LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w96 12/1 pp. 22-27
  • Ġenituri, Tgħaxxqu bit-Tfal Tagħkom

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ġenituri, Tgħaxxqu bit-Tfal Tagħkom
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Enfasi Fuq Il-​Kliem Taʼ Jehovah
  • Taħriġ Minn Ċkunithom
  • Infornu L-​“Ilma” Regolarment
  • Nipprovdu Protezzjoni Għaċ-​Ċkejknin
  • Infornu Dixxiplina Bl-​Imħabba
  • Il-​Premju Jiswieh L-​Isforz Li Tagħmel
  • Ħarreġ lit-​Tfal Tiegħek mill-​Infanzja
    Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
  • Ġenituri—Ħarrġu lil Uliedkom bl-Imħabba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Ibni Familja Soda Spiritwalment
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Uliedna —Wirt Prezzjuż
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
w96 12/1 pp. 22-27

Ġenituri, Tgħaxxqu bit-​Tfal Tagħkom

“Jithennew bik missierek u ommok.”—PROVERBJI 23:25.

1. X’se jġiegħel lill-​ġenituri biex isibu għaxqa fit-​tfal tagħhom?

KEMM hija ħaġa sabiħa li tara xitla ssir siġra enormi li tipprovdi ġmiel u dell​—speċjalment jekk ħawwiltha u ħadt ħsiebha int! Bl-​istess mod, ġenituri li jieħdu ħsieb tfal li jikbru u jsiru qaddejja maturi t’Alla jitgħaxxqu ferm bihom, bħalma jgħid il-​proverbju tal-​Bibbja: “Missier il-​ġust għandu ħafna għax jifraħ, min għandu ibnu għaref jithenna bih. Jithennew bik missierek u ommok, u tifraħ bik dik li welditek!”—Proverbji 23:24, 25.

2, 3. (a) Il-​ġenituri kif jistgħu jevitaw l-​għali u l-​imrar? (b) Kemm ix-​xtieli u kemm it-​tfal x’għandhom bżonn sabiex isiru sors t’għaxqa?

2 Madankollu, tarbija ma ssirx ‘ġusta’ u ‘għarfaʼ awtomatikament. Sforz kbir huwa meħtieġ biex iżżomm liż-​żgħar milli jsiru sors t’“għali” u “mrar,” saħansitra bħalma jistaʼ jkun involut xogħol biex xitla tikber u ssir siġra enormi. (Proverbji 17:21, 25) Per eżempju, zkuk t’appoġġ jistgħu jħarrġu lil xitla biex titlaʼ dritta u b’saħħitha. Provista regulari taʼ ilma hija vitali, u xitla jistaʼ jkollha bżonn li tiġi protetta minn xi insetti. Fl-​aħħarnett, iż-​żbir jgħin biex jipproduċi siġra sabiħa.

3 Il-​Kelma t’Alla tirrivela li t-​tfal jeħtieġu affarijiet bħalma huma taħriġ devot, tisqija bl-​ilma tal-​verità tal-​Bibbja, protezzjoni minn abbużi morali, u dixxiplina b’imħabba biex jinżabru kwalitajiet mhux mixtiqin. Biex ifornu dawn il-​ħtiġijiet, il-​missirijiet b’mod speċjali huma mħeġġin biex irabbu lil uliedhom “fid-​dixxiplina u t-​twiddib tal-​Mulej.” (Efesin 6:4) Dan x’jinvolvi?

Enfasi Fuq Il-​Kliem Taʼ Jehovah

4. Il-​ġenituri liema responsabbiltà għandhom lejn it-​tfal tagħhom, u x’inhu meħtieġ qabel ma jwettquha?

4 “Twiddib tal-​Mulej” ifisser li nirregolaw il-​mod taʼ ħsieb tagħna biex ikun jaqbel mar-​rieda taʼ Jehovah. Il-​ġenituri, allura, iridu jnaqqxu fl-​imħuħ taċ-​ċkejknin tagħhom il-​mod kif jaħsibha Jehovah dwar kwistjonijiet. U jridu wkoll jimitaw l-​eżempju t’Alla f’li jipprovdu dixxiplina b’mogħdrija, jew taħriġ korrettiv. (Salm 103:10, 11; Proverbji 3:11, 12) Imma qabel ma l-​ġenituri jistgħu jagħmluh dan, huma nfushom iridu jdaħħlu fihom il-​kliem taʼ Jehovah, bħalma Mosè l-​profeta t’Alla wissa lill-​Israeliti tal-​qedem: “Żomm f’qalbek dan il-​kliem [mingħand Jehovah] u dawn il-​kmandamenti li qiegħed nagħtik illum.” (Korsiv tagħna.)—Dewteronomju 6:6.

5. Ġenituri Israeliti, meta u b’liema mod kellhom jistruwixxu lit-​tfal tagħhom, u x’ifisser li ‘ttennihom’?

5 Studju regulari tal-​Bibbja, meditazzjoni, u talb jgħammru lill-​ġenituri biex jagħmlu dak li Mosè kompla jikkmanda: “Tennihom [il-kliem taʼ Jehovah] lil uliedek, u tkellem fuqhom meta tkun f’darek, u meta tkun miexi fit-​triq, u meta timtedd, u meta tqum.” Il-​kelma Ebrajka tradotta “tennihom” tfisser “li tirrepeti,” “tgħidhom darba wara l-​oħra,” “iddaħħalhom sewwa f’moħħ.” Innota kif Mosè kompla jenfasizza l-​ħtieġa li nżommu l-​kliem taʼ Jehovah fuq quddiem: “Torbothom b’sinjal maʼ idek u ddendilhom bejn għajnejk. U tiktibhom mal-​ġnub tal-​bibien u fuq il-​bwieb tiegħek.” B’mod ċar, Jehovah jirrikjedi li l-​ġenituri jagħtu lit-​tfal tagħhom attenzjoni regulari kollha mħabba! (Korsiv tagħna.)—Dewteronomju 6:7-9.

6. Il-​ġenituri x’kellhom idaħħlu sewwa fil-​moħħ tat-​tfal tagħhom u b’liema benefiċċju?

6 X’inhu “dan il-​kliem” taʼ Jehovah li l-​ġenituri kellhom idaħħlu sew f’moħħ uliedhom? Mosè kien għadu kif tenna dawk li ħafna jsejħulhom l-​Għaxar Kmandamenti, inklużi l-​kmandi biex wieħed ma joqtolx, ma jikkommettix adulterju, ma jisraqx, ma jixhidx falz, u ma jixxennaqx. Dawn il-​ħtiġijiet morali, kif ukoll il-​kmand “Ħobb, mela, lill-​Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’saħħtek kollha,” kienu partikolarment dak li ġenituri Israeliti kellhom idaħħlu sewwa f’moħħ iż-​żgħar tagħhom. (Dewteronomju 5:6-21; 6:1-5) Ma taqbilx li dan huwa x-​xorta taʼ tagħlim li t-​tfal jeħtieġu llum?

7. (a) It-​tfal maʼ liema ħaġa ġew imqabblin fil-​Bibbja? (b) X’se neżaminaw issa?

7 Il-​missier Israelit intqallu: “Martek tkun bħal dielja għammiela fl-​irkejjen taʼ darek; uliedek bħal xitel taż-​żebbuġ madwar il-​mejda tiegħek.” (Salm 128:3) Madankollu, biex il-​ġenituri jsibu għaxqa fix-​“xtieli” tagħhom minflok ma jġarrbu l-​għali, huma jridu jieħdu interess persunali kuljum fit-​tfal tagħhom. (Proverbji 10:1; 13:24; 29:15, 17) Ejjew neżaminaw kif il-​ġenituri jistgħu jħarrġu, isaqqu spiritwalment, jipproteġu u jiddixxiplinaw b’imħabba lit-​tfal tagħhom b’tali mod li jaslu biex isibu l-​vera għaxqa fihom.

