Għala r-Reliġjon Dinjija Se Tintemm
“Oħorġu minnha, popli tiegħi, biex ma jkollkomx x’taqsmu magħha fi dnubietha, u biex mill-kastigi tagħha ma tiħdux sehem.”—APOKALISSI 18:4.
1. (a) Babilonja l-Kbira b’liema mod waqgħet? (b) Din il-ġrajja kif effettwat lix-Xhieda taʼ Jehovah?
‘BABEL IL-KBIRA waqgħet!’ Iva, mill-ħarsa taʼ Jehovah l-imperu dinji taʼ reliġjon falza waqaʼ. Dan ilu li seħħ mill-1919 ’l hawn, meta l-fdal t’aħwa taʼ Kristu ħarġu minn taħt l-influwenza tal-Kristjaneżmu, parti dominanti taʼ Babilonja l-mistika. Bħala riżultat, saru liberi biex jiddenunzjaw lir-reliġjon falza u biex jannunzjaw il-ħakma taʼ tjieba t’Alla permezz tas-Saltna Messjanika. Matul dan is-seklu x-Xhieda leali taʼ Jehovah kixfu t-taħlita taʼ reliġjonijiet bħal pupazzi taʼ Satana, li huwa mmanipula biex iqarraq bid-“dinja kollha.”—Apokalissi 12:9; 14:8; 18:2.
Kif Waqgħet Babilonja L-Kbira?
2. X’inhu l-istat preżenti tar-reliġjonijiet tad-dinja?
2 Madankollu, xi ħadd għandu mnejn jistaqsi, ‘Kif tistaʼ tgħid li Babilonja waqgħet, meta r-reliġjon tidher li qiegħda tiffjorixxi f’tant u tant pajjiżi?’ Il-Kattoliċiżmu u l-Islam isostnu li għandhom ’il fuq minn biljun kredent kull wieħed. Il-Protestantiżmu għadu prosperuż fl-Amerka taʼ Fuq u t’Isfel, fejn knejjes u kappelli ġodda jinbtu kontinwament. Mijiet taʼ miljuni jsegwu r-ritwali tal-Buddiżmu u l-Induiżmu. Madankollu, din ir-reliġjon kollha sa liema punt teżerċita influwenza pożittiva fuq il-kondotta taʼ dawn il-biljuni? Ippreveniet din lil Kattoliċi u Protestanti milli joqtlu lil xulxin fl-Irlanda taʼ Fuq? Ġabet din paċi vera lil Lhud u Musulmani fil-Lvant Nofsani? Wasslet din għal armonija bejn il-Ħindu u l-Musulmani fl-Indja? U, iktar riċenti, ippreveniet din lil Ortodossi Serbi, Kattoliċi Kroati, u Musulmani Bożnijaċi milli jikkommettu “tindif etniku,” serq, stupru, u tbiċċir kontra xulxin? Ir-reliġjon taʼ spiss hija biss tikketta, kisja rqiqa daqs qoxra taʼ bajda li tinkiser maʼ l-iċken għafsa.—Galatin 5:19-21; qabbel Ġakbu 2:10, 11.
3. Ir-reliġjon għala hija taħt ġudizzju quddiem Alla?
3 Mill-ħarsa t’Alla, l-appoġġ reliġjuż mill-mases taʼ nies ma jbiddilx fatt wieħed li ma tistax taħarbu—ir-reliġjon kollha hija taħt ġudizzju quddiem Alla. Babilonja l-Kbira, bħalma huwa evidenti mill-istorja tagħha, jistħoqqilha li jingħata ġudizzju kontriha minħabba li “dnubietha saru ħemel għoli sas-sema, u Alla ftakar fl-egħmejjel ħżiena tagħha.” (Apokalissi 18:5) B’lingwaġġ profetika Ħosegħa kiteb: “Ladarba huma jiżirgħu r-riħ, għad jaħsdu r-riefnu.” Ir-reliġjonijiet foloz kollha taʼ Satana mad-dinja kollha se jħallsu l-prezz aħħari talli ċaħdu lil Alla, lill-imħabba tiegħu, lill-isem tiegħu, u lil Ibnu.—Ħosegħa 8:7; Galatin 6:7; 1 Ġwann 2:22, 23.
