LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 1/15 pp. 29-31
  • Filemon u Oneżimu—Magħqudin fi Fratellanza Kristjana

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Filemon u Oneżimu—Magħqudin fi Fratellanza Kristjana
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Maħrub f’Ruma
  • Pawlu Jagħti Daqqa t’Id
  • Oneżimu​—Raġel Mibdul
  • Pawlu f’Ruma
    Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja
  • Punti Prinċipali mill-Ittri lil Titu, lil Filemon, u lill-Ebrej
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Punti minn Filemon
    Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 1/15 pp. 29-31

Filemon u Oneżimu—Magħqudin fi Fratellanza Kristjana

WAĦDA mill-​ittri taʼ l-​appostlu Pawlu mnebbħin b’mod divin tittratta dwar problema delikata li tinvolvi żewġt irġiel. Wieħed minnhom kien Filemon, u l-​ieħor Oneżimu. Min kienu dawn l-​irġiel? X’kien li ġagħal lil Pawlu jinteressa ruħu fis-​sitwazzjoni tagħhom?

Filemon, il-​wieħed li rċieva l-​ittra, kien jgħix f’Kolossi fl-​Asja Minuri. Kuntrarju għal ħafna Kristjani oħrajn fl-​istess inħawi, Filemon kien midħla taʼ Pawlu, billi kien ħaddan l-​aħbar tajba minħabba l-​attività taʼ pridkar taʼ l-​appostlu. (Kolossin 1:1; 2:1) Pawlu kien jafu bħala ‘sieħeb għażiż fix-​xogħol.’ Filemon kien eżempju taʼ fidi u mħabba. Kien ospitabbli u kien sors taʼ rifreskar għall-​Kristjani sħabu. Filemon b’mod evidenti kien ukoll raġel sinjur, ladarba daru kienet kbira biżżejjed biex takkomoda laqgħat tal-​kongregazzjoni lokali. Ġie ssuġġerit li Appja u Arkippu, żewġ individwi oħrajn indirizzati fl-​ittra taʼ Pawlu, għandhom mnejn kienu martu u ibnu. Filemon kellu wkoll minn taʼ l-​inqas irsir wieħed, lil Oneżimu.—Filemon 1, 2, 5, 7, 19b, 22.

Maħrub f’Ruma

L-​Iskrittura ma tgħidilniex għala Oneżimu kien iktar minn 900 mil ’il bogħod mid-​dar maʼ Pawlu f’Ruma, fejn l-​ittra lil Filemon inkitbet madwar is-​sena 61 E.K. Imma Pawlu qal lil Filemon: “Jekk [Oneżimu] naqsek f’xi ħaġa jew jekk għandu jagħtik, ixħet kollox fuqi.” (Filemon 18) Dan il-​kliem jagħmilha ċara li Oneżimu kellu l-​inkwiet maʼ sidu, Filemon. L-​ittra taʼ Pawlu nkitbet bil-​mira li jirrikonċilja liż-​żewġt irġiel.

Ġie ssuġġerit li Oneżimu sar wieħed maħrub wara li seraq mingħand Filemon sabiex jiffinanzja l-​ħarba tiegħu lejn Ruma. Hemmhekk kellu l-​ħsieb li jintilef qalb il-​mases iffollati.a Fid-​dinja Greko-Rumana, uħud li jaħarbu kienu taʼ problema kbira mhux biss għas-​sidien taʼ l-​irsiera imma wkoll għall-​amministrazzjoni pubblika. Jintqal li Ruma nfisha kienet “magħrufa ħafna bħala refuġju ġenerali” għal irsiera maħrubin.

Pawlu kif iltaqaʼ maʼ Oneżimu? Il-​Bibbja ma tgħidilniex. Meta tmermret in-​novità tal-​libertà, madankollu, x’aktarx li Oneżimu rrealizza li hu kien poġġa lilu nnifsu f’sitwazzjoni estremament prekarja. Fil-​belt taʼ Ruma, korp speċjali tal-​pulizija kien jikkaċċja lil irsiera maħrubin, li l-​offiża tagħhom kienet waħda mill-​iktar serji magħrufin għal-​liġi antika. Skond Gerhard Friedrich, “irsiera maħrubin li kienu jinqabdu kienu jiġu mmarkati fuq ġbinhom b’ħadida tikwi. Spiss kienu jiġu ttorturati . . . , mitfugħin lill-​annimali fiċ-​ċirku, jew imsallbin ħalli jipperswadu lil irsiera oħrajn biex ma jimitawx l-​eżempju tagħhom.” Friedrich jissuġġerixxi li x’aktarx, wara li spiċċawlu l-​flus li seraq u għalxejn fittex post fejn jistaħba jew impjieg, Oneżimu talab għall-​protezzjoni u l-​medjazzjoni taʼ Pawlu, li dwaru kien semaʼ fid-​dar taʼ Filemon.

Oħrajn jemmnu li Oneżimu apposta ġera lejn wieħed mill-​ħbieb taʼ sidu, billi ttama li permezz taʼ l-​influwenza taʼ dak il-​wieħed, hu setaʼ jerġaʼ jkollu relazzjonijiet tajbin maʼ sid li kien irrabjat miegħu b’mod ġust għal xi raġuni oħra. Sorsi storiċi jindikaw li dan kien “rikors komuni mifrux maʼ kullimkien taʼ rsiera fl-​inkwiet.” Jekk inhu hekk, allura s-​serq minn Oneżimu kien “iktar probabbli li sar biex jiffaċilita l-​wasla tiegħu quddiem il-​medjatur Pawlu, milli parti minn pjan biex jaħrab,” jgħid l-​istudjuż Brian Rapske.

Pawlu Jagħti Daqqa t’Id

Kienet x’kienet ir-​raġuni għall-​ħarba, Oneżimu evidentement fittex l-​għajnuna taʼ Pawlu biex jitħabbeb mill-​ġdid mas-​sid irrabjat tiegħu. Din ħolqitlu problema lil Pawlu. Hawnhekk kien hawn irsir li qabel ma kienx jemmen u li kien kriminal maħrub. Kellu l-​appostlu jipprova jgħinu billi jġiegħel lil ħabib Kristjan biex ma jeżerċitax id-​dritt legali tiegħu li jagħti kastig aħrax? X’kellu jagħmel Pawlu?

Sa dak in-​nhar li Pawlu kiteb lil Filemon, il-​wieħed maħrub evidentement kien ilu maʼ l-​appostlu għal xi żmien. Kien ilu żmien biżżejjed biex Pawlu jgħid li Oneżimu kien sar ‘ħu għażiż.’ (Kolossin 4:9) “Qiegħed nitolbok bil-​ħerqa għal ibni, li jiena nissilt fil-​ktajjen,” qal Pawlu dwar ir-​relazzjoni spiritwali tiegħu stess maʼ Oneżimu. Mir-​riżultati possibbli kollha, dan bil-​fors li kien dak li Filemon stenna l-​inqas. L-​appostlu qal li l-​irsir li qabel ma kien ‘jiswa għal xejn’ kien qiegħed jirritorna bħala ħu Kristjan. Oneżimu issa kien se jkun ‘utli,’ jew ‘taʼ siwi,’ u b’hekk jgħix fi qbil mat-​tifsira taʼ ismu.—Filemon 1, 10-12.

Oneżimu kien sar siewi ferm għall-​appostlu fil-​ħabs. Fil-​fatt, Pawlu kieku kien iżommu hemmhekk, imma minbarra li jkun kontra l-​liġi, dan kien ikun ksur tad-​drittijiet taʼ Filemon. (Filemon 13, 14) F’ittra oħra, miktuba madwar l-​istess żmien lill-​kongregazzjoni li kienet tiltaqaʼ fid-​dar taʼ Filemon, Pawlu rrefera għal Oneżimu bħala “ħija l-​għażiż u fidil, u wieħed minnkom ukoll.” Dan jindika li Oneżimu kien diġà ta prova taʼ kemm kien taʼ min jafdah.—Kolossin 4:7-9.b

Pawlu inkuraġġixxa lil Filemon biex jilqaʼ b’qalb tajba lil Oneżimu imma m’użax l-​awtorità appostolika biex jikkmandah jagħmel hekk jew biex jeħles lill-​irsir tiegħu. Minħabba l-​ħbiberija u l-​imħabba reċiproka tagħhom, Pawlu kien ċert li Filemon kien saħansitra ‘se jagħmel iktar’ milli kien mitlub minnu. (Filemon 21) X’setaʼ kien ifisser li ‘jagħmel iktar’ ma nafux eżatt għaliex Filemon biss setaʼ bi dritt jiddeċiedi x’kellu jagħmel dwar Oneżimu. Xi wħud interpretaw il-​kliem taʼ Pawlu bħala talba mhix imlissna biex il-​maħrub ‘jintbagħat lura sabiex ikun jistaʼ jkompli jgħin lil Pawlu bħalma diġà kien beda jagħmel.’

Aċċettahom Filemon it-​talbiet bil-​ħniena taʼ Pawlu għal Oneżimu? Jidher li m’hemm ebda dubju li hekk għamel, għalkemm dan għandu mnejn m’għoġobx lil sidien Kolossin oħrajn taʼ l-​irsiera li forsi kienu jippreferu jaraw li Oneżimu jieħu kastig eżemplari biex jipperswadu lill-​irsiera tagħhom stess milli jimitaw l-​eżempju tiegħu.

Oneżimu​—Raġel Mibdul

Kien x’kien il-​każ, Oneżimu rritorna lejn Kolossi b’personalità ġdida. Billi l-​mod taʼ ħsieb tiegħu ġie ttrasformat permezz tal-​qawwa taʼ l-​aħbar tajba, hu bla dubju sar membru leali tal-​kongregazzjoni Kristjana f’dik il-​belt. Jekk Oneżimu ġiex eventwalment emanċipat minn Filemon m’huwiex irrivelat fl-​Iskrittura. Minn lat spiritwali, madankollu, dak li qabel kien wieħed maħrub issa kien sar bniedem liberu. (Qabbel 1 Korintin 7:22.) Illum iseħħu trasformazzjonijiet simili. Meta n-​nies japplikaw il-​prinċipji tal-​Bibbja fil-​ħajja tagħhom, sitwazzjonijiet u personalitajiet jinbidlu. Dawk li qabel kienu kkunsidrati li ma jiswew għal xejn għas-​soċjetà jiġu megħjunin biex isiru ċittadini mudell.c

X’differenza għamlet il-​konverżjoni għall-​fidi vera! Fil-​waqt li Oneżimu taʼ qabel forsi ma kien ‘jiswa għal xejn’ għal Filemon, Oneżimu l-​ġdid bla dubju għex fi qbil maʼ ismu bħala individwu ‘utli.’ U żgur li kienet barka li Filemon u Oneżimu saru magħqudin fi fratellanza Kristjana.

[Noti taʼ taħt]

a Il-liġi Rumana ddefiniet lil servus fugitivus (irsir maħrub) bħala ‘wieħed li telaq lil sidu, bil-​ħsieb li ma jirritornax.’

b F’dan il-​vjaġġ lura lejn Kolossi, mid-​dehra Oneżimu u Tikiku kienu fdati bi tlieta mill-​ittri taʼ Pawlu, li issa huma inklużi fil-​kanoni tal-​Bibbja. Barra din l-​ittra lil Filemon, dawn kienu l-​ittri taʼ Pawlu lill-​Efesin u lill-​Kolossin.

c Għal xi eżempji, jekk jogħġbok ara l-​Awake!, 22 taʼ Ġunju, 1996, paġni 18-23; 8 taʼ Marzu, 1997, paġni 11-13; The Watchtower, 1 t’Awissu, 1989, paġni 30-1; 15 taʼ Frar, 1997, paġni 21-4.

[Kaxxa f’paġna 30]

L-​Irsiera Taħt il-​Liġi Rumana

Taħt il-​leġislazzjoni Rumana prevalenti fl-​ewwel seklu E.K., irsir kien għalkollox taħt idejn il-​kapriċċi, il-​kilba għaż-​żína, u t-​tempra taʼ sidu. Skond il-​kummentatur Gerhard Friedrich, “fundamentalment u ġuridikament, l-​irsir ma kienx persuna, imma oġġett li sidu setaʼ jużah kif irid. . . . [Hu] tpoġġa fuq l-​istess livell taʼ l-​annimali domestiċi u l-​għodod u ma kien affordjat ebda konsiderazzjoni mil-​liġi ċivili.” Irsir ma setaʼ jitlob ebda kumpens legali għall-​inġustizzji li kien isofri. Bażikament, hu sempliċement kellu jwettaq l-​ordnijiet taʼ sidu. Ma kien hemm ebda limitu għall-​kastigi li sid irrabjat setaʼ jimponi. Saħansitra għal offiża żgħira, is-​sid kellu f’idejh il-​poter taʼ ħajja u mewt.*

Waqt li s-​sinjuri setaʼ kellhom diversi mijiet taʼ rsiera, saħansitra dar komparattivament modesta setgħet kienet tinkludi tnejn jew tlieta. “Ix-​xogħol imwettaq minn irsiera domestiċi kien ivarja estremament,” qal l-​istudjuż John Barclay. “Insibu rsiera bħala purtinari, koki, wejters, fattigi, kurrieri, li jieħdu ħsieb it-​tfal, imreddgħiet u qaddejja persunali għal kulma jistaʼ jinqalaʼ, biex ma nsemmux id-​diversi professjonisti li wieħed setaʼ jsib fid-​djar akbar u iktar sinjuri. . . . F’termini prattiċi, il-​kwalità tal-​ħajja taʼ rsir domestiku kienet tiddependi ferm fuq id-​dispożizzjoni tas-​sid u din setaʼ jkollha riżultat tajjeb jew ħażin: li wieħed ikun taħt sid krudil setaʼ jirriżulta f’li jsofri għadd bla limitu t’affarijiet ħżiena, imma sid qalbu tajba u ġeneruż setaʼ jagħmel il-​ħajja kemm tollerabbli u kemm mimlija tama. Hemm eżempji famużi taʼ trattament krudil iddokumentati fil-​letteratura klassika, imma wkoll għadd kbir taʼ skrizzjonijiet li jixhdu favur sentimenti kordjali bejn xi sidien u l-​irsiera tagħhom.”

*Dwar skjavitù fost il-​poplu t’Alla tal-​qedem, ara Insight on the Scriptures, ippubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc., it-​2 Volum, paġni 977-9.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja