L-Imħabba Tikkonkwista l-Għira Mhix Xierqa
“L-imħabba m’hijiex għajjura.”—1 KORINTIN 13:4.
1, 2. (a) Ġesù x’qal lid-dixxipli tiegħu dwar l-imħabba? (b) Huwa possibbli li tkun tħobb u għajjur fl-istess ħin, u għala twieġeb hekk?
L-IMĦABBA hija marka li tidentifika l-vera Kristjanità. “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom,” qal Ġesù Kristu. (Ġwann 13:35) L-appostlu Pawlu kien spirat biex jispjega kif l-imħabba għandha teffettwa r-relazzjonijiet Kristjani. Fost affarijiet oħrajn, kiteb: “L-imħabba m’hijiex għajjura.”—1 Korintin 13:4.
2 Meta Pawlu kiteb dak il-kliem, kien qiegħed jirreferi għall-għira m’hijiex xierqa. Altrimenti ma setax jgħid lill-istess kongregazzjoni: “Jien għajjur għalikom bl-istess għira t’Alla.” (2 Korintin 11:2) L-“għira t’Alla” tiegħu ġiet imqanqla minħabba xi rġiel li kienu influwenza li tikkorrompi fil-kongregazzjoni. Dan qanqal lil Pawlu biex jikteb lill-Kristjani Korintin ittra spirata oħra li kien fiha ħafna pariri taʼ mħabba.—2 Korintin 11:3-5.
Għira Fost Il-Kristjani
3. Problema li tinvolvi l-għira kif żviluppat fost il-Kristjani Korintin?
3 Fl-ewwel ittra tiegħu lill-Korintin, Pawlu kellu jittratta problema li kienet qiegħda żżomm lura lil dawn il-Kristjani ġodda milli jingwalawha bejniethom. Kienu qegħdin jgħollu lil ċerti rġiel, billi ‘jintefħu b’wieħed kontra l-ieħor.’ Dan wassal għal firdiet ġewwa l-kongregazzjoni, b’uħud differenti jgħidu: “Jien taʼ Pawlu,” “U jien t’Apollo,” “U jien taʼ Kefa.” (1 Korintin 1:12; 4:6) Taħt gwida mill-ispirtu qaddis, l-appostlu Pawlu setaʼ jmur f’ras l-għajn tal-problema. Il-Korintin kienu qegħdin jaġixxu bħal nies b’moħħhom fuq il-laħam, mhux bħal “nies spiritwali.” B’hekk, Pawlu kiteb: “Għadkom tad-demm u l-laħam, ladarba fostkom għad hemm l-għira u l-ġlied. M’għadkomx forsi tad-demm u l-laħam, u m’għadkomx timxu taʼ bnedmin?”—1 Korintin 3:1-3.
4. Pawlu liema tixbieha uża biex jgħin lil ħutu jaslu għall-ħarsa xierqa dwar xulxin, u x’lezzjoni nistgħu nitgħallmu minn dan?
4 Pawlu għen lill-Korintin biex japprezzaw il-ħarsa korretta dwar it-talenti u l-abbiltajiet taʼ diversi wħud fil-kongregazzjoni. Staqsa: “Int, min hu li għażlek? X’għandek li ma ngħatalikx? U jekk ngħatalek, il-għala tiftaħar bħal li kieku ma ngħatalek xejn?” (1 Korintin 4:7) Fl-1 Korintin kapitlu 12, Pawlu spjega li dawk li kienu parti mill-kongregazzjoni kienu bħall-membri differenti taʼ ġisem uman, bħalma huma l-id, l-għajn, u l-widna. Hu indika li Alla għamel il-membri tal-ġisem b’tali mod li huma jieħdu ħsieb xulxin. Pawlu kiteb ukoll: “Jekk membru jitfaħħar, jifirħu lkoll miegħu.” (1 Korintin 12:26) Il-qaddejja kollha t’Alla llum għandhom japplikaw dan il-prinċipju fir-relazzjoni tagħhom maʼ xulxin. Minflok ma ngħiru għal ħaddieħor minħabba l-inkarigu jew dak li jkun wettaq fis-servizz t’Alla, aħna għandna nifirħu maʼ dak li jkun.
5. X’inhu rrivelat f’Ġakbu 4:5, u l-Iskrittura kif tenfasizza l-verità taʼ dan il-kliem?
5 Irridu nammettu, dan eħfef tgħidu milli tagħmlu. Il-kittieb tal-Bibbja Ġakbu jfakkarna li “tendenza għall-invidja” tinsab f’kull bniedem midneb. (Ġakbu 4:5, NW) L-ewwel mewta umana seħħet minħabba li Kajjin ċeda għall-għira mhix xierqa tiegħu. Il-Filistej ippersegwitaw lil Iżakk għaliex kienu invidjużi għall-prosperità tiegħu. Rakele kienet għajjura għall-fertilità t’oħtha f’li jkollha t-tfal. L-ulied subjien taʼ Ġakobb kienu għajjurin minħabba l-favur muri lejn ħuhom iżgħar Ġużeppi. Mirjam evidentement kienet għajjura għall-mara taʼ ħuha li ma kenitx Iżraelita. Kora, Datan, u Abiram b’invidja ifformaw konfoffa kontra Mosè u Aronne. Is-Sultan Sawl sar għajjur għas-suċċessi militari taʼ David. Bla dubju l-għira kienet ukoll fattur li ġiegħel lid-dixxipli taʼ Ġesù jidħlu f’argumenti ripetuti dwar min kien l-akbar fosthom. Il-fatt huwa li l-ebda bniedem imperfett m’hu ħieles totalment mit-“tendenza [midinba] għall-invidja.”—Ġenesi 4:4-8; 26:14; 30:1; 37:11; Numri 12:1, 2; 16:1-3; Salm 106:16; 1 Samwel 18:7-9; Mattew 20:21, 24; Mark 9:33, 34; Luqa 22:24.
Fil-Kongregazzjoni
6. L-anzjani kif jistgħu jikkontrollaw it-tendenza lejn l-invidja?
6 Il-Kristjani kollha jridu jgħassu kontra l-invidja u l-għira mhix xierqa. Dan jinkludi ġemgħat t’anzjani maħturin biex jieħdu ħsieb tal-kongregazzjonijiet tan-nies t’Alla. Jekk anzjan għandu umiltà tal-moħħ, ma jipprovax b’mod ambizzjuż jibbrilla fuq oħrajn. Mill-banda l-oħra, jekk ċertu anzjan għandu abbiltajiet li jispikkaw bħala organizzatur jew kelliemi pubbliku, l-oħrajn se jifirħu dwar dan, billi jqisu dan bħala barka għall-kongregazzjoni. (Rumani 12:15, 16) Ħu jistaʼ jkun qiegħed jagħmel progress mill-aħjar, billi jagħti evidenza li qiegħed jipproduċi l-frott taʼ l-ispirtu t’Alla fil-ħajja tiegħu. F’li jikkunsidraw il-kwalifiki tiegħu, l-anzjani għandhom joqogħdu attenti li ma jkabbrux xi nuqqas żgħir biex jiġġustifikaw il-fatt li ma jirrikmandawhx bħala qaddej ministerjali jew anzjan. Dak kieku jikxef nuqqas taʼ mħabba u raġonevolezza.
7. Liema problema tistaʼ tiżviluppa meta Kristjan jirċievi xi inkarigu teokratiku?
7 Jekk xi ħadd jirċievi inkarigu teokratiku jew barka spiritwali, oħrajn fil-kongregazzjoni jridu jgħassu kontra l-invidja. Per eżempju, oħt kapaċi tistaʼ tintuża iżjed taʼ spiss minn xi oħra biex tagħmel turijiet fil-laqgħat Kristjani. Dan jistaʼ jqanqal l-għira min-naħa taʼ xi aħwa nisa. Problema simili setgħet eżistiet bejn Evodja u Sintike tal-kongregazzjoni taʼ Filippi. Nisa bħal dawn taż-żmien modern jistgħu jkollhom bżonn inkuraġġiment b’qalb tajba mill-anzjani biex ikunu umlin u biex ikunu “taʼ fehma waħda fil-Mulej.”—Filippin 2:2, 3; 4:2, 3.
8. L-għira tistaʼ twassal għal liema atti midinbin?
8 Kristjan jistaʼ jkun jaf dwar xi nuqqas tal-passat min-naħa taʼ wieħed li hu issa mbierek bi privileġġi fil-kongregazzjoni. (Ġakbu 3:2) Minħabba l-għira, jistaʼ jkun hemm tentazzjoni li jitkellem m’oħrajn dwar dan u jitfaʼ dell ikrah fuq l-inkarigu tiegħu fil-kongregazzjoni. Dan ikun kuntrarju għall-imħabba, li “tgħatti kotra taʼ dnubiet.” (1 Pietru 4:8) Kliem t’għira jistaʼ jkisser il-paċi taʼ kongregazzjoni. “Jekk intom għandkom l-għira u l-imrar f’qalbkom u ħsiebkom fil-ġlied,” wissa d-dixxiplu Ġakbu, “qisu li b’hekk ma tiftaħrux u tigdbu kontra l-verità. Dan mhux l-għerf li ġej mis-sema, imma l-għerf taʼ din l-art, tal-ġisem u tax-xitan.”—Ġakbu 3:14, 15.
Fil-Familja Tiegħek
9. L-imseħbin fiż-żwieġ kif jistgħu jikkontrollaw sentimenti t’għira?
9 Ħafna żwiġijiet ifallu minħabba għira mhix xierqa. Li turi nuqqas taʼ fiduċja f’sieħeb (jew sieħba) fiż-żwieġ m’huwiex taʼ mħabba. (1 Korintin 13:7) Mill-banda l-oħra, sieħeb minnhom jistaʼ jkun insensittiv għal sentimenti t’għira min-naħa taʼ l-ieħor. Per eżempju, mara tistaʼ tkun għajjura minħabba l-attenzjoni li żewġha jagħti lil xi ħadd ieħor tas-sess oppost. Jew raġel jistaʼ jsir għajjur minħabba l-ammont taʼ ħin li martu tqattaʼ tieħu ħsieb taʼ xi qarib fil-bżonn. Imbarazzati minħabba sentimenti bħal dawn, imseħbin fiż-żwieġ forsi jibqgħu siktin u juru l-frustrazzjoni tagħhom b’modi li jikkumplikaw il-problema. Minflok, sieħeb (jew sieħba) għajjur jeħtieġ li jikkomunika u jkun onest dwar is-sentimenti tiegħu (jew tagħha). Min-naħa tiegħu, is-sieħeb l-ieħor jeħtieġ li juri fehma u jagħti assiguranza taʼ mħabbtu (jew imħabbitha). (Efesin 5:28, 29) It-tnejn li huma għandhom mnejn jeħtieġu li jnaqqsu sentimenti t’għira billi jevitaw sitwazzjonijiet li jagħmlu l-wisgħa għaliha. Xi drabi indokratur Kristjan għandu mnejn ikollu bżonn jgħin lil martu tifhem li hu qiegħed jagħti attenzjoni xierqa limitata lil membri tas-sess oppost sabiex iwettaq ir-responsabbiltà tiegħu bħala ragħaj tal-merħla t’Alla. (Isaija 32:2) M’għandniex xi ngħidu, anzjan għandu joqgħod attent li qatt ma jagħti kwalunkwe raġuni valida għall-għira. Dan jirrikjedi bilanċ, billi jkun ċert li jqattaʼ ħin f’li jsaħħaħ ir-relazzjoni taż-żwieġ tiegħu stess.—1 Timotju 3:5; 5:1, 2.
10. Il-ġenituri kif jistgħu jgħinu lil uliedhom biex ikampaw maʼ sentimenti t’għira?
10 Il-ġenituri wkoll iridu jgħinu lil uliedhom jifhmu l-kunċett taʼ l-għira mhix xierqa. It-tfal taʼ spiss jiġu involuti f’tilwimiet li jinbidlu fi ġlied. Taʼ spiss l-għerq tal-problema huwa l-għira. Minħabba li l-ħtiġijiet taʼ kull tifel (jew tifla) huma uniċi, it-tfal ma jistgħux jiġu trattati b’mod identiku. Iktar minn hekk, it-tfal iridu jifhmu li kull wieħed minnhom għandu t-tajjeb u l-ħażin tiegħu. Jekk wieħed mit-tfal jiġi dejjem inkuraġġit biex ikun bħall-ieħor, dan jistaʼ jikkultiva l-invidja f’wieħed u l-kburija fl-ieħor. Għaldaqstant, il-ġenituri għandhom iħarrġu lil uliedhom biex ikejlu l-progress tagħhom billi jikkunsidraw l-eżempji fil-Kelma t’Alla, mhux billi jikkompetu maʼ xulxin. Il-Bibbja tgħid: “Ma nkunux minn dawk li jfittxu l-ftaħir fieragħ; ma nġarrbux ’il xulxin; ma ngħirux għal xulxin.” Minflok, ħalli “kull wieħed jgħarbel għemilu, imbagħad ikun jistaʼ jiftaħar bih innifsu, u mhux b’ħaddieħor.” (Galatin 5:26; 6:4) L-iktar importanti, ġenituri Kristjani għandhom bżonn jgħinu lil uliedhom permezz taʼ studju regulari tal-Bibbja, billi jenfasizzaw l-eżempji tajbin u ħżiena misjubin fil-Kelma t’Alla.—2 Timotju 3:15.
Eżempji Taʼ Kkontrollar T’Għira
11. Mosè kif kien eżempju mill-aħjar f’li jittratta maʼ l-għira?
11 Kuntrarju għall-mexxejja taʼ did-dinja li moħħhom biss fil-poter, “Mosè kien bniedem umli, l-aktar umli fost il-bnedmin li hawn fuq wiċċ l-art.” (Numri 12:3) Meta t-tmexxija fuq l-Iżraeliti saret tqila wisq għal Mosè biex iġorrha waħdu, Jehovah ġagħal l-ispirtu Tiegħu biex jopera fuq 70 Iżraelit oħrajn, billi tahom il-qawwa biex jgħinu lil Mosè. Meta tnejn minn dawn l-irġiel bdew jaġixxu taʼ profeti, Ġożwè ħass li dan naqqas b’mod mhux xieraq mit-tmexxija taʼ Mosè. Ġożwè ried irażżan lill-irġiel, imma Mosè b’umiltà rraġuna: “Jaqaw qiegħed tgħir minħabba fija? Jalla l-poplu tal-Mulej ikun kollu profeti, u jalla l-Mulej iqiegħed fuqhom l-ispirtu tiegħu!” (Numri 11:29) Iva, Mosè kien hieni meta oħrajn irċevew privileġġi taʼ servizz. Ma riedx b’mod għajjur glorja għalih innifsu.
12. X’għen lil Ġonatan jevita sentimenti t’għira?
12 Eżempju mill-aħjar dwar kif l-imħabba tissupera lil sentimenti m’humiex xierqa t’għira li jistgħu jinqalgħu kien ipprovdut minn Ġonatan, bin is-Sultan Iżraelit Sawl. Ġonatan kien imissu jiret it-tron taʼ missieru, imma Jehovah kien għażel lil David, bin Ġessi, biex ikun is-sultan li jmiss. Ħafna fil-pożizzjoni taʼ Ġonatan kienu jkunu għajjurin għal David, billi jqisuh bħala rivali. Madankollu, l-imħabba taʼ Ġonatan għal David evitat sentiment bħal dan milli qatt jiddominah. Meta sar jaf dwar il-mewt taʼ Ġonatan, David setaʼ jgħid: “Jien mgħolli għalik, Ġonatan ħija, l-għożża tiegħi u l-għaxqa għalija! Imħabbtek għalija egħżeż minn imħabbet in-nisa!”—2 Samwel 1:26.
L-Iktar Eżempji Li Jispikkaw
13. Min hu l-aqwa eżempju fil-kwistjoni taʼ l-għira, u għala?
13 Alla Jehovah hu l-iktar eżempju li jispikka taʼ wieħed li għandu kontroll saħansitra fuq għira xierqa. Hu jżomm sentimenti bħal dawn taħt rażna perfetta. Kwalunkwe manifestazzjoni qawwija t’għira divina hija dejjem f’armonija maʼ l-imħabba, il-ġustizzja, u l-għerf t’Alla.—Isaija 42:13, 14.
14. Ġesù liema eżempju tana f’kuntrast maʼ Satana?
14 It-tieni eżempju li jispikka f’li wieħed juri kontroll fuq l-għira hu l-Iben maħbub t’Alla, Ġesù Kristu. “Għalkemm kien qiegħed jeżisti fis-sura t’Alla,” Ġesù “ma ta ebda kunsiderazzjoni għal ħtif, jiġifieri, li għandu jkun ugwali m’Alla.” (Filippin 2:6, NW) X’kuntrast qawwi mal-korsa meħuda mill-anġlu ambizzjuż li sar Satana x-Xitan! Bħas-“sultan taʼ Babel,” Satana b’mod għajjur xtaq li ‘jixbah lill-Alla l-Għoli’ billi jgħolli lilu nnifsu bħala alla rival f’oppożizzjoni għal Jehovah. (Isaija 14:4, 14; 2 Korintin 4:4) Satana saħansitra pprova jġiegħel lil Ġesù ‘jinxteħet jadurah.’ (Mattew 4:9) Imma xejn ma setaʼ jdawwar lil Ġesù mill-korsa umlija tiegħu taʼ sottomissjoni lejn is-sovranità taʼ Jehovah. F’kuntrast maʼ Satana, Ġesù “xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura taʼ rsir; sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem; ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib.” Ġesù appoġġja d-dritt tal-ħakma taʼ Missieru, billi ċaħad totalment il-korsa tax-Xitan taʼ kburija u għira. Għall-fedeltà taʼ Ġesù, “Alla għollieh sas-smewwiet, u żejnu bl-Isem li hu fuq kull isem, biex fl-isem taʼ Ġesù—fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art—il-ħlejjaq kollha jinżlu għar-rkobbtejhom, u kull ilsien jistqarr: ‘Ġesù Kristu hu l-Mulej għall-glorja t’Alla l-Missier.’”—Filippin 2:7-11.
Ikkontrollar Taʼ L-Għira Tiegħek
15. Għala rridu noqogħdu attenti biex nikkontrollaw sentimenti t’għira?
15 Kuntrarju għal Alla u Kristu, il-Kristjani huma imperfetti. Billi huma midinbin, xi drabi jistgħu jaġixxu b’għira midinba. Minflok ma nħallu l-għira tqanqalna biex nikkritikaw lil kredent seħibna dwar xi nuqqas żgħir jew xi ħażen immaġinat, għalhekk, huwa importanti li nimmeditaw fuq dan il-kliem spirat: “La għandek tkun ġust iżżejjed u lanqas għaref bil-bosta. Għalfejn toqgħod tinfena?”—Koħelet 7:16.
16. X’parir mill-aħjar fuq l-għira ngħata f’ħarġa tal-passat taʼ din ir-rivista?
16 Fuq is-suġġett taʼ l-għira, The Watch Tower tal-15 taʼ Marzu, 1911, wissa: “Fil-waqt li għandna nkunu żelużi ħafna, għajjurin ħafna għall-kawża tal-Mulej, madankollu rridu nkunu żguri ħafna li m’hijiex xi kwistjoni privata; u għandna nikkunsidraw jekk aħniex qegħdin nindaħlu fejn ma jesagħniex. Imbagħad, ukoll, għandna nikkunsidraw jekk hijiex xi ħaġa xierqa għall-anzjani biex jittrattaw magħha u jekk huwiex id-dover tagħna li mmorru għand l-anzjani. Ilkoll għandna jkollna ammont kbir t’għira għall-kawża tal-Mulej u għax-xogħol tal-Mulej, imma noqogħdu attenti ħafna li m’hijiex ix-xorta bl-imrar . . . fi kliem ieħor, għandna nkunu żguri ħafna li m’hijiex għira kontra ħaddieħor, imma għira favur ħaddieħor, favur l-interessi u l-aħjar ġid tiegħu.”—1 Pietru 4:15.
17. Kif nistgħu nevitaw atti midinbin t’għira?
17 Kif nistgħu aħna bħala Kristjani nevitaw il-kburija, l-għira, u l-invidja? Is-soluzzjoni tinsab f’li nħallu l-ispirtu qaddis t’Alla jfur fil-ħajjiet tagħna. Per eżempju, għandna bżonn nitolbu għall-ispirtu t’Alla u għall-għajnuna f’li nuru l-frott tajjeb tiegħu. (Luqa 11:13) Jeħtiġilna nattendu għal-laqgħat Kristjani, li jinbdew bit-talb u għandhom l-ispirtu u l-barka t’Alla fuqhom. Barra minn hekk, għandna bżonn nistudjaw il-Bibbja, li kienet ispirata minn Alla. (2 Timotju 3:16) U jeħtiġilna nieħdu sehem fix-xogħol taʼ ppridkar tas-Saltna li qiegħed isir bil-qawwa taʼ l-ispirtu qaddis taʼ Jehovah. (Atti 1:8) Li ngħinu lil Kristjani sħabna li ġew mgħaffġin minn xi esperjenza qarsa huwa mod ieħor kif nissottomettu ruħna għall-influwenza tajba taʼ l-ispirtu t’Alla. (Isaija 57:15; 1 Ġwann 3:15-17) Li b’mod żeluż inwettqu dawn l-obbligi Kristjani kollha se jgħin biex jipproteġina minn prattiċi midinbin t’għira, għax il-Kelma t’Alla tistqarr: “Imxu fl-ispirtu u [ma] taqgħux għall-passjonijiet tal-ġisem.”—Galatin 5:16.
18. Għala mhux se jkollna nissieltu għal dejjem kontra sentimenti t’għira m’humiex xierqa?
18 L-imħabba hija l-ewwel fil-lista fost il-frott taʼ l-ispirtu qaddis t’Alla. (Galatin 5:22, 23) Li neżerċitaw l-imħabba se jgħinna nikkontrollaw tendenzi midinbin issa. Imma xi ngħidu dwar il-futur? Miljuni taʼ qaddejja taʼ Jehovah għandhom it-tama taʼ ħajja fil-Ġenna taʼ l-art li ġejja, fejn ikunu jistgħu jħarsu ’l quddiem lejn li jintrefgħu għall-perfezzjoni umana. F’dik id-dinja ġdida, l-imħabba se tiddomina u ħadd m’hu se jċedi għal sentimenti t’għira m’humiex xierqa, għax “il-ħlejjaq huma wkoll għad ikunu meħlusin mill-jasar tat-taħsir u jiksbu l-ħelsien tal-glorja taʼ wlied Alla.”—Rumani 8:21. (w95 9/15)
Punti Għal Meditazzjoni
◻ Pawlu liema tixbieha uża biex jgħin ħalli tintrebaħ l-għira?
◻ L-għira kif tistaʼ tkisser il-paċi taʼ kongregazzjoni?
◻ Il-ġenituri kif jistgħu jħarrġu lil uliedhom biex ikampaw maʼ l-għira?
◻ Kif nistgħu nevitaw atti midinbin t’għira?
[Stampa f’paġna 16]
Tħallix l-għira tkisser il-paċi tal-kongregazzjoni
[Stampa f’paġna 17]
Il-ġenituri jistgħu jħarrġu lil uliedhom biex ikampaw maʼ sentimenti t’għira