LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w95 10/1 pp. 20-25
  • Jiġi Alla l-Ewwel fil-Familja Tiegħek?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Jiġi Alla l-Ewwel fil-Familja Tiegħek?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • In-​Nasba T’Oppożizzjoni Mill-​Familja
  • Niffaċċjaw L-​Isfida
  • Premju Għani Possibbli
  • Nitgħallmu Minn Ġesù
  • Irġiel u Nisa Miżżewġin​—Imitaw Lil Kristu!
  • Kif Tistaʼ Tagħmel il-​Ħajja tal-​Familja Tiegħek Hienja
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • Irġiel Miżżewġin—Agħrfu li Kristu Hu l-Kap Tagħkom
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Gwida Għaqlija għall-Miżżewġin
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Nagħmlu Suċċess Mill-Ħajja Tal-Familja
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
w95 10/1 pp. 20-25

Jiġi Alla l-​Ewwel fil-​Familja Tiegħek?

“Għandek tħobb lill-​Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha.”—MARK 12:29, 30.

1. Kemm huwa importanti li nħobbu lil Jehovah?

“LIEMA wieħed fost il-​kmandamenti kollha huwa l-​ewwel?” wieħed skrib kien staqsa lil Ġesù. Minflok ma ta l-​opinjoni tiegħu stess, Ġesù wieġeb il-​mistoqsija tiegħu billi kkwota mill-​Kelma t’Alla f’Dewteronomju 6:4, 5. Wieġeb: “L-​ewwel wieħed huwa dan: Isma’, Israel: il-​Mulej, Alla tagħna, huwa l-​Mulej wieħed, u int għandek tħobb lill-​Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-​qawwa tiegħek kollha.”—Mark 12:28-30.

2. (a) Ġesù liema oppożizzjoni kellu jiffaċċja? (b) Xi drabi x’jistaʼ jagħmilha diffiċli biex nogħġbu lil Jehovah?

2 Biex nobdu dak li Ġesù sejjaħlu l-​ewwel kmandament​—l-​iktar wieħed importanti—​jirrikjedi li aħna dejjem nagħmlu dak li jogħġob lil Jehovah. Ġesù hekk għamel, avolja darba minnhom l-​appostlu Pietru oġġezzjona għall-​korsa taʼ Ġesù, u darb’oħra qrabatu stess għamlu hekk ukoll. (Mattew 16:21-23; Mark 3:21; Ġwann 8:29) Xi ngħidu jekk int issib lilek innifsek f’sitwazzjoni simili? Nassumu li membri tal-​familja jriduk taqtaʼ l-​istudju tiegħek tal-​Bibbja u s-​sħubija tiegħek max-​Xhieda taʼ Jehovah. Se tpoġġi int lil Alla l-​ewwel billi tagħmel dak li jogħġob lilu? Jiġi Alla l-​ewwel, saħansitra meta membri tal-​familja forsi jopponu l-​isforzi tiegħek biex taqdih?

In-​Nasba T’Oppożizzjoni Mill-​Familja

3. (a) X’jistgħu jkunu l-​konsegwenzi tat-​tagħlim taʼ Ġesù fuq il-​familja? (b) Membri tal-​familja kif jistgħu juru għal min għandhom affezzjoni akbar?

3 Ġesù ma ċekkinx it-​tbatija li tistaʼ tirriżulta meta oħrajn fil-​familja jopponu lill-​membru li jaċċetta t-​tagħlim tiegħu. “Il-​bniedem ikollu n-​nies taʼ daru stess għedewwa tiegħu,” qal Ġesù. Madankollu, minkejja dik is-​sitwazzjoni taʼ niket li tirriżulta, Ġesù wera min għandu jiġi l-​ewwel billi qal: “Min iħobb lil missieru jew lil ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi; min iħobb lil ibnu jew lil bintu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi.” (Mattew 10:34-37) Aħna npoġġu l-​ewwel lil Alla Jehovah billi nsegwu t-​tagħlim taʼ Ibnu, Ġesù Kristu, li hu “x-​xbiha taʼ l-​essenza tiegħu [t’Alla].”—Lhud 1:3; Ġwann 14:9.

4. (a) Ġesù x’qal li kien involut f’li tkun is-​segwaċi tiegħu? (b) Il-​Kristjani f’liema sens għandhom jobogħdu lil membri tal-​familja?

4 F’okkażjoni oħra meta Ġesù kien qiegħed jiddiskuti x’inhu tassew involut f’li tkun segwaċi veru tiegħu, qal: “Min jiġi għandi ma jistax ikun dixxiplu tiegħi jekk ma jobgħodx lil missieru u ’l ommu u lil martu u lil uliedu u ’l ħutu subjien u bniet, u saħansitra lil ħajtu stess.” (Luqa 14:26) Ġesù ovvjament ma riedx ifisser li s-​segwaċi tiegħu kellhom litteralment jobogħdu lill-​membri tal-​familja tagħhom, ladarba kkmanda lin-​nies biex iħobbu saħansitra lill-​għedewwa tagħhom. (Mattew 5:44) Minflok, Ġesù hawn ried ifisser li s-​segwaċi tiegħu riedu jħobbu lill-​membri tal-​familja inqas milli jħobbu lil Alla. (Qabbel Mattew 6:24.) Fi qbil maʼ dik il-​fehma, il-​Bibbja tgħid li Ġakobb “bagħad” lil Lea u ħabb lil Rakele, li kien ifisser li ma kienx iħobb lil Lea daqs kemm kien iħobb lil oħtha, Rakele. (Ġenesi 29:30-32) Saħansitra l-​istess ‘ruħna,’ jew ħajjitna, Ġesù qal, għandha tiġi mibgħuda, jew maħbuba inqas, minn Jehovah!

5. Satana kif jisfrutta bil-​makakkerija l-​arranġament tal-​familja?

5 Bħala Ħallieq u Donatur tal-​Ħajja, Jehovah jixraqlu devozzjoni kompleta mill-​qaddejja tiegħu kollha. (Apokalissi 4:11) “Jien ninżel għarrkobbtejja quddiem il-​Missier,” kiteb l-​appostlu Pawlu, “li minnu tieħu isimha kull familja fis-​sema u fl-​art.” (Efesin 3:14, 15) Jehovah ħalaq l-​arranġament tal-​familja b’mod tant meraviljuż li membri tal-​familja għandhom affezzjoni naturali għal xulxin. (1 Slaten 3:25, 26; 1 Tessalonkin 2:7) Satana x-​Xitan, madankollu, bil-​makakkerija jisfrutta din l-​affezzjoni naturali tal-​familja, li tinkludi xewqa li togħġob lil uħud maħbubin. Huwa jrewwaħ il-​fjammi t’oppożizzjoni mill-​familja, u ħafna jsibuha taʼ sfida li jżommu sodi għall-​verità tal-​Bibbja meta jiffaċċjawha.—Apokalissi 12:9, 12.

Niffaċċjaw L-​Isfida

6, 7. (a) Membri tal-​familja kif jistgħu jiġu mgħejjunin biex japprezzaw l-​importanza taʼ studju tal-​Bibbja u sħubija Kristjana? (b) Kif nistgħu nuru li aħna verament inħobbu lil membri tal-​familja tagħna?

6 X’se tagħmel int jekk tiġi sforzat tagħmel għażla bejn li togħġob lil Alla jew togħġob lil xi membru tal-​familja? Se tirraġuna int li Alla ma jistenniex minna li nistudjaw il-​Kelma tiegħu u napplikaw il-​prinċipji tagħha jekk li tagħmel hekk joħloq tilwim fil-​familja? Imma aħseb ftit. Jekk iċċedi u taqtaʼ l-​istudju tiegħek tal-​Bibbja jew is-​sħubija tiegħek max-​Xhieda taʼ Jehovah, il-​maħbubin tiegħek kif qatt se jifhmu li għarfien eżatt mill-​Bibbja huwa kwistjoni taʼ ħajja u mewt?—Ġwann 17:3; 2 Tessalonkin 1:6-8.

7 Nistgħu nagħtu stampa tas-​sitwazzjoni b’dan il-​mod: Forsi xi membru tal-​familja għandu leblieba eċċessiva għall-​alkoħol. Ikun tassew taʼ benefiċċju għalih li tinjora jew taċċetta l-​problema tiegħu tax-​xorb? Ikun aħjar li żżomm il-​paċi billi ċċedi u ma tagħmel xejn dwar il-​problema tiegħu? Le, probabbilment taqbel li jkun l-​aħjar li tipprova tgħinu jegħleb il-​problema tiegħu tax-​xorb, saħansitra jekk dan ifisser li jkollok tiffaċċja l-​korla u t-​theddid tiegħu. (Proverbji 29:25) B’mod simili, jekk verament tħobb lill-​membri tal-​familja tiegħek, m’intix se ċċedi għall-​isforzi tagħhom biex iwaqqfuk milli tistudja l-​Bibbja. (Atti 5:29) Huwa biss billi tieħu waqfa soda li tistaʼ tgħinhom japprezzaw illi li tgħix mat-​tagħlim taʼ Kristu jfisser l-​istess ħajjitna.

8. Kif nibbenefikaw mill-​fatt li Ġesù fedelment għamel ir-​rieda t’Alla?

8 Li tpoġġi lil Alla l-​ewwel jistaʼ jkun diffiċli ħafna xi drabi. Imma ftakar, Satana wkoll għamilha diffiċli għal Ġesù li jagħmel ir-​rieda t’Alla. Madankollu Ġesù qatt ma ċeda; issaporta saħansitra l-​agonija taʼ zokk tat-​tortura għalina. “Ġesù Kristu [hu] s-​Salvatur tagħna,” tgħid il-​Bibbja. “Miet għalina.” (Titu 3:6; 1 Tessalonkin 5:10) M’aħniex aħna grati li Ġesù ma ċediex għall-​oppożizzjoni? Minħabba li ssaporta mewta taʼ sagrifiċċju, għandna l-​prospett taʼ ħajja taʼ dejjem f’dinja ġdida taʼ paċi u taʼ tjieba billi neżerċitaw fidi fid-​demm imxerred tiegħu.—Ġwann 3:16, 36; Apokalissi 21:3, 4.

Premju Għani Possibbli

9. (a) Il-​Kristjani kif jistgħu jieħdu sehem f’li jsalvaw lil oħrajn? (b) X’kienet is-​sitwazzjoni tal-​familja taʼ Timotju?

9 Tirrealizza li int ukoll tistaʼ jkollok sehem f’li ssalva lil oħrajn, inklużi qraba maħbubin ħafna? L-​appostlu Pawlu ħeġġeġ lil Timotju: “Żomm sħiħ f’dawn il-​ħwejjeġ [li ġejt mgħallem], għax, jekk tagħmel hekk, issalva lilek innifsek u lil dawk li jisimgħuk.” (1 Timotju 4:16) Timotju għex f’dar maqsuma, billi missieru li kien Grieg ma kienx kredent. (Atti 16:1; 2 Timotju 1:5; 3:14) Għalkemm ma nafux jekk missier Timotju qatt sarx kredent, il-​possibiltà li setaʼ sar kienet imsebbħa ferm bil-​kondotta leali taʼ martu, Ewniċe, u taʼ Timotju.

10. Il-​Kristjani x’jistgħu jagħmlu għan-​nom taʼ l-​imseħbin tagħhom li ma jemmnux?

10 L-​Iskrittura tirrivela li rġiel u nisa miżżewġin li b’mod sod jappoġġjaw il-​verità tal-Bibbja jistgħu jikkontribwixxu lejn li jsalvaw lill-​imseħbin tagħhom li m’humiex Kristjani billi jgħinuhom isiru kredenti. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Jekk wieħed mill-​aħwa għandu martu ma temminx, u li hi jogħġobha tgħammar miegħu, m’għandux iwarrabha. U l-​mara, jekk għandha żewġha ma jemminx, u dan jogħġbu jgħammar magħha, m’għandhiex twarrbu. Tafx int, mara, jekk issalvax lil żewġek, jew int raġel, jekk issalvax lil martek?” (1 Korintin 7:12, 13, 16) L-​appostlu Pietru ddeskriva kif in-​nisa miżżewġin, fil-​fatt, setgħu jsalvaw lil żwieġhom, billi ħeġġeġ: “Oqogħdu għas-​setgħa taʼ żwieġkom biex, jekk ikunu minn dawk li għadhom ma semgħux mill-​kelma taʼ l-​Evanġelju, jintrebħu, mhux bil-​kliem, imma bl-​imġiba tan-​nisa tagħhom.”—1 Pietru 3:1.

11, 12. (a) Liema premju rċevew eluf taʼ Kristjani, u x’għamlu biex irċevewh? (b) Irrakkonta esperjenza taʼ membru taʼ familja li ġie ppremjat għal sabar leali.

11 Fi snin riċenti ħafna eluf saru Xhieda taʼ Jehovah wara xhur u saħansitra snin li kienu ilhom jopponu l-​attività Kristjana taʼ Xhieda qrabathom. Xi premju huwa dan għal Kristjani li żammew sod, u x’barka għal dawk li darba kienu opponenti! B’emozzjoni f’leħnu, anzjan Kristjan taʼ 74 sena rrakkonta: “Taʼ spiss nirringrazzja lil marti u lil uliedi talli baqgħu fil-​verità matul is-​snin li jien kont nopponihom.” Qal li għal tliet snin hu b’ras iebsa rrifjuta saħansitra li jħalli lil martu tkellmu dwar il-​Bibbja. “Imma hi wżat il-​psikoloġija fuqi,” qal, “u bdiet tagħtini xiehda waqt li togħrokli saqajja. Kemm jien grat li hi ma ċedietx għall-​oppożizzjoni tiegħi!”

12 Raġel ieħor li kien jopponi lill-​familja tiegħu kiteb: ‘Jien kont l-​agħar għadu taʼ marti għaliex wara li ħadet il-​verità, heddidtha, u konna nitlewmu kuljum; m’għandniex xi ngħidu, jien dejjem kont nibda t-​tilwima. Imma kollox għal xejn; marti żammet mal-​Bibbja. Għaddew b’hekk tnax-il sena fil-​ġlieda ħarxa tiegħi kontra l-​verità u kontra marti u ibni. Għalihom it-​tnejn, jien kont ix-​Xitan inkarnat.’ Eventwalment ir-​raġel beda janalizza ħajtu. ‘Rajt kemm kont aħrax,’ spjega hu. ‘Qrajt il-​Bibbja, u grazzi għall-​istruzzjoni tagħha, jien issa Xhud mgħammed.’ Aħseb dwar il-​premju grandjuż taʼ martu, iva, li għenet biex ‘issalva lil żewġha’ billi lealment issaportiet l-​oppożizzjoni tiegħu għal 12-il sena!

Nitgħallmu Minn Ġesù

13. (a) Liema hija l-​lezzjoni ewlenija li rġiel u nisa miżżewġin għandhom jitgħallmu mill-​korsa tal-​ħajja taʼ Ġesù? (b) Nies li jsibuha diffiċli li jissottomettu ruħhom għar-​rieda t’Alla kif jistgħu jibbenefikaw mill-​eżempju taʼ Ġesù?