Taħriġ Minn Ċkunithom

8. (a) Min serva bħala zkuk taʼ taħriġ għal Timotju? (b) It-​taħriġ meta beda, u b’liema riżultat?

8 Ikkunsidra lil Timotju, li rċieva appoġġ minn, biex ngħidu hekk, żewġt izkuk taʼ taħriġ imqabbdin fis-​sod​—ommu u nanntu. Ladarba missier Timotju kien Grieg u evidentement ma kienx kredent, kienet ommu l-​Lhudija Ewnike, u ommha, Lojs, li ħarrġu lit-​tifel ‘minn żgħoritu . . . fil-​Kotba Mqaddsa.’ (Korsiv tagħna.) (2 Timotju 1:5; 3:15; Atti 16:1) It-​tħabrik tagħhom f’li jgħallmu lil Timotju​—saħansitra meta kien tarbija—​l-“egħġubijiet li [Jehovah] għamel” kien premjanti ferm. (Salm 78:1, 3, 4) Timotju sar missjunarju f’pajjiżi ’l bogħod, forsi waqt li kien għadu adolexxent, u kellu rwol prominenti f’li jsaħħaħ lill-​kongregazzjonijiet Kristjani bikrin.—Atti 16:2-5; 1 Korintin 4:17; Filippin 2:19-23.

9. Iż-​żgħar kif jistgħu jitgħallmu jevitaw in-​nases tal-​materjaliżmu?

9 Ġenituri, liema xorta taʼ zkuk taʼ taħriġ intom? Per eżempju, tridu li t-​tfal tagħkom jiżviluppaw ħarsa bbilanċjata dwar affarijiet materjali? Allura intom tridu tagħtu l-​eżempju xieraq billi ma jkunx moħħkom f’kull apparat elettroniku l-​iktar modern jew affarijiet oħrajn li m’għandkomx verament bżonnhom. Jekk tagħżlu li jkun moħħkom fil-​vantaġġi materjali, tiħduhiex bi kbira meta t-​tfal jagħmlu bħalkom. (Mattew 6:24; 1 Timotju 6:9, 10) Tabilħaqq, jekk iz-​zkuk taʼ taħriġ m’humiex dritti, kif tistaʼ x-​xitla tikber dritta?

10. Il-​ġenituri d-​direzzjoni taʼ min għandhom ifittxu dejjem, u liema attitudni għandu jkollhom?

10 Ġenituri li jsibu għaxqa fit-​tfal tagħhom il-​ħin kollu se jfittxu l-​għajnuna divina biex iħarrġuhom, billi dejjem jikkunsidraw dak li huwa spiritwalment l-​iktar taʼ ġid għat-​tfal tagħhom. Omm t’erbat itfal irrakkontat: “Saħansitra qabel ma twieldu t-​tfal tagħna, aħna konna nitolbu regolarment lil Jehovah biex jgħinna nkunu ġenituri tajbin, biex niġu ggwidati mill-​Kelma tiegħu, u biex napplikawha f’ħajjitna.” Hi żiedet: “‘Jehovah jiġi l-​ewwel’ ma kinitx biss frażi komuni imma l-​mod kif għexna ħajjitna.”—Imħallfin 13:8.

Infornu L-​“Ilma” Regolarment

11. Kemm ix-​xtieli u kemm it-​tfal x’jeħtieġu biex jikbru?

11 Ix-​xtieli jeħtieġu partikolarment provista kontinwa taʼ ilma kostanti, bħalma huwa indikat minn kemm jikbru b’saħħithom siġar imħawlin ħdejn xmara. (Qabbel Apokalissi 22:1, 2.) It-​trabi wkoll se jiffjorixxu spiritwalment jekk jiġu pprovduti regolarment bl-​ilma tal-​verità tal-​Bibbja. Imma l-​ġenituri jeħtieġ li jikkunsidraw kemm it-​tfal tagħhom idumu attenti. Forsi sessjonijiet frekwenti mqassrin taʼ struzzjoni jkunu iktar effettivi milli xi ftit sessjonijiet twal. Iċċekkinx il-​valur taʼ sessjonijiet iqsar bħal dawn. Li tqattgħu ħin flimkien huwa vitali biex toħloq relazzjoni soda bejn ġenitur u tifel jew tifla, intimità li tiġi inkuraġġita ripetutament fl-​Iskrittura.—Dewteronomju 6:6-9; 11:18-21; Proverbji 22:6.

12. X’inhu l-​valur taʼ li nitolbu maċ-​ċkejknin?

12 Waħda mis-​sessjonijiet maċ-​ċkejknin tistaʼ tkun fi tmiem il-​jum. Waħda żagħżugħa tiftakar: “Il-​ġenituri tiegħi kienu joqogħdu f’tarf is-​sodda tagħna kull fil-​għaxija qabel norqdu u jisimgħuna ngħidu t-​talba tagħna.” Dwar il-​valur taʼ dan, oħra qalet: “Dak daħħal fija d-​drawwa li nitlob lil Jehovah kull fil-​għaxija qabel norqod.” Meta t-​tfal jisimgħu kuljum lill-​ġenituri tagħhom jitkellmu dwar Jehovah u jitolbuh, hu jsir persuna reali għalihom. Wieħed żagħżugħ qal: “Stajt nagħlaq għajnejja biex nitlob lil Jehovah u nara persuna reali xeħta taʼ nannu. Il-​ġenituri tiegħi għenuni nara li Jehovah għandu jiġi kkunsidrat f’kull ħaġa li nagħmlu u ngħidu.”

13. Perijodi regulari taʼ istruzzjoni x’jistgħu jinkludu?

13 Biex wieħed jgħin liċ-​ċkejknin jassorbu l-​ilma tal-​verità tal-​Bibbja, il-​ġenituri jistgħu jinkludu ħafna affarijiet prattiċi fil-​perijodi regulari taʼ istruzzjoni. Il-​ġenituri taʼ żewġt itfal li għadhom m’għalqux it-​tlettax qalu: “Iż-​żewġt itfal bdew jirċievu taħriġ biex joqogħdu bil-​qiegħda kwieti fis-​Sala tas-​Saltna minn mindu kellhom ftit ġimgħat.” Missier iddeskriva dak li għamlet il-​familja tiegħu: “Għamilna lista tal-​kotba kollha tal-​Bibbja fuq biċċiet tal-​kartonċina żgħar u konna nipprattikaw f’li nagħmluhom wara xulxin, kull wieħed meta jmissu. It-​tfal dejjem kienu jistennew bil-​ħerqa għal dan.” Ħafna familji jinkludu perijodu qasir taʼ istruzzjoni qabel jew wara l-​ikel. Wieħed missier qal: “L-​ikla taʼ fil-​għaxija kien ħin tajjeb għalina biex niddiskutu l-​Iskrittura tal-​jum.”

14. (a) Liema attivitajiet premjanti b’mod spiritwali nistgħu naqsmu maʼ wħud ċkejknin? (b) It-​tfal liema potenzjal għandhom biex jitgħallmu?

14 Uħud ċkejknin jieħdu gost ukoll jisimgħu r-​rakkonti Bibliċi vivaċi minn Il-​Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-​Bibbja.a “Meta t-​tfal kienu żgħar,” osservat koppja, “konna nagħmlu lezzjoni mill-​ktieb Stejjer mill-​Bibbja, u mbagħad it-​tfal kienu jilbsu l-​kostumi u jirreċtaw il-​partijiet fi speċi taʼ drama qasira. Huma kienu jħobbu jagħmlu dan u taʼ spiss kienu jinsistu biex jagħmlu iktar minn storja waħda f’kull studju.” Taħsibx li t-​tifel jew tifla tiegħek għandhom inqas potenzjal biex jitgħallmu! Tfal t’erbaʼ snin tgħallmu bl-​amment kapitli sħaħ mill-​ktieb Stejjer mill-​Bibbja u saħansitra tgħallmu jaqraw il-​Bibbja! Waħda żagħżugħa tiftakar li meta kellha madwar tliet snin u nofs, dejjem kienet tippronunzja ħażin il-​kelmiet “deċiżjonijiet ġudizzjarji,” imma missierha inkuraġġieha biex tkompli tipprattika.

