Leħħiet taʼ Dawl—Kbar u Żgħar it-Tieni Parti
“Bid-dawl minnek nistgħu naraw id-dawl.”—SALM 36:9.
1. Liema sforz bikri sar biex jiġi mifhum is-simboliżmu tal-ktieb taʼ Rivelazzjoni?
IL-KTIEB Bibliku taʼ Rivelazzjoni qajjem il-kurżità fil-Kristjani sa minn żminijiet bikrin. Jipprovdi eżempju mill-aħjar taʼ kif id-dawl tal-verità jsir dejjem iżjed qawwi. Fl-1917, in-nies taʼ Jehovah ippubblikaw spegjazzjoni taʼ Rivelazzjoni fil-ktieb The Finished Mystery. Dan bla biżaʼ kixef lill-mexxejja reliġjużi u politiċi tal-Kristjaneżmu, imma ħafna mill-ispjegazzjonijiet tiegħu kienu mislufin minn diversi sorsi. Xorta waħda, The Finished Mystery serva biex jittestja l-lealtà taʼ l-Istudenti tal-Bibbja lejn il-mezz viżibbli taʼ komunikazzjoni li Jehovah kien qiegħed juża.
2. L-artiklu “Birth of the Nation” xeħet liema dawl fuq il-ktieb taʼ Rivelazzjoni?
2 Leħħa taʼ dawl notevoli iddiet fuq il-ktieb taʼ Rivelazzjoni bl-ippubblikar taʼ l-artiklu “Birth of the Nation” f’The Watch Tower taʼ l-1 taʼ Marzu, 1925. Kien maħsub li Rivelazzjoni kapitlu 12 iddeskriva gwerra bejn Ruma pagana u Ruma papali, bit-tarbija tifel tirrappreżenta l-papat. Imma dak l-artiklu wera li Rivelazzjoni 11:15-18 kellu rabta mat-tifsir taʼ kapitlu 12, billi indika li għandu x’jaqsam mat-twelid tas-Saltna t’Alla.
3. Liema pubblikazzjonijiet xeħtu dawl miżjud fuq Rivelazzjoni?
3 Dan kollu wassal għal fehma bil-wisq iżjed ċara tar-Rivelazzjoni li ġiet bl-ippubblikar taʼ Light, f’żewġ volumi, fl-1930. Jerġaʼ iżjed irfinar deher f’“Babylon the Great Has Fallen!” God’s Kingdom Rules! (1963) u “Then is Finished the Mystery of God” (1969). Madankollu, kien għad hemm iżjed x’wieħed jitgħallem dwar il-ktieb profetiku taʼ Rivelazzjoni. Iva, dawl iżjed qawwi idda fuqu fl-1988, bil-pubblikazzjoni taʼ Revelation—Its Grand Climax At Hand! Il-muftieħ għal dan it-tidwil progressiv jistaʼ jingħad li huwa l-fatt li l-profezija taʼ Rivelazzjoni tapplika f’“jum il-Mulej,” li beda fl-1914. (Rivelazzjoni 1:10) Il-ktieb taʼ Rivelazzjoni għalhekk se jkun mifhum b’mod iżjed ċar hekk kif dak il-jum jipprogressa.
“Il-Potenzi Iktar Għoljin” Iċċarati
4, 5. (a) L-Istudenti tal-Bibbja kif kienu jqisu Rumani 13:1? (b) X’dehret iktar tard li kienet il-pożizzjoni Skritturali rigward “il-potenzi iktar għoljin”?
4 Leħħa qawwija taʼ dawl dehret fl-1962 f’konnessjoni maʼ Rumani 13:1, li jgħid: “Ħalli kull ruħ tkun suġġetta lejn il-potenzi iktar għoljin [“awtoritajiet superjuri,” New World Translation].” (King James Version) L-Istudenti tal-Bibbja bikrin fehmu li “l-potenzi iktar għoljin” imsemmijin hemmhekk irreferew għal awtoritajiet dinjin. Ħadu din l-iskrittura li tfisser li jekk Kristjan jiġi ngaġġat fi żmien taʼ gwerra, ikun obbligat li jilbes l-uniformi, iżomm xkubetta fuq spalltu, u jmur fuq il-front, lejn it-trinek. Ħassew li ladarba Kristjan ma setax joqtol bniedem bħalu, ikun imġiegħel jispara fl-ajru jekk jiġi dahru mal-ħajt.a
5 The Watchtower tal-15 taʼ Novembru u taʼ l-1 taʼ Diċembru, 1962, tefaʼ dawl ċar fuq is-suġġett waqt li ddiskuta l-kliem taʼ Ġesù f’Mattew 22:21: “Ħallsu lura . . . għalhekk, l-affarijiet taʼ Ċesri lil Ċesri, imma l-affarijiet t’Alla lil Alla.” Relevanti kien il-kliem taʼ l-appostli f’Atti 5:29: “Aħna rridu nobdu lil Alla bħala ħakkiem iktar milli lill-bnedmin.” Il-Kristjani huma suġġetti lejn Ċesri—“il-potenzi iktar għoljin”—biss dment li dan ma jirrikjedix li l-Kristjan imur kontra l-liġi t’Alla. Sottomissjoni lejn Ċesri dehret li kienet relattiva, mhux assoluta. Il-Kristjani jħallsu lura lil Ċesri biss dak li m’huwiex f’konflitt mal-ħtiġijiet t’Alla. Kemm kien sodisfaċenti li jkollok dawl ċar fuq dak is-suġġett!
Leħħiet Taʼ Dawl Fuq Kwistjonijiet Organizzazzjonali
6. (a) Biex iżommu ’l bogħod mill-istruttura ġerarkika prevalenti fil-Kristjaneżmu, liema prinċipju ġie addottat? (b) Finalment x’deher li kien il-mod korrett biex jintgħażlu dawk li għandhom f’idejhom l-indokrar tal-kongregazzjoni?
6 Kien hemm il-kwistjoni dwar min għandu jaqdi bħala anzjani u djakni fil-kongregazzjonijiet. Biex tinżamm ’il bogħod l-istruttura ġerarkika prevalenti fil-Kristjaneżmu, ġie konkluż li dawn għandhom jiġu eletti b’mod demokratiku bil-vot tal-membri taʼ kull kongregazzjoni. Imma dawl miżjud misjub f’The Watchtower taʼ l-1 taʼ Settembru u l-15 t’Ottubru, 1932, wera li l-Iskrittura ma tipprovdix bażi għal anzjani eletti. Mela dawn ġew mibdulin maʼ kumitat tas-servizz, u direttur tas-servizz magħżul mis-Soċjetà.
7. Leħħiet taʼ dawl irriżultaw f’liema titjib fil-mod kif qaddejja fil-kongregazzjoni kienu jinħatru?
7 The Watchtower taʼ l-1 taʼ Ġunju u tal-15 taʼ Ġunju, 1938, kien fih leħħiet taʼ dawl li juru li l-qaddejja fil-kongregazzjoni kellhom ikunu, mhux eletti, imma maħturin, jiġifieri maħturin b’mod teokratiku. Fl-1971 leħħa oħra taʼ dawl uriet li kull kongregazzjoni ma kellhiex tiġi diretta biss minn qaddej wieħed tal-kongregazzjoni. Minflok, kull waħda għandha jkollha ġemgħa t’anzjani, jew indokraturi, assenjati mill-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Jehovah. Mela bid-dawl li dejjem jiżdied matul xi 40 sena, sar evidenti li anzjani kif ukoll djakni, issa magħrufin bħala qaddejja ministerjali, għandhom jinħatru mill-“irsir leali u diskret,” permezz tal-Ġemgħa li Tiggverna tiegħu. (Mattew 24:45-47) Dan kien fi qbil maʼ dak li seħħ fi żminijiet appostoliċi. Irġiel bħal Timotew u Titus ġew maħturin bħala indokraturi mill-ġemgħa li tiggverna taʼ l-ewwel seklu. (1 Timotew 3:1-7; 5:22; Titus 1:5-9) Dan kollu huwa bi twettieq notevoli taʼ Isaija 60:17: “Minflok ir-ram se ndaħħal id-deheb, u minflok il-ħadid se ndaħħal il-fidda, u minflok l-injam, ram, u minflok il-ġebel, ħadid; u se naħtar il-paċi bħala indokraturi tiegħek u t-tjieba bħala dawk li jagħtuk ix-xogħol.”
8. (a) Il-verità li dejjem tiżdied ġabet liema titjib fil-mod kif is-Soċjetà kienet topera? (b) X’inhuma l-kumitati tal-Ġemgħa li Tiggverna, u liema huma l-isferi rispettivi tagħhom t’attività jew indokrar?