13 Il-​lezzjoni ewlenija li rġiel u nisa miżżewġin għandhom jitgħallmu mill-​korsa tal-​ħajja taʼ Ġesù hija dik t’ubbidjenza lejn Alla. “Jien dejjem nagħmel dak li jogħġob lilu,” qal Ġesù. “Jien ma nfittixx ir-​rieda tiegħi, imma r-​rieda taʼ min bagħatni.” (Ġwann 5:30; 8:29) Saħansitra meta Ġesù darba sab li aspett partikulari tar-​rieda t’Alla kien taʼ dwejjaq, hu kien ubbidjent. “Jekk int trid, warrab minni dan il-​kalċi,” hu talab. Imma malajr żied: “Iżda tkun magħmula r-​rieda tiegħek, u mhux tiegħi.” (Luqa 22:42) Ġesù ma talabx lil Alla biex ibiddel ir-​rieda Tiegħu; wera li verament kien iħobb lil Alla billi b’ubbidjenza ssottometta ruħu għal kwalunkwe ħaġa li kienet ir-​rieda t’Alla għalih. (1 Ġwann 5:3) Li dejjem inpoġġu r-​rieda t’Alla l-​ewwel, bħalma għamel Ġesù, huwa importanti b’mod vitali biex nirnexxu mhux biss fil-​ħajja bħala ġuvni (xebba) imma wkoll fil-​ħajja miżżewġa u tal-​familja. Ikkunsidra għala dan huwa hekk.

14. Xi Kristjani kif jirraġunaw b’mod mhux xieraq?

14 Bħalma nnotajna qabel, meta kredenti jpoġġu lil Alla l-​ewwel, ifittxu li jibqgħu maʼ l-​imseħbin tagħhom li ma jemmnux u taʼ spiss ikunu jistgħu jgħinuhom jidħlu fit-​triq tas-​salvazzjoni. Saħansitra meta l-​imseħbin it-​tnejn huma kredenti, iż-​żwieġ tagħhom jistaʼ jkun ’l bogħod minn ideali. Minħabba inklinazzjonijiet midinbin, irġiel u nisa miżżewġin mhux dejjem ikollhom ħsibijiet taʼ mħabba lejn xulxin. (Rumani 7:19, 20; 1 Korintin 7:28) Xi wħud saħansitra jmorru sal-​punt li jfittxu sieħeb (sieħba) differenti, għalkemm ma jkollhom ebda bażi Skritturali għal divorzju. (Mattew 19:9; Lhud 13:4) Huma jirraġunaw li għalihom dan huwa l-​aħjar, li r-​rieda t’Alla għal irġiel u nisa miżżewġin li jibqgħu flimkien hija diffiċli wisq. (Malakija 2:16; Mattew 19:5, 6) Dan huwa mingħajr dubju każ ieħor fejn wieħed jaħseb ħsibijiet tal-​bniedem minflok dawk t’Alla.

15. Li tpoġġi lil Alla l-​ewwel għala huwa taʼ protezzjoni?

15 Kemm huwa taʼ protezzjoni li tpoġġi lil Alla l-​ewwel! Koppji miżżewġin li jagħmlu hekk se jipprovaw jibqgħu flimkien u jsolvu l-​problemi tagħhom billi japplikaw il-​parir tal-​Kelma t’Alla. Huma b’hekk jevitaw kull xorta taʼ wġigħ il-​qalb li jirriżulta meta tiġi injorata r-​rieda tiegħu. (Salm 19:8-12; [Salm 19:7-11, NW]) Dan jingħata stampa tiegħu minn koppja żagħżugħa li, meta kienu kważi waslu biex jiddivorzjaw, iddeċidew li jsegwu l-​parir tal-​Bibbja. Snin wara meta l-​mara rriflettiet fuq il-​ferħ li kien ikollha fiż-​żwieġ tagħha, qalet: “Jaqbadni l-​biki meta nqis il-​possibiltà li stajt għext isseparata minn żewġi dawn is-​snin kollha. Imbagħad nitlob lil Alla Jehovah u nirringrazzjah tal-​pariri u l-​gwida tiegħu li ġabuna flimkien f’relazzjoni hienja bħal din.”

Irġiel u Nisa Miżżewġin​—Imitaw Lil Kristu!

16. Ġesù x’eżempju ħalla kemm għall-​irġiel kif ukoll għan-​nisa miżżewġin?