Ikollok Tagħżel
4, 5. (a) F’liema kundizzjonijiet qegħdin ngħixu llum? (b) Liema mistoqsijiet ikollna nwieġbu?
4 Qegħdin ngħixu fil-parti finali taʼ “l-aħħar jiem,” u bħala Kristjani veri qegħdin nissieltu biex nibqgħu ħajjin f’dawn “iż-żminijiet kritiċi li iebes biex issib tarfhom.” (2 Timotju 3:1-5, New World Translation) Kristjani veri huma residenti temporanji fid-dinja taʼ Satana, li verament tirrifletti l-personalità korrotta tiegħu bħala qattiel, giddieb, u kalunnjatur. (Ġwann 8:44; 1 Pietru 2:11, 12; Apokalissi 12:10) Ninsabu mdawrin bi vjolenza, qerq, frodi, korruzzjoni, u immoralità grassa. Il-prinċipji ġew injorati. Il-ġiri wara l-pjaċiri u wara dak li jaqbillek saru komuni. U f’ħafna każi l-membri tal-kleru jiskużaw il-korruzzjoni morali billi jdgħajfu l-kundanna ċara tal-Bibbja dwar l-omosesswalità, il-fornikazzjoni, u l-adulterju. B’hekk il-mistoqsija hija, ‘Tappoġġja int u tiskuża l-qima falza, jew tipparteċipa b’mod attiv fil-qima pura?’—Levitiku 18:22; 20:13; Rumani 1:26, 27; 1 Korintin 6:9-11.
5 Issa huwa żmien għal tnaqqigħ. Għalhekk, hemm bil-wisq iżjed raġuni biex wieħed jiddistingwi bejn qima falza u dik vera. X’għamlu iżjed ir-reliġjonijiet tal-Kristjaneżmu li jagħmilhom tant ħatjin?—Malakija 3:18; Ġwann 4:23, 24.
Ir-Reliġjon Falza Mixlija
6. Il-Kristjaneżmu kif ċaħad lis-Saltna t’Alla?
6 Għalkemm miljuni fil-Kristjaneżmu jużaw regolarment it-Talba tal-Mulej, li fiha jitolbu biex tiġi s-Saltna t’Alla, huma appoġġjaw b’mod akkanit kull għamla t’espressjoni politika, u b’hekk eskludew lil dik il-ħakma teokratika. Sekli ilu “prinċpijiet” tal-Knisja Kattolika, bħalma huma l-Kardinali Richelieu, Mazarin, u Wolsey, aġixxew ukoll bħala statisti sekulari, ministri taʼ gvern.
7. Ix-Xhieda taʼ Jehovah kif esponew lill-kleru tal-Kristjaneżmu ’l fuq minn 50 sena ilu?
7 Iktar minn 50 sena ilu, fil-ktejjeb intitolat Religion Reaps the Whirlwind, ix-Xhieda taʼ Jehovah esponew l-involviment tal-Kristjaneżmu fil-politika.a Dak li ntqal dak in-nhar japplika bl-istess forza llum: “Investigazzjoni onesta dwar il-kondotta tal-kleru reliġjuż tad-denominazzjonijiet kollha se tirrivela li l-mexxejja reliġjużi tal-‘Kristjaneżmu’ kollu qegħdin jipparteċipaw b’interess qawwi fil-politika taʼ ‘din id-dinja preżenti mill-agħar’ u qegħdin ibagħbsu fil-kwistjonijiet dinjin tagħha.” Lura f’dak iż-żmien ix-Xhieda kkritikaw bl-aħrax lill-Papa Piju XII minħabba l-konkordati tiegħu man-Nazist Hitler (1933) u l-Faxxist Franco (1941), kif ukoll minħabba l-bdil taʼ rappreżentanti diplomatiċi tal-papa man-nazzjon aggressiv, il-Ġappun, f’Marzu taʼ l-1942, ftit tax-xhur biss wara l-attakk infami taʼ Pearl Harbor. Il-papa naqas li jagħti kas tat-twissija taʼ Ġakbu: “Nisa adulteri! Ma tafux li l-ħbiberija mad-dinja hija l-għadu taʼ Alla? Min mela jrid isir ħabib tad-dinja huwa għadu taʼ Alla.”—Ġakbu 4:4.
8. Il-Knisja Kattolika Rumana kif inhi involuta fil-politika llum?
8 X’inhi s-sitwazzjoni llum? Il-papat għadu involut fil-politika, kemm permezz tal-kleru tiegħu kif ukoll permezz tar-rappreżentanti lajċi tiegħu. Papiet riċenti wrew l-approvazzjoni tagħhom għall-Ġnus Magħquda billi indirizzaw lil dik l-impostura magħmula mill-bniedem għal paċi dinjija. Ħarġa riċenti taʼ L’Osservatore Romano, il-gazzetta uffiċċjali tal-Vatikan, annunzjat li sebaʼ diplomatiċi ġodda, “ambaxxaturi tas-Santa Sede,” ippreżentaw il-kredenzjali tagħhom lill-Papa. Nistgħu aħna nimmaġinaw lil Ġesù u lil Pietru involuti fi bdil diplomatiku bħal dan? Ġesù rrifjuta li jintgħamel sultan mil-Lhud u qal li s-Saltna tiegħu ma kenitx taʼ din id-dinja.—Ġwann 6:15; 18:36.
9. Għala nistgħu ngħidu li r-reliġjonijiet Protestanti m’humiex aħjar mill-Kattoliċi pariġġhom?
9 Huma l-mexxejja Protestanti aħjar mill-Kattoliċi pariġġhom? Fl-Istati Uniti, ħafna reliġjonijiet Protestanti konservattivi, kif ukoll il-Mormoni, huma identifikati maʼ xi orjentazzjoni politika. Il-Koalizzjoni Kristjana hija involuta fil-fond fil-politika taʼ l-Istati Uniti. Membri oħrajn tal-kleru Protestant jidentifikaw m’opinjoni politika differenti. Xi drabi jintesa li fl-Istati Uniti, kelliema politiċi bħalma huma Pat Robertson u Jesse Jackson huma jew kienu wkoll “Reverendi,” bħalma huwa wkoll il-membru Parlamentari Ingliż Ian Paisley taʼ l-Irlanda taʼ Fuq. Kif qatt jistgħu jiġġustifikaw il-pożizzjonijiet tagħhom?—Atti 10:34, 35; Galatin 2:6.
10. Liema stqarrija ċara saret fl-1944?
10 Bħalma staqsa Religion Reaps the Whirlwind fl-1944, hekk nagħmlu aħna issa: “Tistaʼ kwalunkwe organizzazzjoni li tidħol fi trattati maʼ qawwiet dinjin u b’mod attiv tiddeffes fil-kwistjonijiet politiċi taʼ din id-dinja, billi tfittex vantaġġ u protezzjoni minn din id-dinja . . . tkun il-knisja t’Alla jew tirrappreżenta lil Kristu Ġesù fuq l-art? . . . Bid-dieher, ir-reliġjonisti kollha li għandhom l-istess miri bħas-saltniet taʼ din id-dinja ma jistgħux jirrappreżentaw lis-saltna t’Alla permezz taʼ Kristu Ġesù.”
L-Ispirtu Taʼ Kajjin Tar-Reliġjon Falza
11. Ir-reliġjon falza kif segwiet l-eżempju taʼ Kajjin?
11 Matul l-istorja, ir-reliġjon falza wriet l-ispirtu taʼ Kajjin, li għamel fratriċidju billi qatel lil ħuh Abel. “B’dan jidhru min huma wlied Alla u min huma wlied ix-xitan: għax min ma jagħmilx il-ġustizzja m’huwiex minn Alla, anqas min ma jħobbx lil ħuh. Għax l-aħbar li smajtu sa mill-bidu hija din: li nħobbu lil xulxin. Mhux bħal Kaj[j]in, li kien bin il-ħażin u qatel lil ħuh. U għaliex qatlu? Għax egħmilu kien ħażin u dak taʼ ħuh kien tajjeb.” Intolleranti għall-qima pura u aċċettabbli taʼ ħuh lejn Alla, Kajjin irrikorra għall-vjolenza—l-aħħar arma taʼ dawk li m’għandhomx tweġiba loġika.—1 Ġwann 3:10-12.
12. Liema evidenza hemm dwar il-kompliċità tar-reliġjon fil-gwerer u l-ġlied?
12 Jappoġġjaw il-fatti lil din l-akkuża fuq ir-reliġjon falza? Fil-ktieb Preachers Present Arms, l-awtur qal: “Fl-istorja taċ-ċivilizzazzjonijiet, . . . żewġ forzi kienu minn dejjem magħqudin flimkien f’alleanza bejn tnejn. Dawn huma l-gwerra u r-reliġjon. U, mir-reliġjonijiet il-kbar kollha tad-dinja, . . . l-ebda waħda ma kienet daqstant devota għall-[gwerra] daqs il-[Kristjaneżmu].” Xi ftit tas-snin ilu, il-gazzetta The Sun taʼ Vancouver, il-Kanada, stqarret: “Hija dgħjufija taʼ forsi r-reliġjon organizzata kollha li l-knisja ssegwi l-bandiera . . . Liema gwerra qatt ġiet miġġielda fejn ma ġiex sostnut li Alla kien fuq kull naħa?” Int għandek mnejn rajt il-prova taʼ dan f’xi knisja lokali. Aktarx iva milli le, bnadar nazzjonali jżejnu l-artal. Taħt liema bandiera taħseb li Ġesù kieku kien jimmarċja? Kliemu kien u għadu jidwi matul is-sekli: “Is-saltna tiegħi m’hijiex taʼ din id-dinja”!—Ġwann 18:36.
13. (a) Ir-reliġjon falza kif falliet fl-Afrika? (b) Ġesù liema sinjal ta li jidentifika lill-Kristjanità?
13 Ir-reliġjonijiet tal-Kristjaneżmu m’għallmux lill-merħliet tagħhom il-verità dwar imħabba ġenwina taʼ l-aħwa. Minflok, differenzi nazzjonali, tribali, u etniċi jitħallew jifirdu lill-membri tagħhom. Rapporti jindikaw li membri tal-kleru Kattoliku u Anglikan kienu mdaħħlin fil-firdiet li rriżultaw fil-ġenoċidju tribali fl-Irwanda. The New York Times irrapportat: “Il-massakri fl-Irwanda kkaġunaw lil ħafna Kattoliċi Rumani hemmhekk li jħossuhom traduti mill-ġerarkija tal-knisja. . . . Il-knisja kienet taʼ spiss maqsuma f’direzzjonijiet etniċi, bejn Ħutu u Tutsi.” L-istess gazzetta kkwotat lil qassis taʼ Maryknoll bħala li qal: “Il-knisja falliet b’mod tant miżerabbli fl-Irwanda fl-1994. Ħafna Rwandiżi f’ċertu sens warrbu lill-knisja. M’għadx għandha kredibbiltà.” X’kuntrast għal kliem taʼ Ġesù: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.”—Ġwann 13:35.
14. Liema rekord taʼ kondotta jippreżentaw ir-reliġjonijiet ewlenin mhux Kristjani?
14 Ir-reliġjonijiet ewlenin l-oħrajn taʼ Babilonja l-Kbira ma tawx eżempju aħjar. Il-massakri terribbli tal-1947, meta l-Indja ġiet maqsuma, juru li r-reliġjonijiet ewlenin hemmhekk ma pproduċewx it-tolleranza. Il-vjolenza komunali kontinwa fl-Indja tikkonferma li l-biċċa l-kbira tan-nies ma tbiddlux. Mhux taʼ b’xejn li r-rivista India Today ikkonkludiet: “Ir-reliġjon kienet l-istandard li taħtu l-iktar atti kriminali waħxin ġew kommessi. . . . Din tħalli vjolenza tremenda tisfoga u hija forza distruttiva ħafna.”
“Paradoss Li Jispikka”
15. X’inhu l-istat tar-reliġjon fid-dinja tal-Punent?
15 Saħansitra kummentaturi sekulari nnotaw il-falliment tar-reliġjon f’li tikkonvinċi, li tnaqqax valuri veri, u li tirreżisti l-invażjonijiet tas-sekulariżmu. Fil-ktieb tiegħu Out of Control, Zbigniew Brzezinski, dak li qabel kien kunsillier dwar is-sigurtà nazzjonali fl-Istati Uniti kiteb: “Huwa paradoss li jispikka li l-akbar rebħa għall-proposta li ‘Alla hu mejjet’ seħħet mhux fl-istati ddominati mill-Marksiżmu . . . imma f’soċjetajiet demokratiċi liberali tal-Punent, li rawmu kulturalment apatija morali. F’dawn taʼ l-aħħar, il-fatt hu li r-reliġjon m’għadhiex forza soċjali ewlenija.” Hu ssokta: “Il-qabda tar-reliġjon fuq il-kultura Ewropea naqset ħafna, u l-Ewropa llum—saħansitra iktar mill-Amerka—hija essenzjalment soċjetà sekulari.”
16, 17. (a) Ġesù liema parir ta rigward il-kleru taʼ żmienu? (b) Ġesù liema prinċipju mill-aħjar esprima dwar il-frott?
16 X’qal Ġesù dwar il-kleru Lhudi taʼ żmienu? “Fuq il-kattedra taʼ Mosè qagħdu l-kittieba u l-Fariżej [biex jgħallmu t-Torah, il-Liġi]. Mela kull ma jgħidulkom huma agħmluh u ħarsuh, iżda tagħmlux kif jagħmlu huma, għax huma kliem biss għandhom, imma fatti xejn.” Iva, ipokrezija reliġjuża m’hijiex xi ħaġa ġdida.—Mattew 23:2, 3.
17 Il-frott tar-reliġjon falza jikkundannaha. Ir-regola mogħtija minn Ġesù hija ferm applikabbli: “Kull siġra tajba frott tajjeb tagħmel, imma s-siġra l-ħażina frott ħażin tagħmel. Siġra tajba ma jistax ikollha frott ħażin, anqas siġra ħażina ma jkollha frott tajjeb. Kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tinxteħet fin-nar. Għalhekk mill-frott tagħhom tagħrfuhom.”—Mattew 7:17-20.
18. Il-Kristjaneżmu kif kien imissu żamm lill-membri tiegħu ndaf?
18 Li kieku r-reliġjonijiet tal-Kristjaneżmu kellhom japplikaw koxjenzjożament id-dixxiplina Kristjana taʼ qtugħ mis-sħubija, jew l-iskomunika, għall-atti illegali kollha kommessi minn dawk li jsostnu li huma membri tagħhom, x’kien jiġri? Kieku xjiġri lil dawk kollha li bla ma jindmu huma giddibin, żienja, adulteri, omosesswali, imbroljuni, kriminali, bejjiegħa u dipendenti tad-droga, u membri taʼ kriminalità organizzata? Bla dubju, il-frott imħassar tal-Kristjaneżmu jagħmlu xieraq biss għal qerda minn Alla.—1 Korintin 5:9-13; 2 Ġwann 10, 11.
19. Liema ammissjonijiet saru rigward it-tmexxija reliġjuża?
19 L-assemblea ġenerali għall-Knisja Presbiterjana fl-Istati Uniti ammettiet: “Qegħdin niffaċċjaw kriżi terribbli fil-proporzjonijiet u l-implikazzjonijiet tagħha. . . . Bejn 10 u 23 fil-mija tal-kleru man-nazzjon kollu ħadu sehem f’kondotta sesswalizzata jew kuntatt sesswali maʼ nies tal-parroċċa, klijenti, impjegati, eċċ.” Negozjant mill-Istati Uniti ġabar fil-qosor il-punt tajjeb ħafna: “L-istituzzjonijiet reliġjużi naqsu li jittrażmettu l-valuri storiċi tagħhom, u f’ħafna każi, saru parti mill-problema.”
20, 21. (a) Ġesù u Pawlu kif iddenunzjaw l-ipokrezija? (b) Liema mistoqsijiet jibqgħu biex jitwieġbu?
20 Id-denunzja taʼ Ġesù dwar ipokrezija reliġjuża għadha tgħodd illum daqs kemm kienet fi żmienu: “Uċuh b’oħra, sewwa ħabbar Isaija fuqkom meta qal, ‘Dan il-poplu bix-xofftejn biss jagħtini ġieh, imma qalbhom hija ’l bogħod minni. Fiergħa hija l-qima li jagħtuni; igħallmu dottrina li mhiex għajr preċetti tal-bniedem.’” (Mattew 15:7-9) Il-kliem taʼ Pawlu lil Titus ukoll jiddeskrivi s-sitwazzjoni moderna tagħna: “Jistqarru li jagħarfu lil Alla, biex imbagħad bl-egħmil tagħhom jiċħduh; huma nies taʼ min jistmerrhom, rashom iebsa, u ma jinqalgħu għal xejn tajjeb.”—Titu 1:16.
21 Ġesù qal li jekk raġel għama jiggwida lil raġel għama, it-tnejn jaqgħu fil-ħofra. (Mattew 15:14) Trid int tintemm maʼ Babilonja l-Kbira? Jew trid timxi f’mogħdijiet dritti b’għajnejk miftuħin u tgawdi l-barka taʼ Jehovah? Il-mistoqsijiet li issa jikkonfrontawna huma: Liema reliġjon, jekk hemm, tipproduċi frott taʼ tjieba? Kif nistgħu nidentifikaw il-vera qima aċċettabbli għal Alla?—Salm 119:105. (w96 4/15)
[Nota taʼ taħt]
a Ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc., fl-1944; issa m’għadux jiġi stampat.
Tiftakar Int?
◻ X’inhi l-qagħda preżenti taʼ Babilonja l-Kbira quddiem Alla?
◻ Ir-reliġjon falza fuq liema bażi hija mixlija?
◻ Ir-reliġjon falza kif uriet l-ispirtu taʼ Kajjin?
◻ Ġesù liema prinċipju esprima għall-iġġudikar taʼ kwalunkwe reliġjon?
[Stampa f’paġna 7]
Matul l-istorja mexxejja reliġjużi bagħbsu fil-politika
[Stampi f’paġna 9]
Dawn il-membri tal-kleru kienu wkoll statisti setgħanin
Il-Kardinal Mazarin
Il-Kardinal Richelieu
Il-Kardinal Wolsey
[Sors taʼ l-Istampa]
Il-Kardinal Mazarin u l-Kardinal Richelieu: Mill-ktieb Ridpath’s History of the World (Vol. VI u Vol. V rispettivament). Il-Kardinal Wolsey: Mill-ktieb The History of Protestantism (Vol. I).