8 Kien hemm ukoll il-kwistjoni taʼ kif topera l-Watch Tower Society. Għal ħafna snin il-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Jehovah kienet sinonima mal-bord tad-diretturi tal-Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania, u kollox kien fil-biċċa l-kbira f’idejn il-president tagħha. Bħalma huwa muri fin-1977 Yearbook of Jehovah’s Witnesses (paġni 258-9), fl-1976 il-Ġemgħa li Tiggverna bdiet tiffunzjona b’sitt kumitati, kull wieħed assenjat biex jieħu ħsieb ċerti aspetti tax-xogħol dinji. Il-Kumitat tal-Personell jittratta maʼ kwistjonijiet tal-personell, inklużi l-interessi taʼ dawk kollha li jaqdu fil-familja dinjija taʼ Betel. Il-Kumitat taʼ l-Ippubblikar jieħu ħsieb il-kwistjonijiet sekulari u legali kollha, bħalma huma propjetà u stampâr. Il-Kumitat tas-Servizz jikkonċerna ruħu bix-xogħol taʼ għoti taʼ xiehda u jissorvelja indokraturi li jivvjaġġaw, pijunieri, u l-attivitajiet tal-pubblikaturi tal-kongregazzjoni. Il-Kumitat tat-Tagħlim huwa responsabbli għal-laqgħat tal-kongregazzjoni, ġranet speċjali t’assembleat, assembleat tas-circuit, u konvenzjonijiet distrettwali u internazzjonali kif ukoll l-iskejjel diversi għat-tagħlim spiritwali tal-poplu t’Alla. Il-Kumitat tal-Kitba jissorvelja l-preparazzjoni u t-traduzzjoni taʼ pubblikazzjonijiet f’kull għamla, billi jkun ċert li kollox huwa fi qbil maʼ l-Iskrittura. Il-Kumitat taċ-Chairman jieħu ħsieb xi emerġenzi u kwistjonijiet urġenti oħrajn. Ukoll fis-snin sebgħin, uffiċċji tal-fergħat tal-Watch Tower Society bdew jiġu ddireġuti minn kumitat minflok minn indokratur.b
Dawl Relatat Maʼ Kondotta Kristjana
9. Id-dawl tal-verità kif effettwa r-relazzjoni taʼ Kristjani mal-gvernijiet tad-dinja?
9 Ħafna leħħiet taʼ dawl kellhom x’jaqsmu maʼ kondotta Kristjana. Per eżempju, ikkunsidra l-kwistjoni tan-newtralità. Leħħa qawwija taʼ dawl b’mod partikulari iddiet fuq dan is-suġġett fl-artiklu “Neutrality” li deher f’The Watchtower taʼ l-1 taʼ Novembru, 1939. Kemm kien f’waqtu, billi ġie eżatt wara l-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija! L-artiklu ddefinixxa n-newtralità u wera li l-Kristjani ma jridux jinvolvu ruħhom fi kwistjonijiet politiċi jew konfrontazzjonijiet bejn il-ġnus. (Mikea 4:3, 5; Ġwann 17:14, 16) Dan huwa fattur għala huma jiġu mibgħudin mill-ġnus kollha. (Mattew 24:9) Il-battalji taʼ Iżrael tal-qedem ma jipprovdu ebda preċedent għall-Kristjani, bħalma Ġesù jagħmel ċar f’Mattew 26:52. Iktar minn hekk, l-ebda ġens politiku llum m’huwa teokrazija, maħkum minn Alla, bħalma kien Iżrael tal-qedem.
10. Leħħiet taʼ dawl x’irrivelaw rigward kif il-Kristjani għandhom iqisu d-demm?
10 Dawl idda wkoll fuq is-santità tad-demm. L-Istudenti tal-Bibbja ħasbu li l-projbizzjoni kontra li jittiekel id-demm, f’Atti 15:28, 29, kienet limitata għal Kristjani Lhud. Madankollu, Atti 21:25 juri li fi żminijiet appostoliċi dan il-kmand kien applikat ukoll għal dawk mill-ġnus li saru kredenti. Mela s-santità tad-demm tapplika għall-Kristjani kollha, bħalma huwa muri f’The Watchtower taʼ l-1 taʼ Lulju, 1945. Dak ifisser mhux biss li tirrifjuta li tiekol demm taʼ l-annimali, bħal fil-mazzit, imma wkoll li tastjeni minn demm uman, bħal fil-każ taʼ trasfużjonijiet tad-demm.
11. X’ġie mifhum rigward il-ħarsa tal-Kristjan dwar l-użu tat-tabakk?
11 Bħala riżultat taʼ dawl miżjud, drawwiet li qabel kienu sempliċement jitkerrhulhom iktar tard ġew trattati bi gravità xierqa. Eżempju taʼ dan kien f’konnessjoni maʼ l-użu tat-tabakk. F’Zion’s Watch Tower taʼ l-1 t’Awissu, 1895, Ħuna Russell ġibed l-attenzjoni lejn 1 Korintin 10:31 u 2 Korintin 7:1 u kiteb: “Ma nistax nara kif se jkun għall-glorja t’Alla, jew għall-profitt tiegħu stess, għal kwalunkwe Kristjan li juża t-tabakk taħt kwalunkwe għamla.” Mill-1973 ’l hawn ġie mifhum b’mod ċar li l-ebda bniedem li juża t-tabakk ma jistaʼ jkun wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah. Fl-1976 ġie kkjarifikat li ebda Xhud ma jistaʼ jkun impjegat f’xi stabbiliment tal-logħob taʼ l-azzard u jibqaʼ jkollu waqfa tajba fil-kongregazzjoni.
Irfinar Ieħor
12. (a) Leħħa taʼ dawl x’irrivelat dwar l-għadd taʼ mfietaħ tas-Saltna fdati lil Pietru? (b) X’kienu ċ-ċirkostanzi meta Pietru uża kull wieħed mill-imfietaħ?
12 Kien hemm ukoll dawl miżjud fuq l-għadd taʼ mfietaħ simboliċi li Ġesù ta lil Pietru. L-Istudenti tal-Bibbja sostnew li Pietru rċieva żewġt imfietaħ li fetħu t-triq għan-nies biex isiru werrieta tas-Saltna—wieħed għal-Lhud użat f’Pentekoste tas-sena 33 E.K., u l-ieħor għall-Ġentili, użat għall-ewwel darba fis-sena 36 E.K. meta Pietru ppriedka lil Korneljus. (Atti 2:14-41; 10:34-48) Maż-żmien, deher li kien hemm it-tielet grupp involut—is-Samaritani. Pietru uża t-tieni muftieħ meta fetaħ l-opportunità tas-Saltna lilhom. (Atti 8:14-17) B’hekk, it-tielet muftieħ intuża meta Pietru ppriedka lil Korneljus.—It-Torri Taʼ L-Għassa, taʼ l-1 taʼ Diċembru, 1979, paġni 5-10, 14.
13. Leħħiet taʼ dawl x’irrivelaw dwar l-imqajel tan-ngħaġ imsemmijin fi Ġwann kapitlu 10?
13 Minn raġġ taʼ dawl ieħor, deher li Ġesù rrefera mhux biss għal żewġ imma għal tlett imqajel tan-ngħaġ. (Ġwann, kapitlu 10) Dawn kienu (1) il-maqjel tan-ngħaġ Lhudi li tiegħu Ġwanni l-Għammied kien il-bewwieb, (2) il-maqjel taʼ werrieta tas-Saltna midlukin, u (3) il-maqjel tan-“ngħaġ oħrajn,” li għandhom tama għall-art.—Ġwann 10:2, 3, 15, 16; It-Torri Taʼ L-Għassa, tal-15 t’April, 1984, paġni 7-16.
14. Dawl miżjud kif ikkjarifika l-affarijiet rigward il-bidu tal-Ġublew antitipiku?
14 Il-fehma tal-Ġublew antitipiku wkoll irċeviet xi kjarifikazzjoni. Taħt il-Liġi, kull 50 sena kienet tkun Ġublew grandjuż, li fih l-affarijiet kienu jingħataw lura lis-sidien oriġinali tagħhom. (Levitiku 25:10) Għal żmien twil kien mifhum li dan kien jiffigura bil-quddiem ir-Renju t’Elf Sena taʼ Kristu. Fi żminijiet iżjed riċenti, madankollu, deher li l-Ġublew antitipiku fil-fatt beda f’Pentekoste tas-sena 33 E.K., meta dawk li rċevew l-ispirtu qaddis imferraʼ ġew meħlusin mill-jasar għall-patt tal-Liġi Mosajka.—It-Torri Taʼ L-Għassa, taʼ l-1 t’April, 1987, paġni 10-20.