16 Ġesù, li dejjem poġġa lil Alla l-​ewwel, ħalla eżempju meraviljuż kemm għall-​irġiel kif ukoll għan-​nisa miżżewġin, u jagħmlu tajjeb li jagħtu attenzjoni bir-​reqqa għalih. Irġiel miżżewġin huma mħeġġin li jimitaw il-​mod kif Ġesù jeżerċita l-​istat taʼ kap b’mod teneru fuq il-​membri tal-​kongregazzjoni Kristjana. (Efesin 5:23) U nisa miżżewġin Kristjani jistgħu jitgħallmu mill-​eżempju impekkabbli taʼ Ġesù taʼ sottomissjoni lejn Alla.—1 Korintin 11:3.

17, 18. Ġesù b’liema modi ħalla eżempju mill-​aħjar għall-​irġiel miżżewġin?

17 Il-​Bibbja tikkmanda: “Intom, l-​irġiel, ħobbu lin-​nisa tagħkom, kif Kristu ħabb il-​Knisja u ta ħajtu għaliha.” (Efesin 5:25) Mod importanti kif Ġesù wera mħabbtu għall-​kongregazzjoni tiegħu taʼ segwaċi kien billi kien il-​ħabib intimu tagħhom. “Sejjaħtilkom ħbieb,” qal Ġesù, “għaliex kull ma smajt mingħand Missieri jien għarraftulkom.” (Ġwann 15:15) Aħseb dwar iż-​żmien kollu li Ġesù qattaʼ jitkellem mad-​dixxipli tiegħu​—il-​ħafna u ħafna diskussjonijiet li kellu magħhom—​u dwar il-​fiduċja li poġġa fihom! M’huwiex dak eżempju eċċellenti għall-​irġiel miżżewġin?

18 Ġesù ħa interess veru fid-​dixxipli tiegħu u kellu affezzjoni ġenwina lejhom. (Ġwann 13:1) Meta t-​tagħlim tiegħu ma kienx ċar għalihom, bil-​paċenzja ħa l-​ħin fil-​privat biex jiċċaralhom l-​affarijiet. (Mattew 13:36-43) Irġiel miżżewġin, huwa l-​benesseri spiritwali taʼ martkom taʼ l-​istess importanza għalikom? Tqattgħu ħin magħha, billi tkunu ċerti li t-​tnejn li intom għandkom veritajiet Bibliċi ċari f’moħħkom u f’qalbkom? Ġesù kkumpanja lill-​appostli tiegħu fil-​ministeru, forsi billi ħarriġhom individwalment. Takkumpanja int lil martek fil-​ministeru, billi tieħdu sehem fi żjajjar minn dar għal dar u f’li tikkonduċu studji tal-​Bibbja?

19. Il-​mod kif Ġesù ttratta mad-​difetti ripetuti taʼ l-​appostli tiegħu kif huwa t’eżempju għall-​irġiel miżżewġin?

19 B’mod speċjali f’li jittratta maʼ l-​imperfezzjonijiet taʼ l-​appostli tiegħu Ġesù pprovda eżempju mill-​aqwa għall-​irġiel miżżewġin. Matul l-​aħħar ikla tiegħu maʼ l-​appostli tiegħu, setaʼ jinduna li reġaʼ tfaċċa spirtu taʼ rivalità. Ikkritikahom hu b’mod aħrax? Le, imma bl-​umiltà ħasel saqajn kull wieħed minnhom. (Mark 9:33-37; 10:35-45; Ġwann 13:2-17) Turi int paċenzja bħal din maʼ martek? Minflok ma tgerger minħabba xi difett ripetut, tipprova int bil-​paċenzja tgħinha u tilħqilha qalbha bl-​eżempju tiegħek? Nisa miżżewġin wisq probabbli li jirreaġixxu għal mogħdrija taʼ mħabba bħal din, bħalma għamlu l-​appostli eventwalment.