15. Liema kwistjonijiet jistgħu jiġu inklużi f’diskussjonijiet mat-​tfal, u liema evidenza hemm li diskussjonijiet bħal dawn huma taʼ valur?

15 Sessjonijiet maċ-​ċkejknin tiegħek jistgħu wkoll jiġu wżati biex tippreparahom ħalli jaqsmu l-​ilma taʼ verità m’oħrajn, bħal per eżempju, li jikkummentaw fil-​laqgħat. (Lhud 10:24, 25) “Matul is-​sessjonijiet tagħna taʼ prova, kien ikolli nikkummenta fi kliemi stess,” tiftakar waħda żagħżugħa. “Ma kinux jippermettuli li sempliċement naqra mingħajr ma nifhem xejn.” Barra minn dan, it-​tfal jistgħu jiġu mħarrġin biex ikollhom sehem sħiħ fil-​ministeru taʼ l-​għalqa. Mara li ġiet imrobbija minn ġenituri li kellhom il-​biżaʼ t’Alla tispjega: “Aħna ma konniex uħud li bi drawwa sempliċement akkumpanjajna lill-​ġenituri tagħna fix-​xogħol tagħhom. Konna nafu li konna se nieħdu sehem, avolja jekk kien biss li nċemplu l-​qanpiena jew li nħallu xi fuljett. Bi preparazzjoni bir-​reqqa qabel l-​attivitajiet taʼ kull tmiem il-​ġimgħa, konna nkunu nafu x’se ngħidu. Qatt ma qomna nhar taʼ Sibt fil-​għodu nistaqsu jekk konniex sejrin fil-​ministeru. Konna nkunu nafu li sejrin.”

16. Li nkunu regulari f’li nagħmlu studju tal-​familja mat-​tfal għala huwa importanti?

16 Il-​ħtieġa li liċ-​ċkejknin infornuhom regolarment bl-​ilma taʼ verità tal-​Bibbja ma tistax tiġi enfasizzata żżejjed, li jfisser li studju tal-​familja kull ġimgħa huwa vitali. Missier taʼ tnejn isostni li “fattur prinċipali li jirrita lit-​tfal huwa l-​inkonsistenza.” (Efesin 6:4) Hu qal: “Marti u jien għażilna ġurnata u ħin u kkonduċejna fedelment l-​istudju tal-​familja fuq dik l-​iskeda. Ma tantx għadda żmien sakemm it-​tfal bdew jistennewh f’dak il-​ħin.” Dan it-​taħriġ kollu minn ċkunithom huwa importanti f’li żżomm mal-​verità ovvja, ‘Il-​mod kif jiġi fformat żarġun żgħir, hekk tikber is-​siġra.’

17. X’inhu importanti daqs li tforni lil uħud ċkejknin b’veritajiet tal-​Bibbja?

17 Li tforni liċ-​ċkejknin bil-​veritajiet tal-​Bibbja huwa importanti, imma daqshekk ieħor huwa l-​eżempju tal-​ġenituri. Jarawk it-​tfal tiegħek tistudja, tattendi regolarment għal-​laqgħat, tieħu sehem fil-​ministeru taʼ l-​għalqa, iva, li ssib għaxqa f’li tagħmel ir-​rieda taʼ Jehovah? (Salm 40:9 [Salm 40:8, NW]) Huwa vitali li jarawk. B’mod sinjifikanti, bint qalet dan dwar ommha, li kienet issaportiet l-​oppożizzjoni minn żewġha u rabbiet sitt itfal biex isiru Xhieda leali: “Dak li impressjonana l-​iktar kien l-​eżempju t’ommi nfisha​—dan kien iktar effettiv mill-​kliem.”