Dawl Miżjud Fuq Terminoloġija
15. Liema dawl ġie mixħut fuq l-użu tal-kelma “pjan”?
15 “Il-kongregatur fittex li jsib il-kliem li jgħaxxaq u l-kitba taʼ kliem korrett tal-verità.” (Ekkleżjasti 12:10) Dan il-kliem jistaʼ tassew jiġi applikat għas-suġġett preżenti tagħna, għax dawl idda mhux biss fuq kwistjonijiet importanti bħalma huma d-duttrina u l-kondotta imma wkoll fuq terminoloġija Kristjana u t-tifsira eżatta tagħha. Per eżempju, fost l-Istudenti tal-Bibbja, wieħed mill-iktar pubblikazzjonijiet maħbubin kien l-ewwel volum taʼ Studies in the Scriptures, intitolat The Divine Plan of the Ages. Madankollu, maż-żmien, ġie rrealizzat li l-Kelma t’Alla titkellem biss dwar il-bnedmin bħala li jagħmlu pjanijiet. (Proverbji 19:21) L-Iskrittura qatt ma titkellem dwar Jehovah bħala li jippjana. Hu m’għandux bżonn jippjana. Dak kollu li huwa l-iskop tiegħu żgur li se jirnexxi minħabba l-għerf u l-qawwa infiniti tiegħu, saħansitra bħalma naqraw f’Efesin 1:9, 10: “Huwa skond il-pjaċir tajjeb tiegħu li hu ħoloq skop fih innifsu għal amministrazzjoni mal-limitu sħiħ taż-żminijiet maħturin.” Mela deher bil-mod il-mod li t-terminu “skop” huwa l-wieħed iżjed addattat meta nirreferu għal Jehovah.
16. Bil-mod il-mod x’dehret li kienet il-fehma korretta taʼ Luqa 2:14?
16 Imbagħad kien hemm il-kwistjoni tal-ksib taʼ fehma iktar ċara taʼ Luqa 2:14. Skond il-King James Version, dan jaqra: “Glorja ’l Alla fl-iktar għoli, u fuq l-art paċi, rieda tajba lejn il-bnedmin.” Deher li dan ma kienx jesprimi l-ħsieb korrett, għax ir-rieda tajba t’Alla m’hijiex espressa lejn dawk mill-agħar. Ix-Xhieda għalhekk qiesu dan bħala kwistjoni taʼ paċi lil bnedmin li kienu taʼ rieda tajba lejn Alla. B’hekk baqgħu jirreferu għal dawk interessati fil-Bibbja bħala persuni taʼ rieda tajba. Imma mbagħad ġie mifhum li dak li kien involut kien rieda tajba, mhux min-naħa tal-bnedmin, imma min-naħa t’Alla. B’hekk, in-nota taʼ taħt fuq Luqa 2:14 fin-New World Translation titkellem dwar “bnedmin li lilhom hu [Alla] japprova.” Il-Kristjani kollha li qegħdin jgħixu fi qbil mal-wegħda tagħhom taʼ dedikazzjoni għandhom ir-rieda tajba t’Alla.
17, 18. Jehovah x’se jivvindika, u x’se jqaddes?
17 B’mod simili, għal żmien twil, xi Xhieda tkellmu dwar l-ivvindikar taʼ isem Jehovah. Imma kien Satana xeħet dubju dwar isem Jehovah? Jekk niġu f’dan, qatt xi ħadd mill-aġenti taʼ Satana għamel dan, bħal li kieku Jehovah ma kellux dritt għal dak l-isem? Le, xejn affattu. Ma kienx l-isem taʼ Jehovah li ġie sfidat u li kellu bżonn jiġi vvindikat. Kien għalhekk li l-pubblikazzjonijiet riċenti tal-Watch Tower Society ma jitkellmux dwar isem Jehovah bħala li qed jiġi vvindikat. Dawn jitkellmu dwar is-sovranità taʼ Jehovah bħala li tiġi vvindikata u dwar ismu bħala li jiġi mqaddes. Dan huwa fi qbil maʼ dak li Ġesù qalilna biex nitolbu: “Ħalli ismek ikun imqaddes.” (Mattew 6:9) Għal darba wara l-oħra, Jehovah qal li hu se jqaddes ismu, li l-Iżraeliti ma kinux sfidaw imma pprofanaw.—Eżekjel 20:9, 14, 22; 36:23.
18 Huwa taʼ interess li fl-1971, il-ktieb “The Nations Shall Know That I Am Jehovah”—How? għamel din id-distinzjoni: “Ġesù Kristu jiġġieled . . . għall-ivvindikar tas-Sovranità universali taʼ Jehovah u għall-glorifikazzjoni taʼ isem Jehovah.” (Paġni 364-5) Fl-1973, God’s Kingdom of a Thousand Years Has Approached qal: “It-‘tribulazzjoni l-kbira’ li ġejja hija ż-żmien biex Alla li Jistaʼ Kollox Jehovah jivvindika s-sovranità universali tiegħu u biex iqaddes l-isem denju tiegħu.” (Paġna 409) Imbagħad, fl-1975, Man’s Salvation Out Of World Distress at Hand! stqarr: “L-akbar ġrajja taʼ storja universali se tkun imbagħad ġiet imwettqa, l-ivvindikar tas-sovranità universali taʼ Jehovah u t-taqdis taʼ l-isem sagru tiegħu.”—Paġna 281.
19, 20. Kif nistgħu nuru l-apprezzament tagħna għal leħħiet taʼ dawl spiritwali?
19 Kemm huma mberkin in-nies taʼ Jehovah li qegħdin jixxamplaw f’dan id-dawl spiritwali kollu! F’kuntrast qawwi, espressiva tad-dlam spiritwali li fih il-mexxejja tal-Kristjaneżmu jsibu lilhom infushom hija din l-istqarrija minn membru tal-kleru: “Għala d-dnub? Għala t-tbatija? Għala x-xitan? Dawn huma mistoqsijiet li rrid nistaqsi lill-Mulej meta nkun fis-sema.” Imma x-Xhieda taʼ Jehovah jistgħu jgħidulu għala: Minħabba l-kwistjoni dwar is-sovranità bi dritt taʼ Jehovah u l-kwistjoni rigward jekk ħlejjaq umani jistgħux iżommu l-integrità lejn Alla minkejja l-oppożizzjoni tax-Xitan.
20 Matul is-snin, leħħiet taʼ dawl kemm kbar kif ukoll żgħar dawlu l-mogħdija tal-qaddejja ddedikati taʼ Jehovah. Dan kien bi twettieq taʼ skritturi bħalma huma Salm 97:11 u Proverbji 4:18. Imma ejjew qatt ma ninsew illi li nimxu fid-dawl ifisser li jkollna apprezzament għad-dawl miżjud u li ngħixu f’armonija miegħu. Bħalma rajna, dan id-dawl miżjud jinvolvi kemm il-kondotta tagħna kif ukoll l-inkarigu tagħna biex nippridkaw.
(w95 5/15)
[Noti ta taħt]
a B’reazzjoni għal din il-ħarsa, The Watch Tower taʼ l-1 taʼ Ġunju u tal-15 taʼ Ġunju, 1929, interpreta “l-potenzi iktar għoljin” bħala li huma Alla Jehovah u Ġesù Kristu. Kienet primarjament din il-pożizzjoni li ġiet ikkorreġuta fl-1962.
b It-Torri Taʼ L-Għassa tal-15 taʼ Lulju, 1992, ħabbar li aħwa rġiel magħżulin tan-“ngħaġ oħrajn” kienu qegħdin jiġu assenjati biex jassistu lill-kumitati tal-Ġemgħa li Tiggverna, li kien jikkorrispondi man-Netinim taʼ żmien Eżra.—Ġwann 10:16; Eżra 2:58.
Tiftakar Int?
◻ Liema dawl ġie mixħut fuq sottomissjoni lejn “il-potenzi iktar għoljin”?
◻ Leħħiet taʼ dawl irriżultaw f’liema żviluppi organizzazzjonali?
◻ Dawl miżjud kif effettwa l-kondotta Kristjana?
◻ Dawl spiritwali ġab liema rfinar fil-fehma tagħna taʼ ċerti punti Skritturali?
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 19]
L-imfietaħ f’paġna 19: Tpinġija bbażata fuq ritratt meħud fil-Cooper-Hewitt, National Design Museum, Smithsonian Institution