20. Nisa miżżewġin Kristjani x’qatt m’għandhom jinsew, u min hu pprovdut bħala eżempju għalihom?

20 Nisa miżżewġin ukoll għandhom bżonn jikkunsidraw lil Ġesù, li qatt ma nesa li “ras Kristu hu Alla.” Dejjem issottometta ruħu lejn Missieru tas-​sema. B’mod simili, in-​nisa miżżewġin m’għandhomx jinsew li “ras il-​mara hu r-​raġel,” iva, li r-​raġel tagħhom hu l-​kap tagħhom. (1 Korintin 11:3; Efesin 5:23) L-​appostlu Pietru ħeġġeġ lin-​nisa miżżewġin Kristjani biex jikkunsidraw l-​eżempju taʼ “nisa qaddisa” taʼ żminijiet iktar bikrin, speċjalment dak taʼ Sara, li “kienet tismaʼ minn Abraham u kienet issejjaħlu ‘Sidi.’”—1 Pietru 3:5, 6.

21. Iż-​żwieġ t’Abraham u Sara għala kien suċċess imma dak taʼ Lot u martu falliment?

21 Sara evidentement ħalliet dar komda f’belt prosperuża biex tgħix fit-​tined f’pajjiż barrani. Għala? Għaliex kienet tippreferi dak l-​istil taʼ ħajja? M’huwiex probabbli. Għaliex żewġha talabha biex tmur? Bla dubju dan kien fattur, ladarba Sara kienet tħobb u tirrispetta lil Abraham minħabba l-​kwalitajiet divini tiegħu. (Ġenesi 18:12) Imma r-​raġuni ewlenija għala marret flimkien maʼ żewġha kienet l-​imħabba tagħha għal Jehovah u x-​xewqa tagħha mill-​qalb li ssegwi d-​direzzjoni t’Alla. (Ġenesi 12:1) Kienet issib għaxqa fl-​ubbidjenza lejn Alla. Mart Lot, mill-​banda l-​oħra, qagħdet taħsibha biex tagħmel ir-​rieda t’Alla u b’hekk ħarset lura tixxennaq għall-​affarijiet li ħalliet warajha fil-​belt taʼ Sodom fejn kienet toqgħod. (Ġenesi 19:15, 25, 26; Luqa 17:32) Xi tmiem traġiku għal dak iż-​żwieġ​—kollu minħabba d-​diżubbidjenza tagħha lejn Alla!

22. (a) Membri tal-​familja liema eżami tagħhom infushom se jagħmlu b’mod għaqli? (b) X’se nikkunsidraw fl-​istudju tagħna li jmiss?

22 Mela bħala raġel jew mara miżżewġin, huwa vitali li tistaqsu lilkom infuskom, ‘Jiġi Alla l-​ewwel fil-​familja tagħna? Nipprova jien verament inwettaq l-​irwol tal-​familja li Alla tani? Nagħmel jien sforz ġenwin biex inħobb lis-​sieħba (sieħeb) tiegħi u ngħinha tikseb jew iżżomm relazzjoni tajba maʼ Jehovah?’ Fil-​biċċa l-​kbira tal-​familji hemm ukoll it-​tfal. Issa jmiss li nikkunsidraw l-​irwol tal-​ġenituri u l-​bżonn kemm tagħhom u kemm tat-​tfal tagħhom li jpoġġu lil Alla l-​ewwel. (w95 10/1)

Tiftakar Int?

◻ X’jistgħu jkunu l-​konsegwenzi tat-​tagħlim taʼ Ġesù għal ħafna familji?

◻ Eluf taʼ Kristjani li żammew sod liema premju rċevew?

◻ X’se jgħin lill-​imseħbin jevitaw l-​immoralità u d-​divorzju?

◻ Irġiel miżżewġin x’jistgħu jitgħallmu mill-​eżempju taʼ Ġesù?

◻ Nisa miżżewġin kif jistgħu jikkontribwixxu għal żwieġ hieni?

[Stampa f’paġna 22]

Sara kif ikkontribwiet għas-​suċċess taż-​żwieġ tagħha?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja