Min Huma l-Messaġġiera Veri tal-Paċi?
IX-Xhieda taʼ Jehovah jipproklamaw paċi li se sseħħ biss permezz tas-Saltna t’Alla. Dan il-messaġġ ġie mismugħ f’iktar minn 1,900 Konvenzjoni Distrettwali “Messaġġiera tal-Paċi Divina” li nżammu matul l-1996/97.
F’dawn il-konvenzjonijiet intgħamel ċar li l-ebda gvern uman ma jistaʼ jġib il-paċi u s-sigurtà veri. Għala? Għaliex dan ikun jirrikjedi li jinġiebu fi tmiemhom l-affarijiet li jisirqulna l-paċi taʼ kuljum. Il-paċi vera tfisser li tqum kuljum mingħajr it-theddida taʼ gwerra jew vjolenza. Dan ifisser qatt iżjed kriminalità, qatt iżjed serraturi fil-bibien tagħna, qatt iżjed biżaʼ biex timxi fit-toroq, qatt iżjed familji mifrudin. Liema gvern fuq l-art jistaʼ jwettaq dan kollu? Tabilħaqq, liema gvern fuq l-art jistaʼ biss jazzarda jwiegħed dan?
Il-Gvern t’Alla, madankollu, jistaʼ u se jwettaq dawn l-affarijiet. Il-Bibbja twiegħed: “Din hi l-għamara taʼ Alla mal-bnedmin; u hu jgħammar magħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħu, u Alla nnifsu jkun magħhom, Alla tagħhom. Hu jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ taʼ qabel.” (Apokalissi 21:3, 4) X’serħan se jġib dan lill-umanità li qiegħda tbati!
Il-wegħda t’Alla Jehovah m’hijiex waħda vojta. Il-Bibbja tiżgurana: “Alla m’hux bniedem biex jigdeb; anqas bin Adam biex jibdielu. Forsi jgħid u ma jagħmilx? jitkellem, u ma jżommx kelmtu?” (Numri 23:19) Iva, dak li Alla wiegħed se jseħħ—bħala barka għall-dawk kollha li jieħdu l-waqfa tagħhom fuq in-naħa tiegħu.
Il-Messaġġiera T’Alla Tal-Paċi
Ix-Xhieda taʼ Jehovah huma magħrufin sew għax-xandir żeluż tagħhom dwar is-Saltna t’Alla. Kull sena, huma kollettivament iqattgħu iżjed minn biljun siegħa jaqsmu m’oħrajn il-messaġġ li jqawwi l-qalb li fiha l-Bibbja. Dan huwa bi twettiq tal-kliem taʼ Ġesù: “Dan l-Evanġelju [“aħbar tajba,” New World Translation] tas-Saltna jixxandar fid-dinja kollha, biex il-ġnus kollha jkollhom xhieda. Mbagħad jiġi t-tmiem.” (Mattew 24:14) Il-messaġġ li x-Xhieda jġibu huwa tabilħaqq ‘aħbar tajba,’ għaliex dan jipproklama lis-Saltna tas-sema t’Alla bħala l-unika tama għall-umanità. U x’tama solida għall-futur hija din!
Saħansitra issa s-Saltna t’Alla qiegħda tipproduċi fis-sudditi tagħha rabta ġenwina taʼ paċi u mħabba fraterna. Ġesù qal: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.” (Ġwann 13:35) Ix-Xhieda taʼ Jehovah jistinkaw biex jilħqu din il-ħtieġa bażika tal-Kristjanità vera. Bħala riżultat, din tagħhom hija fratellanza meraviljuża li tgħaqqad Lhud u Għarab, Kroati u Serbi, Ħutu u Tutsi. Din il-paċi li l-maġġoranza tal-bnedmin jistgħu biss joħolmu dwarha qiegħda issa fil-pussess taʼ miljuni taʼ Xhieda taʼ Jehovah madwar id-dinja.
Inkuraġġiment biex ikomplu jgħixu fi qbil mal-prinċipji tal-Bibbja u biex jibqgħu jxandru l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla ġie enfasizzat waqt il-programm tal-Konvenzjoni Distrettwali “Messaġġiera Tal-Paċi Divina.”