Nipprovdu Protezzjoni Għaċ-​Ċkejknin

18. (a) Il-​ġenituri kif jistgħu jipprovdu l-​protezzjoni li jeħtieġu t-​tfal? (b) Iċ-​ċkejknin f’Israel liema xorta taʼ istruzzjoni irċevew dwar partijiet riproduttivi tal-​ġisem?

18 Bħalma x-​xtieli taʼ spiss jeħtieġu protezzjoni minn insetti perikolużi, f’din is-​sistema ħażina t’affarijiet, uħud ċkejknin jeħtieġu protezzjoni min-​“nies il-​ħżiena.” (2 Timotju 3:1-5, 13) Il-​ġenituri kif jistgħu jagħtu din il-​protezzjoni? Billi jgħinuhom jakkwistaw għerf divin! (Koħelet 7:12) Jehovah ikkmanda lill-​Israeliti​—inklużi “t-​tfal” tagħhom​—biex jagħtu widen għall-​qari tal-​Liġi tiegħu, li kien jinkludi li jidentifikaw kondotta sesswali xierqa u mhux xierqa. (Dewteronomju 31:12; Levitiku 18:6-24) Partijiet riproduttivi tal-​ġisem huma msemmijin ripetutament, inklużi t-​“testikoli” u l-​“organu ġenitali.” (Levitiku 15:1-3, 16, NW; 21:20; 22:24; Numri 25:8; Dewteronomju 23:10) Minħabba l-​korruzzjoni estrema tad-​dinja tal-​lum, uħud ċkejknin jeħtieġ li jkunu jafu x’inhu l-​użu xieraq u mhux xieraq taʼ dawn il-​partijiet tal-​ġisem li huma inklużi fil-​ħolqien li Alla sejjaħ “tajjeb ħafna.”—Ġenesi 1:31; 1 Korintin 12:21-24.

19. Liema hija l-​istruzzjoni xierqa li għandha tiġi pprovduta liċ-​ċkejknin rigward il-​partijiet privati tal-​ġisem tagħhom?

19 Il-​ħaġa ideali hija li ż-​żewġ ġenituri flimkien, jew kull adult li qiegħed irabbi xi tfal, għandhom jgħinu lit-​tfal biex jidentifikaw il-​partijiet privati tal-​ġisem tagħhom. Huma għandhom imbagħad jispjegaw li ebda persuna oħra m’għandha titħalla tmiss dawn il-​partijiet. Ladarba dawk li jabbużaw mit-​tfal spiss jittestjaw kif iċ-​ċkejknin iwieġbu għal avvanzi sesswali sottili, tifel jew tifla għandhom jiġu mgħallmin jirreżistu b’mod sod u jgħidu, “Jien se nugżak!” Għallem liċ-​ċkejknin tiegħek li huma għandhom dejjem jugżaw lil xi ħadd li jipprova jmisshom b’mod li jġagħalhom iħosshom skomdi, ikun kemm ikun tal-​biżaʼ t-​theddid li jagħmlulhom.

Infornu Dixxiplina Bl-​Imħabba

20. (a) Id-​dixxiplina kif inhi bħal żbir? (b) Liema huwa l-​ewwel effett tad-​dixxiplina, imma x’inhu r-​riżultat?

20 Iċ-​ċkejknin jibbenefikaw minn dixxiplina bl-​imħabba, bħalma siġra tibbenefika miż-​żbir. (Proverbji 1:8, 9; 4:13; 13:1) Meta friegħi mhux mixtiqin jiġu mqaċċtin, it-​tkabbir t’oħrajn jiġi inkuraġġit. Għalhekk jekk it-​tfal tiegħek qegħdin jiffokaw partikolarment fuq affarijiet materjali jew qegħdin ixaqilbu lejn sħubija ħażina jew divertiment li ma jibnix, dawn l-​inklinazzjonijiet ħżiena huma bħal friegħi li jeħtieġ li jitqaċċtu ’l barra. Jekk jitneħħew, it-​tfal tiegħek se jiġu mgħejjunin biex jikbru f’direzzjoni spiritwali. Għall-​ewwel dixxiplina bħal din għandha mnejn ma tidhirx pjaċevoli, sewwa sew bħalma ż-​żbir jistaʼ jikkaġuna xi xokk lil siġra. Imma r-​riżultat mill-​aħjar tad-​dixxiplina huwa tkabbir mill-​ġdid fid-​direzzjoni li int trid li t-​tifel jew tifla tiegħek jikbru fiha.—Lhud 12:5-11.

21, 22. (a) X’inhu li jindika li d-​dixxiplina m’hijiex pjaċevoli la biex tagħtiha u lanqas biex tirċeviha? (b) Il-​ġenituri għala m’għandhomx iżommu lura milli jagħtu d-​dixxiplina?

21 Bla dubju kulħadd jammetti li d-​dixxiplina m’hija pjaċevoli la biex tagħtiha u lanqas biex tirċeviha. “Ibni kien qiegħed iqattaʼ ħin mhux ħażin maʼ żagħżugħ li l-​anzjani kienu wissewni li ma kienx sħubija tajba,” innota wieħed missier. “Imissni aġixxejt iktar malajr milli għamilt. Għalkemm ibni ma ġiex involut f’xi ħażen ovvju, dam ftit taż-​żmien mhux ħażin biex jirranġa l-​mod taʼ ħsieb tiegħu.” L-​iben osserva: “Meta nqtajt minn maʼ l-​aqwa ħabib tiegħi, iddispjaċieni ferm.” Imma hu żied: “Din kienet deċiżjoni tajba, ladarba ftit wara hu ġie maqtugħ mis-​sħubija.”

22 “[I]t-twiddib tat-​tagħlim [“dixxiplina,” NW] hu t-​triq tal-​ħajja,” tgħid il-​Kelma t’Alla. Mela jkun kemm ikun diffiċli li tagħti d-​dixxiplina, iżżommhiex lura mit-​tfal tiegħek. (Proverbji 6:23; 23:13; 29:17) Maż-​żmien, se jkunu grati li int ikkorreġejthom. “Jien niftakar li tant kont inkun irrabjat għall-​ġenituri tiegħi meta kont niġi ddixxiplinat,” jiftakar żagħżugħ. “Issa kont inkun saħansitra iktar irrabjat li kieku l-​ġenituri tiegħi ċaħduli dik id-​dixxiplina.”

Il-​Premju Jiswieh L-​Isforz Li Tagħmel

23. L-​attenzjoni bl-​imħabba kollha investita fiċ-​ċkejknin għala tiswieh l-​isforz li jsir?

23 Ma jistaʼ jkun hemm ebda dubju dwar dan, it-​tfal li bihom jitgħaxxqu l-​ġenituri, kif ukoll oħrajn, huma l-​prodott taʼ ħafna attenzjoni kollha mħabba li jiġu murijin kuljum. Madankollu, l-​isforz kollu li jiġi investit fihom​—kemm jekk huma wlied fiżiċi jew spiritwali—​jiswieh il-​premju li jistaʼ jiġi gawdut. Ix-​xwejjaħ appostlu Ġwanni wera dan meta kiteb: “Ma nafx b’ferħ akbar minn dak li nħoss meta nismaʼ li wliedi mexjin fil-​verità.”—3 Ġwann 4. (w96 12/1)

[Nota taʼ taħt]

a Ippubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

Tiftakar?

◻ X’jeħtieġu kemm ix-​xtieli u kemm it-​tfal sabiex isiru wħud taʼ min ifaħħarhom?

◻ Il-​ġenituri, fil-​fatt, kif jistgħu jservu bħala zkuk effettivi taʼ taħriġ?

◻ X’jistaʼ jiġi inkluż fis-​sessjonijiet taʼ istruzzjoni maċ-​ċkejknin, u x’għandhom jiġu mgħallmin biex jirreżistu?

◻ Id-​dixxiplina kif inhi taʼ benefiċċju għat-​tfal, bħalma ż-​żbir huwa għal siġra?

[Sors taʼ l-​istampa f’paġna 22]

Bil-​kortesija taʼ Green Chimney’s Farm

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja