LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w94 10/1 pp. 18-21
  • Qiegħed Int Tgħin lil Uliedek Biex Jagħżlu Lil Jehovah?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Qiegħed Int Tgħin lil Uliedek Biex Jagħżlu Lil Jehovah?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Għala Xi Żgħażagħ Jabbandunaw Lil Jehovah
  • Ibda Kmieni
  • Agħti Lil Uliedek Il-​Ħin Tiegħek
  • Sħubija u Eżempju Tajbin
  • Ferħ F’Li Tara L-​Ulied Jagħżlu ’L Jehovah
  • Ġenituri—Għinu lit-Tfal Tagħkom Iħobbu lil Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Ibni Familja Soda Spiritwalment
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Għallem lil Uliedek Iħobbu lil Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Ġenituri—Kunu t’Eżempju mill-Aħjar għal Uliedkom
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
w94 10/1 pp. 18-21

Qiegħed Int Tgħin lil Uliedek Biex Jagħżlu Lil Jehovah?

“ĦASSEJT illi li tistudja l-​Bibbja kien tassew tedjanti u li jgħajjik. Fil-​moħbi, iddeċidejt f’qalbi li ma nkunx wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah meta nikber,” iddikjara wieħed żagħżugħ. Għalkemm b’sodisfazzjon il-​maġġoranza tat-​tfal fi djar Kristjani fl-​aħħar mill-​aħħar se jagħżlu li joqogħdu fuq in-​naħa taʼ Jehovah, uħud żgħar bħalu jistgħu jgħaddu minn żmien diffiċli biex jagħżlu lil Jehovah bħala Alla tagħhom.

Il-ġenituri kultant iħossuhom inċerti dwar kif jiggwidaw ’l uliedhom b’mod effettiv. Huma jgħaddu minn ħafna eżaminar tal-​kuxjenza, bħal dak il-​missier anzjuż li darba qal: “Biex inkun onest, kien hemm żminijiet meta ħarist lejn wiċċ it-​tfal waqt li kienu reqdin, bid-​dmugħ taʼ diżappunt għadu fuq ħaddejhom, u tħassibt jekk kellix inkun iktar tolleranti.” Iż-​żewġ uliedu subjien kibru u għażlu li jaqdu lil Jehovah.

Madankollu hemm żgħażagħ li jabbandunaw lil Jehovah u jitilqu x-​xirka Kristjana għad-​dinja taʼ Satana. Mela kif jistgħu l-​ġenituri jirnexxilhom jgħinu ’l uliedhom biex jagħżlu ’l Jehovah? Biex inwieġbu dik il-​mistoqsija, ħalli l-​ewwel insibu għala xi żgħażagħ jabbandunaw lil Jehovah meta l-​ġenituri tagħhom tant iriduhom jibqgħu miegħu.

Għala Xi Żgħażagħ Jabbandunaw Lil Jehovah

Wieħed mill-​iktar fatturi komuni huwa li xi żgħażagħ qatt ma tassew isiru jafu lil Jehovah jew il-​mogħdijiet tiegħu. Għalkemm jattendu laqgħat Kristjani mill-​infanzja, dan jagħmluh sempliċement bħala rutina, u m’hemmx tiftix veru għal Jehovah. (Isaija 55:6; Atti 17:27) It-​tifel imsemmi hawn fuq kien jiddejjaq waqt il-​laqgħat Kristjani għax ma kienx jifhem x’kien qiegħed jingħad mill-​kelliema fuq il-​platform.

Iż-żrieragħ tal-​verità jiġu miżrugħin f’xi wħud, imma huma jħallu lil qlubhom jiġu mħajrin mid-​dinja taʼ Satana li tidher bla inkwiet, u bi stil taʼ ħajja materjalistiku. Xi wħud ma jistgħux ilaħħqu max-​xewqa qawwija bla qies sabiex ikunu maʼ jew bħal dawk taʼ mparhom.—1 Kronaki 28:9; Luqa 8:12-14; 1 Korintin 15:33.

Mad-dinja kollha, madankollu, ħafna tfal fi djar Kristjani għażlu li joqogħdu fuq in-​naħa taʼ Jehovah. Nistgħu nitgħallmu xi ħaġa mill-​passi pożittivi li ħadu l-​ġenituri tagħhom?

Ibda Kmieni

Ċavetta vitali f’li tgħin ’l uliedek jagħżlu lil Jehovah hija li tibda kmieni. Fil-​biċċa l-​kbira tal-​każi, impressjonijiet meħudin u lezzjonijiet mgħallmin meta l-​qalb tkun għadha sensittiva u riċettiva se jibqgħu għal għomrok. (Proverbji 22:6) Mela ibda kmieni f’li tgħid ’l uliedek dwar it-​tjubija taʼ Jehovah, l-​imħabba u l-​qawwa taʼ l-​għaġeb tiegħu, billi tagħmel ħiltek ħalli tibni fi qlubhom imħabba għal Jehovah u apprezzament għal dak li Jehovah għamel għalihom. Sabiex jirnexxilhom jagħmlu dan, ħafna ġenituri wżaw b’suċċess l-​abbundanza taʼ artikli dwar il-​kreazzjonijiet taʼ Jehovah misjubin fil-​pubblikazzjonijiet tal-​Watchtower Society.

Ubbidjenza u rispett għal Jehovah u l-​qima lejh huma fost kwalitajiet oħrajn li jridu jiġu misħuqin kmieni fil-​ħajja. Iqawwilek qalbek li tara tfal li għadhom lanqas imorru skola waqt laqgħat Kristjani jagħmlu sforz biex jieħdu noti sempliċi u jfittxu testi fil-​Bibbji tagħhom stess jew imorru mal-​ġenituri tagħhom it-​tojlit biex jaħslu wiċċhom bl-​ilma kiesaħ meta jibdew jonogħsu. Dawn huma affarijiet sempliċi, imma kemm huma vitali biex timpressjona fil-​moħħ ċkejken dak ir-​rispett u l-​ubbidjenza li għandhom jintwerew lil Jehovah!

Struzzjoni Biblika persunali serja għandha wkoll tibda kmieni. Meta t-​tfal subjien tagħhom kellhom sentejn, waħda koppja bdiet taqra magħhom il-​ktieb Listening to the Great Teacher.a Iktar tard, meta s-​subjien bdew l-​iskola, kienu jqumu kmieni u jistudjaw m’ommhom kull fil-​għodu mill-​kotba Il-​Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-​Bibbja u Int Tistaʼ Tgħix għal Dejjem f’Ġenna taʼ l-​Art.* Dan kien jiġi segwit minn diskussjoni dwar it-​test tal-​ġurnata kkonduċut mill-​missier qabel il-​kolazzjon. L-​isforzi tal-​ġenituri kienu ppremjati bil-​kbir meta wliedhom riċentament għażlu li jaqdu lil Jehovah, billi ssimbolizzaw id-​dedikazzjoni tagħhom permezz tal-​magħmudija taʼ l-​ilma fl-​etajiet taʼ 10 u 11-il sena.

Żagħżugħ mill-​aħjar li qiegħed jaqdi fl-​uffiċċju tal-​fergħa tal-​Watch Tower Society fil-​Ġappun ftakar li meta kien għadu żgħir ħafna, ommu għenitu jiżżviluppa relazzjoni maʼ Jehovah billi poġġiet bil-​qiegħda ħdejh bil-​lejl, biex tgħinu jitlob. Qatt ma nesa l-​lezzjoni li tgħallem​—mar fejn mar jew għamel x’għamel, Jehovah kien dejjem qrib u lest li jgħin.

Ġenituri li kellhom suċċess jitgħallmu jirrikonoxxu tendenzi żbaljati li ġejjin mill-​imperfezzjoni li wirtu wliedhom, u jibdew kmieni biex jgħinu ’l uliedhom jikkorreġuhom. (Proverbji 22:15) Inklinazzjonijiet lejn l-​egoiżmu, ir-​ras iebsa, il-​kburija, li jkunu jħobbu jikkritikaw iżżejjed lil ħaddieħor, għandhom jiġu mogħtijin attenzjoni kmieni. Jekk le, żrieragħ bħal dawn se jikbru fi rvell kontra Alla u l-​mogħdijiet tiegħu iktar tard. Per eżempju, ġenituri li għandhom intenzjonijiet tajbin imma li jħennu żżejjed spiss iħallu ’l uliedhom jiżżviluppaw attitudnijiet taʼ li jimpurtahom minnhom infushom biss. Dawn it-​tfal iħossuha iebsa li jirrispettaw jew lill-​ġenituri jew lil Jehovah, billi jsiru bħall-​‘ingrati’ li jissemmew fil-​Bibbja. (Proverbji 29:21) Mill-​banda l-​oħra, tfal li jiġu mqabbdin jgħinu fix-​xogħol tad-​dar u li jiġu mgħallmin joqogħdu attenti għall-​bżonnijiet taʼ ħaddieħor għandhom tendenza li jkunu iktar grati kemm lejn il-​ġenituri kif ukoll lejn Jehovah.

Essenzjal ieħor huwa li tibda kmieni f’li tpoġġi miri teokratiċi li l-​ulied jistgħu jilħqu b’mod raġonevoli. Jekk dan ma jsirx kmieni u b’konsistenza, oħrajn jistgħu jimlewlhom moħħhom u qlubhom b’miri differenti. Li jaqraw il-​Bibbja kollha, li jistudjaw personalment waħda mill-​pubblikazzjonijiet tal-​Watchtower Society, li jidħlu fl-​Iskola Teokratika tal-​Ministeru, li jsiru proklamaturi taʼ l-​aħbar tajba, u li jitgħammdu għandhom jiġu inklużi fost dawn il-​miri.

Takafumi jiftakar li ommu daħħlitlu d-​drawwa li jaqra r-​rivisti Watchtower u Awake! billi tagħmillu mistoqsijiet sempliċi u tħallihomlu fuq il-​mejda tal-​kċina ħalli jsibhom x’ħin jasal mill-​iskola. Yuri tiftakar illi li qagħdet għal xi jiem mal-​pijunierib li kienu qegħdin iservu fejn kien hemm l-​iktar bżonn taʼ ministri Kristjani, li ħarġet magħhom fil-​ministeru, li rathom isajru ikliet tajbin, u li osservat il-​ferħ u ż-​żelu tagħhom, influwenzaw bil-​kbir ix-​xewqa tagħha li taqdi ’l Jehovah bl-​istess mod. Ħafna żgħażagħ jirrakkontaw li l-​ġenituri tagħhom ġabuhom spiss il-​Betel, bħalma huma msejħin il-​kwartieri ġenerali u l-​fergħat tal-​Watch Tower Society, fejn setgħu josservaw ġuvintur u tfajliet oħrajn henjin jaqdu ’l Jehovah. Ħafna minn dawk li żaruhom meta kienu tfal issa jaqdu f’kull Betel madwar id-​dinja.

Agħti Lil Uliedek Il-​Ħin Tiegħek

Il-​kwantità u l-​kwalità tal-​ħin li tqattaʼ mat-​tfal tiegħek x’aktarx ikollu influwenza diretta fuq jekk jagħżlux li jaqdu lil Jehovah jew le. Huma malajr jindunaw kemm ħin u preparazzjoni tqattaʼ fl-​istudju tal-​Bibbja li tikkonduċi magħhom. Jekk ma tistax tiftakar fejn ħallejt fl-​aħħar studju jew tikkanċella l-​istudju għal raġunijiet fjakki, int qed twassal il-​messaġġ li l-​istudju m’huwiex daqshekk importanti. Madankollu, meta jaraw li l-​ġenituri jagħmlu sagrifiċċju għall-​istudju, jippreparaw sewwa għalih u jikkonduċu l-​istudju regolarment jiġri x’jiġri, messaġġ kompletament differenti jiġi mgħoddi. Għalkemm m’hijiex ħtieġa, xi ommijiet jilbsu pulit għall-​istudju tat-​tfal, l-​istess bħal li kieku sejrin għal-​laqgħat jew biex jikkonduċu xi studju tal-​Bibbja maʼ xi ġar. L-​impressjoni mogħtija hija li l-​qima taʼ Jehovah hija importanti.

Ħafna ħin u sforz se jkunu meħtiġin biex tagħmel it-​tagħlim Bibliku taʼ wliedek pjaċevoli, billi tilħqilhom qalbhom. Tfal żgħar b’mod partikulari huma impressjonati meta jaraw l-​affarijiet li qegħdin jitgħallmu jiġu rreċtati quddiemhom. Wieħed missier, per eżempju, għen ’l uliedu jimmaġinaw l-​irxoxt billi rreċta r-​rakkont Bibliku taʼ l-​irxoxt taʼ Lażżru. Hu daħal f’kamra żgħira u mbagħad tfaċċa attaparsi Lażżru rxoxtat.—Ġwann 11:17-44.

Meta t-​tfal ikunu waslu biex isiru adulti, trid saħansitra iktar ħin u sengħa biex tkopri mal-​baraxx taʼ emozzjonijiet, dubji, u anzjetajiet li jiffaċċjaw. Il-​ħin imwarrab minn ġenituri li jħobbu u li kapaċi jagħrfu l-​bżonnijiet taʼ wliedhom huwa kruċjali f’dan l-​istadju jekk huma sejrin jiżżviluppaw fiduċja f’Jehovah. Wieħed missier taʼ erbgħa li għamel suċċess irrakkonta li meta t-​tfal tiegħu ffaċċjaw diversi problemi, hu kien ifittex u jiddiskuti magħhom materjal relatat mill-​pubblikazzjonijiet tal-​Watchtower kuljum sakemm il-​kriżijiet ġew megħlubin kompletament.

Pijuniera bieżla li hi omm taʼ żewġt itfal innotat li bintha bdiet tinqataʼ u kienet nieqsa mill-​ferħ f’attivitajiet teokratiċi. Mela l-​omm qatgħatha li tkun id-​dar meta t-​tifla tirritorna mill-​iskola kull wara nofs inhar, u tinvolviha fid-​diskors waqt li jieħdu kikkra te. Permezz tad-​diskursati intimi taʼ bejn l-​omm u l-​bint, it-​tifla rċeviet l-​għajnuna li kienet teħtieġ. Issa, malli ggradwat mill-​iskola sekondarja, ingħaqdet m’ommha fis-​servizz taʼ pijuniera.—Proverbji 20:5.

Sħubija u Eżempju Tajbin

B’żjieda mal-​ħin li jagħtu, il-​ġenituri jridu jipprovdu sħubija li tibni għal uliedhom. Proverbji 13:20 jgħid: “Dak li qiegħed jimxi maʼ persuni għorrief se jsir għaref, imma dak li qiegħed jagħmilha maʼ l-​istupidi se jaħbatlu ħażin.”

Ħafna ġenituri li għamlu suċċess jagħrfu l-​verità taʼ dak il-​proverbju. Missier taʼ erbgħa jgħid: “Meta nħares lura, naħseb li kien l-​ammont kbir taʼ ħbieb fil-​verità li kellhom it-​tfal li għenhom jitqanqlu biex jaqdu ’l Jehovah. Jien inkuraġġejthom jagħmlu ħbieb f’kongregazzjonijiet oħrajn maʼ dik tagħna u biex ikabbru dawk il-​ħbiberiji.” Anzjan Kristjan li qeda f’Betel għal ħafna snin jirrakkonta: “Meta kont żgħir, konna noqogħdu f’dar żgħira, imma dejjem kienet tiġi offruta bħala akkomodazzjoni għall-​indokratur tas-​circuit. B’żjieda maʼ dan, pijunieri speċjali fil-​kongregazzjoni tagħna regolarment kienu jieklu magħna. Kienu jinħaslu d-​dar tagħna u jassoċjaw magħna. Li nismaʼ l-​esperjenzi tagħhom u li nara l-​ferħ tagħhom għenni nikkultiva l-​apprezzament għas-​servizz full-time.”

Sħubija tajba tgħin lil dawk li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet. Omm li binha kien qed jesperjenza żmien taʼ taħwid iddiskutiet il-​problema maʼ indokratur li jivvjaġġa tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Hu rrakkomanda li tieħu lit-​tifel fuq is-​servizz taʼ l-​għalqa magħha. “Jekk tieħdu, l-​ispiritwalità u kull ħaġa oħra se jitjiebu,” qal l-​indokratur. Hi tirrapporta: “Fil-​kongregazzjoni tagħna kien hemm arranġament għall-​għoti taʼ xiehda fil-​għaxija, u ħafna tfal li jmorru l-​iskola, bosta pijunieri regulari akbar fl-​età, u taʼ l-​inqas anzjan wieħed kienu jieħdu sehem. Għall-​ewwel kienet tbatija biex inġiegħel lil ibni joħroġ regolarment, imma ma kienx għal tul taʼ żmien għax dejjem kien jiġi d-​dar iktar ferrieħi u inkuraġġit mis-​sħubija li tibni. Waqt li kien student fl-​iskola sekondarja, tgħammed u serva bħala pijunier awżiljarju kull xahar, u meta ggradwa, sar pijunier regulari.” Sħubija li tibni marbuta maʼ li jagħmel ir-​rieda taʼ Jehovah ġabet riżultati tajbin.

Jistaʼ ma jkunx hemm fil-​lokal tiegħek uħud żgħar li jistgħu jkunu taʼ influwenza li tibni fuq uliedek, imma osservazzjoni magħmula b’mod ripetut minn ħafna żgħażagħ li għażlu li jaqdu lil Jehovah tikkonċerna l-​eżempji tal-​ġenituri tagħhom. Ħafna żgħażagħ ammiraw lill-​ġenituri tagħhom u riedu jimitawhom. Yuri tiftakar fl-​ospitalità t’ommha u kif kienet tieħu ħsieb ħaddieħor, billi ċċemplilhom bit-​telefon u ssajjar għall-​morda. Tatsuo, li ġej minn familja taʼ erbaʼ subjien, li issa kollha kibru u qegħdin jaqdu ’l Jehovah, qal: “Il-​mamà ma setgħetx tistudja magħna regolarment peress li l-​papà kien ma jemminx u kienet tirċievi ħafna oppożizzjoni mill-​qraba. Imma billi osservajt il-​waqfa tagħha għall-​verità u l-​ferħ tagħha f’li taqdi ’l Jehovah ġejt influwenzat bil-​kbir. Hi kienet lesta wkoll li tibqaʼ mqajma sa kmieni fil-​għodu biex tgħinna fil-​problemi tagħna.” Kliem taʼ għerf mill-​ġenituri għandu s-​saħħa meta jkun appoġġjat minn xogħolijiet leali. Yoichiro qal dwar il-​ġenituri tiegħu: “Ma nistax niftakar li qatt urew xi ħsibijiet negattivi dwar oħrajn fil-​kongregazzjoni; lanqas ma ħallew lilna t-​tfal inseksku dwar in-​nuqqasijiet taʼ oħrajn.”—Luqa 6:40-42.

Ferħ F’Li Tara L-​Ulied Jagħżlu ’L Jehovah

M’hemm ebda formula infallibbli biex tgħin lil uliedek jagħżlu ’l Jehovah. Se jkun hemm ħafna mumenti t’anzjetà. Imma l-​missier inkwetat imsemmi qabel qal: “Bħala ġenituri aħna dejjem ipprovajna fedelment nimxu mas-​suġġerimenti taʼ l-​organizzazzjoni viżibbli taʼ Jehovah. Dan kien taʼ għajnuna kbira biex negħlbu l-​problemi.” L-​isforzi tagħhom kellhom suċċess.

Iva, billi tagħmel l-​aħjar li tistaʼ biex timxi mal-​gwidi tal-​Bibbja, waqt li tagħti lil uliedek raġunijiet sodi għala għandhom iħobbu ’l Jehovah, appoġġjati mill-​eżempju leali tiegħek u minn sforzi sinċieri biex tgħin, int ukoll tistaʼ eventwalment issib l-​isforzi tiegħek inkurunati bis-​suċċess. Tiftakru t-​tifel imsemmi qabel, li darba kien iddeterminat li ma jsirx wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah? Sewwa, wara li ommu kienet għenitu b’suċċess biex jgħaddi mis-snin diffiċli tiegħu, hu qal: “Kemm jien kuntent li qatt ma qatgħet qalbha!” Int għandek imnejn ikollok riżultat simili maʼ wliedek.—Galatin 6:9. (w94 10/1)

[Noti taʼ taħt]

a Ippubblikati mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

b Ministri full-time tax-​Xhieda taʼ Jehovah huma msejħin pijunieri. Pijunier awżiljarju jqattaʼ mill-​inqas 60 siegħa fil-​ministeru kull xahar, pijunier regolari 90 siegħa, u pijunier speċjali 140 siegħa.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja