Tistaʼ Tinkiseb il-Verità Reliġjuża?
FL-Isvezja raġel li jħobb jindaga fuq affarijiet spiritwali fil-belt universitarja t’Uppsala ddeċieda li jistudja t-twemmin tar-reliġjonijiet differenti fil-belt tiegħu, saħansitra billi jżur il-postijiet taʼ qima tagħhom. Qagħad jismaʼ waqt li l-kleru tagħhom ippridkaw, u intervista lil xi membri. Hu nnota li x-Xhieda taʼ Jehovah biss dehru konvinti li kienu “sabu l-verità.” Meta wieħed iqis il-varjetà t’opinjonijiet reliġjużi differenti li jeżistu, hu qagħad jaħseb kif ix-Xhieda setgħu jagħmlu stqarrija bħal dik.
Taħseb int personalment li huwa possibbli li wieħed jasal għall-verità rigward ir-reliġjon? Jistaʼ saħansitra jkun possibbli li wieħed jiddetermina dik li tistaʼ tissejjaħ il-verità aħħarija?
Il-Filosofija u L-Verità
Dawk li studjaw il-filosofija żviluppaw l-opinjoni li l-verità aħħarija ma tistax tinkiseb mill-bniedem. Int tistaʼ tkun taf li l-filosofija ġiet definita bħala “x-xjenza li tħabrek biex tispjega l-oriġini taʼ l-eżistenza u l-ħajja.” Attwalment, iżda, rari tasal sa dan il-punt. Fil-Filosofins Historia (L-Istorja tal-Filosofija), l-awtur Svediż Alf Ahlberg kiteb: “Ħafna mistoqsijiet filosofiċi huma taʼ ċerta natura li m’huwiex possibbli li tagħti tweġiba definita għalihom. . . . Ħafna nies huma taʼ l-opinjoni li l-problemi metafiżiċi kollha [relatati maʼ l-ewwel prinċipji taʼ l-affarijiet] jappartjenu lil dan . . . il-grupp.”
B’konsegwenza taʼ dan, dawk li permezz tal-filosofija ħabirku biex isibu tweġiba għall-mistoqsijiet vitali tal-ħajja taʼ spiss spiċċaw m’humiex sodisfatti jew f’dieqa. Fil-ktieb tiegħu Tankelinjer och trosformer (Linji Taʼ Ħsieb u Fidi Reliġjuża), l-awtur Svediż Gunnar Aspelin qal: “Ħaġa waħda li naraw hija li n-natura m’hijiex iktar interessata fil-bniedem milli fil-farfett u n-nemusa . . . Aħna impotenti, assolutament impotenti, meta niffaċċjaw dawk il-forzi li jagħmlu xogħlhom fil-kożmos u fid-dinja ġewwinija tagħna. Din hija l-opinjoni tal-ħajja li tant spiss dehret fil-letteratura lejn it-tmiem taʼ seklu li fih il-bnedmin poġġew il-fiduċja tagħhom fil-progress u ħolmu dwar futur aħjar.”
Hija Rivelazzjoni Taʼ Verità Meħtieġa?
Huwa ovvju li l-isforzi umani waħedhom ma rnexxielhomx isibu l-verità dwar il-ħajja, u jidher li qatt ma se jirnexxilhom. Hemm raġuni tajba, allura, biex nikkonkludu li xi xorta taʼ rivelazzjoni divina hija neċessarja. Dak li ħafna jsejħulu bħala l-ktieb tan-natura jipprovdi xi ftit rivelazzjoni. Saħansitra jekk ma jagħtix dettalji konklussivi dwar l-oriġini tal-ħajja, juri tassew li hemm xi ħaġa bil-wisq iktar sodisfaċenti minn spjegazzjoni purament materjalistika tal-ħajja. Naqra taʼ ħaxixa li tikber ’il fuq attwalment issegwi liġijiet differenti minn dawk li jiggvernaw xi erbaʼ blatiet f’ħofra sfrundata. Affarijiet ħajjin fin-natura jibnu u jorganizzaw lilhom infushom b’tali mod li l-affarijiet mejtin ma jagħmluhx. Student magħruf tal-liġi u r-reliġjon b’hekk kellu bażi biex jikkonkludi: “Il-kwalitajiet inviżibbli [t’Alla] jidhru ċari mill-ħolqien tad-dinja ’l quddiem, għaliex jintgħarfu mill-affarijiet li ntgħamlu.”—Rumani 1:20.
Imma sabiex niskopru min hemm wara dan il-bini u l-organizzar kollu, neħtieġu rivelazzjoni oħra. M’għandniex aħna nistennew li teżisti rivelazzjoni bħal din? Ma jkunx raġonevoli li tistenna li l-Wieħed li hu responsabbli għall-ħajja fuq l-art kien se jirrivela lilu nnifsu lill-ħlejjaq tiegħu?
Il-Bibbja ssostni li hija rivelazzjoni bħal din. F’din ir-rivista taʼ spiss ippreżentajna raġunijiet tajbin biex tiġi aċċettata din l-istqarrija, u ħafna nies li jużaw moħħhom hekk għamlu. Li l-irġiel li kitbu l-Bibbja kienu anzjużi biex jagħmluha ċara li dak li kitbu ma kienx tagħhom stess huwa fih innifsu rimarkabbli ġmielu. Iktar minn 300 darba, insibu l-profeti tal-Bibbja jużaw espressjonijiet bħal, “Dan huwa dak li Jehovah qal.” (Isaija 37:33; Ġeremija 2:2; Naħum 1:12) Int x’aktarx taf li rġiel u nisa li jiktbu kotba jew artikli huma ġeneralment anzjużi ġmielhom biex jiffirmaw ix-xogħlijiet tagħhom. Madankollu, dawk li kitbu l-Bibbja ma tawx importanza lilhom infushom; f’xi każi huwa diffiċli biex tiddetermina min kiteb ċerti partijiet tal-Bibbja.
Aspett ieħor tal-Bibbja li int tistaʼ ssib sinjifikanti huwa l-armonija taʼ ġo fiha. Dan huwa tassew rimarkabbli, meta wieħed iqis li s-66 ktieb tal-Bibbja ġew miktubin matul perijodu taʼ iktar minn 1,600 sena. Nagħmlu mod li int mort f’librerija pubblika u għażilt 66 ktieb reliġjuż li kienu nkitbu matul perijodu taʼ 16-il seklu. Imbagħad illegajt dawk il-kotba individwali u għamilthom volum wieħed. Kont int tistenna li dak il-volum kien se jkollu tema komuni u messaġġ armonjuż? Ma naħsibx. Dak ikun jirrikjedi miraklu. Ikkunsidra dan: Il-kotba tal-Bibbja tassew għandhom tema komuni bħal din, u tassew jikkorroboraw maʼ xulxin. Dan juri li bil-fors li jrid ikun hemm moħħ kontrollur wieħed, jew awtur, li dderieġa dak li l-kittieba tal-Bibbja ddokumentaw.
Madankollu, int se ssib karatteristika li tagħti prova taʼ l-oriġini divina tal-Bibbja iktar minn kwalunkwe ħaġa oħra. Il-profeziji—informazzjoni miktuba bil-quddiem dwar dak li b’mod definit kellu jiġri fil-futur. Espressjonijiet bħalma huma, “[I]rid iseħħ f’dak il-jum” u, “[I]rid iseħħ fil-parti finali tal-jiem” huma uniċi għall-Bibbja. (Isaija 2:2; 11:10, 11; 23:15; Eżekjel 38:18; Ħosea 2:21-23; Żakkarija 13:2-4) Ħafna mijiet taʼ snin qabel ma deher Ġesù Kristu fuq l-art, il-profeziji fl-Iskrittura Ebrajka taw dettalji dwar ħajtu—mit-twelid tiegħu sa mewtu. L-ebda konklużjoni raġonevoli oħra ma tistaʼ tintlaħaq ħlief li l-Bibbja hija s-sors tal-verità dwar il-ħajja. Ġesù nnifsu jikkonferma dan bil-kliem: “Kelmtek hija verità.”—Ġwann 17:17.
Ir-Reliġjon u l-Verità
Saħansitra ħafna li jgħidu li għandhom il-fidi fil-Bibbja jemmnu li l-verità assoluta ma tistax tinkiseb. John S. Spong, membru tal-kleru mill-Istati Uniti, ikkummenta: “Irridu . . . niċċaqilqu milli naħsbu li aħna għandna l-verità u li oħrajn iridu jaslu biex jifhmuha kif nifhmuha aħna għar-realizzazzjoni li l-verità aħħarija ma tistax tintlaħaq minna lkoll.” Awtur Kattoliku Ruman, Christopher Derrick, jagħti raġuni waħda għal opinjonijiet negattivi bħal dawn li jikkonċernaw is-sejba tal-verità: “Kwalunkwe darba li tissemma ‘l-verità’ reliġjuża timplika xi tip taʼ stqarrija li taf . . . Int timplika li xi ħaddieħor jistaʼ possibilment ikun żbaljat; u dak lanqas xejn m’huwa aċċettabbli.”
Bħala persuna li tuża moħħok, madankollu, tagħmel tajjeb li tikkunsidra xi mistoqsijiet pertinenti. Li kieku l-verità ma kenitx tistaʼ tinkiseb, għala kien Ġesù Kristu jgħid: “Se tkunu tafu l-verità, u l-verità se tagħmilkom liberi”? U għala kien wieħed mill-appostli taʼ Ġesù jgħid li r-rieda t’Alla hija li “kull xorta taʼ bnedmin għandhom jiġu salvati u jiġu għal għarfien eżatt tal-verità”? Il-kelma “verità” għala tidher iktar minn mitt darba fl-Iskrittura Griega Kristjana f’konnessjoni mal-fidi? Iva, għala, jekk il-verità ma tistax tinkiseb?—Ġwann 8:32; 1 Timotew 2:3, 4.
Attwalment, Ġesù mhux biss wera li l-verità tistaʼ tinkiseb imma wera illi li nsibuha huwa meħtieġ jekk il-qima tagħna se tiġi approvata minn Alla. Meta mara Sammaritana tħassbet dwar liema kienet il-forma vera taʼ qima—il-qima pprattikata mil-Lhud f’Ġerusalemm jew dik ipprattikata mis-Sammaritani fuq il-Muntanja Geriżim—Ġesù ma weġibx billi qal li l-verità ma tistax tinkiseb. Minflok, qal: “[I]l-veri adoraturi se jqimu lill-Missier bl-ispirtu u l-verità, għax, tabilħaqq, il-Missier qiegħed ifittex lil uħud bħal dawn biex iqimuh. Alla hu Spirtu, u dawk li qegħdin iqimuh iridu jqimu bl-ispirtu u l-verità.”—Ġwann 4:23, 24.
Ħafna nies isostnu, ‘Il-Bibbja tistaʼ tiġi interpretata f’diversi modi, u għalhekk m’huwiex possibli li wieħed ikun żgur taʼ x’inhi l-verità.’ Imma hija l-Bibbja tassew miktuba b’manjiera daqstant vaga li ma tistax tkun ċert kif għandha tiġi mifhuma? Veru, ċertu lingwaġġ profetiku u simboliku jistaʼ jkun diffiċli li wieħed jifhmu. Per eżempju, Alla qal lill-profeta Danjel li l-ktieb tiegħu, li fih ħafna lingwaġġ profetiku, ma kellux jiġi mifhum kompletament saż-“żmien tat-tmiem.” (Danjel 12:9) U huwa evidenti li ċerti parabboli u simboli jinħtieġu li jiġu interpretati.
Jidher ċar, iżda, li fejn jidħlu t-tagħlim bażiku Kristjan u l-valuri morali essenzjali għall-qima t’Alla fil-verità, il-Bibbja hija ċara u tonda. Ma tħallix lok għal interpretazzjonijiet li huma f’konflitt. Fl-ittra lill-Efesin, il-fidi Kristjana tingħad li hija “waħda,” billi turi li ma kellux ikun hemm bosta fidijiet. (Efesin 4:4-6) Forsi tistaʼ taħseb, ‘Jekk il-Bibbja ma tistax tiġi interpretata sewwa f’ħafna modi differenti, għala hemm tant denominazzjonijiet “Kristjani” differenti?’ Insibu t-tweġiba jekk inħarsu lura lejn iż-żmien ftit wara li kienu mietu l-appostli taʼ Ġesù u kienet żviluppat apostasija mill-fidi Kristjana vera.
‘Il-Qamħ u L-Ħaxix Ħażin’
Ġesù bassar din l-apostasija fil-parabbola tiegħu tal-qamħ u l-ħaxix ħażin. Ġesù nnifsu spjega li “l-qamħ” jirrappreżenta lill-Kristjani veri; “il-ħaxix ħażin” jirrappreżenta lill-Kristjani foloz, jew apostati. “Waqt li l-irġiel kienu reqdin,” Ġesù qal, “għadu” kellu jiżraʼ l-ħaxix ħażin fl-għalqa tal-qamħ. Dan iż-żrigħ beda wara li l-appostli kienu raqdu fil-mewt. Il-parabbola turi li dan it-taħlit tal-Kristjani veri mal-foloz kellu jkompli sal-“konklużjoni tas-sistema t’affarijiet.” B’hekk, matul is-sekli, l-identità tal-Kristjani veri ġiet moħbija minħabba li l-għalqa reliġjuża kienet iddominata minn dawk li huma sempliċement Kristjani taʼ l-isem. Madankollu, fil-“konklużjoni tas-sistema t’affarijiet,” kellha sseħħ bidla. “Bin il-bniedem” kellu “jibgħat l-anġli tiegħu” biex jisseparaw il-Kristjani foloz mill-Kristjani veri. Dan kien ifisser li l-kongregazzjoni Kristjana mbagħad kellha tkun faċli li tingħaraf, billi jkollha l-istatus li kellha fi żmien l-appostli.—Mattew 13:24-30, 36-43.
Kemm il-profezija taʼ Isaija kif ukoll dik taʼ Mikea jbassru ġbir mill-ġdid bħal dan t’adoraturi veri “fil-parti finali tal-jiem.” Isaija jgħid: “[I]rid iseħħ fil-parti finali tal-jiem li l-muntanja tad-dar taʼ Jehovah se tiġi stabbilita fis-sod ’il fuq mill-quċċata tal-muntanji, u ċertament li se tintrafaʼ ’l fuq mill-għoljiet; u lejha l-ġnus kollha jridu jiġru bħal xmara. U ħafna popli ċertament li se jmorru u jgħidu: ‘Ejjew u ħalli nitilgħu lejn il-muntanja taʼ Jehovah, lejn id-dar taʼ dak Alla taʼ Ġakobb; u hu se jistruwina dwar il-mogħdijiet tiegħu, u aħna se nimxu fil-passaġġi tiegħu.’” Ħarsa profonda lejn il-fatti turi li l-profezija taʼ Isaija qiegħda tiġi mwettqa fi żmienna.—Isaija 2:2, 3; Mikea 4:1-3.
It-tkabbir tal-kongregazzjoni Kristjana, iżda, m’huwiex iseħħ permezz taʼ xi sforz uman. Ġesù bassar li kellu “jibgħat l-anġli tiegħu” biex jagħmlu xogħol taʼ ġbir. Hu wkoll indika skop speċjali ferm għal dan: “F’dak iż-żmien it-twajbin se jiddu qawwi daqs ix-xemx fis-saltna taʼ Missierhom.” (Mattew 13:43) Dan juri li xogħol taʼ tidwil, jew edukattiv, kellu jiġi mwettaq mad-dinja kollha mill-kongregazzjoni Kristjana.
Ix-Xhieda taʼ Jehovah jaraw twettieq taʼ dawn il-profeziji fix-xogħol edukattiv li qegħdin iwettqu f’232 art illum. Billi jqabblu mal-Bibbja t-twemmin, il-livelli taʼ kondotta, u l-organizzazzjoni tax-Xhieda, nies li m’humiex preġudikati jistgħu jaraw ċar u tond li dawn huma f’armonija maʼ dawk tal-kongregazzjoni Kristjana taʼ l-ewwel seklu. Ix-Xhieda jitkellmu dwar il-fidi tagħhom bħala “l-verità” imma mhux minħabba xi prużunzjoni taʼ superjorità persunali. Minflok, jagħmlu hekk għaliex studjaw b’mod estensiv il-Kelma t’Alla, il-Bibbja, u jsegwuha bħala l-uniku livell li bih ir-reliġjon tistaʼ tiġi mkejla b’mod xieraq.
Il-Kristjani bikrin irreferew għall-fidi tagħhom bħala “l-verità.” (1 Timotew 3:15; 2 Pietru 2:2; 2 Ġwann 1) Dak li kien verità għalihom irid ukoll ikun verità għalina llum. Ix-Xhieda taʼ Jehovah jistiednu lil kulħadd biex jaċċerta ruħu minn dak għalih innifsu billi jistudja l-Bibbja. Nisperaw li billi tagħmel hekk int se tesperjenza wkoll il-ferħ li jiġi mhux biss milli tkun sibt reliġjon li tispikka fuq l-oħrajn imma milli tkun sibt il-verità! (w95 4/15)
[Kaxxa f’paġna 5]
XI FILOSOFIJI VERSUS IL-VERITÀ
POŻITTIVIŻMU: L-opinjoni li l-ideat kollha taʼ natura reliġjuża huma ħmerijiet li ma jistgħux jiġu vverifikati u li l-oġġettiv tal-filosofija huwa li jgħaqqad ix-xjenzi pożittivi biex jifformaw ħaġa sħiħa.
EŻISTENZJALIŻMU: Id-difensuri tiegħu ġew influwenzati ferm mill-orruri tat-Tieni Gwerra Dinjija u għalhekk ġie li jkollhom ħarsa pessimista lejn il-ħajja. Dan jenfasizza l-eżaminar tad-dieqa tal-bniedem meta ffaċċjat minn mewt u l-vojt tal-ħajja. Jean-Paul Sartre, awtur ezistenzjalist, qal li, ladarba m’hemmx Alla, il-bniedem hu abbandunat u jeżisti f’univers li huwa assolutament indifferenti.
XETTIĊIŻMU: Isostni li huwa impossibbli li permezz t’osservazzjoni u raġuni jistaʼ jintlaħaq kwalunkwe oġġettiv, għarfien universali—kwalunkwe verità—dwar l-eżistenza.
PRAGMATIŻMU: Jikkalkula l-valur veru tal-konvinzjonijiet tagħna unikament minn kemm huma relevanti għall-interessi umani, bħalma huwa f’li jagħtu dehra ġdida lill-edukazzjoni, morali, u politika. Ma jikkunsidrax li l-verità għandha xi valur fiha nfisha.