoni speċjalizzata jeħtieġu, u kif tistaʼ tingħata?

◻ Għala tagħti lit-​tfal tiegħek attenzjoni speċjalizzata?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja