LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 4/1 pp. 6-8
  • Il-Familja—Bżonn Uman!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Familja—Bżonn Uman!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Id-​Dar Hija l-​Post taʼ Refuġju
  • Kif Tgħin lill-​Familja Tiegħek Tibqaʼ Teżisti
  • Ħarsa Xierqa Lejn il-​Flus
  • Il-​Valur tat-​Tagħlim Bibliku
  • Hemm Xi Sigriet għall-Hena fil-Familja?
    Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
  • Il-Familja Kristjana Tagħmel l-Affarijiet Flimkien
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Studjaw Regolarment il-Kelma t’Alla Bħala Familja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Gawdi l-Ħajja tal-Familja
    Gawdi l-Ħajja tal-Familja
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 4/1 pp. 6-8

Il-​Familja—Bżonn Uman!

JINTQAL li s-​soċjetà umana tmur tajjeb biss jekk il-​familji jmorru tajjeb. L-​istorja turi li meta l-​arranġament tal-​familja jibda jiġi fix-​xejn, is-​saħħa tal-​komunitajiet u n-​nazzjonijiet tiddgħajjef. Meta t-​taħsir fil-​morali qered lill-​familji fil-​Greċja tal-​qedem, iċ-​ċiviltà tagħha ddiżintegrat, u b’hekk kienet iktar fil-​periklu li tintrebaħ mir-​Rumani. L-​imperu Ruman baqaʼ sod sakemm baqgħu sodi l-​familji. Imma mal-​medda tas-​sekli, il-​ħajja tal-​familja ddgħajfet, u l-​qawwa taʼ l-​imperu majnat. “Is-​sigurtà u l-​istatus għoli tal-​familja u tal-​ħajja tal-​familja huma l-​affarijiet primarji taċ-​ċiviltà, u l-​objettivi aħħarin taʼ kull industrija,” ikkummenta Charles W. Eliot, ex-president taʼ l-​Università taʼ Harvard.

Iva, il-​familja hija bżonn uman. Din għandha effett dirett fuq l-​istabbiltà tas-​soċjetà u fuq il-​benesseri tat-​tfal u taʼ ġenerazzjonijiet futuri. M’għandniex xi ngħidu, jeżistu ħafna u ħafna ommijiet li jaħdmu iebes biex waħedhom irabbu tfal mill-​aħjar, u dawn jistħoqqilhom kull tifħir għall-​bżulija tagħhom. Madankollu, l-​istħarriġ juri li t-​tfal ġeneralment imorru aħjar jekk dawn jgħixu ġewwa familja b’żewġ ġenituri.

Studju Awstraljan li sar fuq iktar minn 2,100 adolexxent wera li “adolexxenti li ġejjin minn familji maqsumin kellhom iktar problemi taʼ saħħa inġenerali, kellhom iktar it-​tendenza li juru sinjali taʼ problemi emozzjonali, u li x’aktarx kienu iktar attivi sesswalment minn tfal li ġejjin minn familji magħqudin.” Studju li sar mill-​U.S. National Institutes of Health Statistics wera li tfal minn familji mkissrin kellhom “20-​30 fil-​mija iktar probabbiltà li jkollhom aċċident, 40-​75 fil-​mija iktar probabbiltà li jirrepetu sena fl-​iskola, u 70 fil-​mija iktar probabbiltà li jitkeċċew mill-​iskola.” U wieħed analista jirrapporta li “tfal minn familji b’ġenitur wieħed x’aktarx li jkunu involuti iktar fil-​kriminalità minn dawk li jitrabbew ġo familji tradizzjonali.”

Id-​Dar Hija l-​Post taʼ Refuġju

L-​arranġament tal-​familja joffri lil kulħadd dar hienja, li tibnik u li titgħaxxaq biha. “L-​iktar sors importanti taʼ l-​hena u l-​benesseri la huwa l-​karriera, la l-​affarijiet, la d-​delizzji, u lanqas il-​ħbieb imma l-​familja,” jistqarr wieħed Svediż t’awtorità.

Il-Bibbja turi li kull familja fuq l-​art taf isimha lill-​Ħallieq Grandjuż tal-​familji, Alla Jehovah, peress li hu istitwixxa l-​arranġament tal-​familja. (Ġenesi 1:27, 28; 2:23, 24; Efesin 3:14, 15) Madankollu, fl-​Iskrittura mnebbħa, l-​appostlu Pawlu bassar li kellu jseħħ attakk aħrax fuq il-​familja, li kellu jirriżulta fil-​kollass tal-​moralità u tas-​soċjetà umana barra l-​kongregazzjoni Kristjana. Hu qal li “[f]l-aħħar tad-​dinja” kellu jkun hemm nuqqas taʼ lealtà, nies “bla qalb,” u li ma jobdux lill-​ġenituri, anki fost dawk “li minn barra jagħmluha taʼ tajbin.” Ġesù bassar li l-​oppożizzjoni lejn il-​verità t’Alla kellha tifred il-​familji.—2 Timotju 3:1-5; Mattew 10:32-37.

Alla, madankollu, ma telaqniex għal riħna. Fil-​Kelma tiegħu nsibu ħafna istruzzjonijiet rigward ir-​relazzjonijiet fil-​familja. Hi tgħidilna kif jistaʼ jkollna suċċess fil-​familja u kif nistgħu nagħmlu d-​dar post pjaċevoli fejn kull membru tal-​familja għandu dover x’iwettaq lejn l-​oħrajn.a—Efesin 5:33; 6:1-4.

Huwa possibbli li jkollok relazzjoni hienja bħal din f’dan iż-​żmien meta l-​familja tinsab mhedda bl-​ikrah? Iva, tabilħaqq! Int jistaʼ jirnexxilek tagħmel lill-​familja tiegħek oasi li titgħaxxaq bih u li jedifikak fost dinja ħarxa li hi bħal deżert. Imma dan jitlob xi ħaġa min-għand kulħadd fiċ-​ċirku tal-​familja. Dawn li ġejjin huma xi suġġerimenti.

Kif Tgħin lill-​Familja Tiegħek Tibqaʼ Teżisti

Wieħed mill-​aħjar modi kif familja tistaʼ tibqaʼ magħquda huwa billi l-​membri jqattgħu ħin flimkien. Il-​membri kollha għandhom ikunu lesti li jqattgħu l-​ħin liberu tagħhom flimkien. Dan għandu mnejn ifisser xi sagrifiċċji. Intom l-​adolexxenti, per eżempju, forsi jkollhom tissagrifikaw xi programm favorit fuq it-​TV, xi avveniment sportiv, jew xi ħarġa mal-​ħbieb. Intom il-​missirijiet, li ġeneralment taqilgħu l-​għajxien tal-​familja, tużawx biss il-​ħin tal-​mistrieħ tagħkom għal xi delizzju jew xi interessi persunali oħrajn. Ippjanaw attivitajiet mal-​familja, forsi kif se tqattgħu flimkien tmiem il-​ġimgħa jew xi btala. M’għandniex xi ngħidu, ħejju xi ħaġa li kulħadd se jħares ’il quddiem lejha u jieħu pjaċir jagħmilha.

It-tfal jeħtieġu iktar mill-​hekk imsejjaħ ħin taʼ kwalità, jiġifieri, li twarrab nofs siegħa jew xi ħaġa hekk biex tqattagħha mat-​tfal kull tant żmien. Huma jeħtieġu l-​kwantità. Kittieb f’gazzetta Svediża kiteb: “Matul il-​15-il sena li ili naħdem bħala reporter, iltqajt m’għadd kbir taʼ delinkwenti żgħażagħ . . . Xi ħaġa komuni fosthom hi li dawn donnhom gawdew ħin taʼ kwalità fit-​trobbija tagħhom: ‘Il-​ġenituri tiegħi ma kellhomx ħin.’ ‘Qatt ma taw kasi.’ ‘Hu kien dejjem isiefer.’ . . . Bħala ġenitur, int tistaʼ dejjem tagħżel kemm se tagħti ħin lit-​tifel jew lit-​tifla tiegħek. L-​għażla tiegħek tiġi ġġudikata 15-il sena wara minn tifel jew tifla bla qalb taʼ 15-il sena.”

Ħarsa Xierqa Lejn il-​Flus

Il-​membri kollha għandhom ukoll jiżviluppaw ħarsa xierqa lejn il-​flus. Kulħadd għandu jkun lest li joħroġ minn butu dak li jistaʼ sabiex jitħallsu l-​ispejjeż komuni tal-​familja. Ħafna nisa jkollhom joħorġu jaħdmu biex ilaħħqu mal-​ħajja, imma intom in-​nisa miżżewġin għandkom tkunu konxji tal-​perikli u tat-​tentazzjonijiet li tistgħu tiltaqgħu magħhom. Din id-​dinja tħeġġiġkom biex “tiżviluppaw bis-​sħiħ il-​potenzjal” tagħkom u biex “tagħmlu dak li tridu.” Dan jistaʼ jġagħalkom issiru indipendenti u mhux sodisfatti bl-​irwol li takom Alla taʼ li tkunu ommijiet u li timmaniġġaw il-​familja.—Titu 2:4, 5.

Jekk intom l-​ommijiet tistgħu toqogħdu d-​dar u tkunu taʼ gwida u ħbieb għal uliedkom, żgur se tikkontribwixxu ħafna lejn li tibnu rabtiet sodi li se jgħinu lill-​familja tagħkom tibqaʼ magħquda minkejja l-​burraxki. Mara tistaʼ tagħmel ħafna biex lid-​dar tagħmilha post hieni, protett, u li jiffunzjona. “Jeħtieġ mitt raġel biex jiġi fformat kamp, imma mara waħda tistaʼ tifforma dar,” qal politikant tas-​seklu 19.

Jekk kulħadd fil-​familja jikkoopera biex jgħix skond ma jwassal il-​but, il-​familja se tiskansa ħafna problemi. Il-​koppji għandhom jiftiehmu li jżommu l-​ħajja sempliċi u li jpoġġu l-​interessi spiritwali l-​ewwel. It-​tfal iridu jitgħallmu jkunu kuntenti b’dak li għandhom, u mhux jitolbu affarijiet li l-​but tal-​familja m’huwiex kapaċi jlaħħaq magħhom. Oqogħdu għassa għax-​xewqat taʼ l-​għajnejn! It-​tentazzjoni li tixtri affarijiet li ma tistax taffordjahom, u b’hekk tidħol fid-​dejn, wasslet lil ħafna familji f’rovina. Jistaʼ jkun taʼ ġid għall-​għaqda fil-​familja jekk kulħadd jagħti sehmu għal xi intrapriża bi sħab​—xi vjaġġ edifikanti, xi apparat utli u li jistaʼ jitgawda fid-​dar, jew xi kontribuzzjoni biex tiġi appoġġjata l-​kongregazzjoni Kristjana.

Għamla oħra taʼ “kontribut” sabiex ikun hemm spirtu tal-​familja hieni u li għalih trid tagħti sehemha l-​familja kollha huwa x-​xogħol tat-​tindif u l-​manutenzjoni​—xi xogħol meħtieġ fid-​dar, fil-​ġnien, fil-​karozza, u f’affarijiet oħrajn. Kull membru tal-​familja, saħansitra ż-​żgħar, jistgħu jingħataw parti minn xi biċċa xogħol. Intom it-​tfal, ipprovaw taħlux il-​ħin tagħkom. Minflok, iżviluppaw spirtu taʼ li tkunu lesti biex tgħinu u tikkooperaw; dan se jirriżulta fi ħbiberija u sħubija ġenwini, li min-​naħa tagħhom iġibu l-​unità fil-​familja.

Il-​Valur tat-​Tagħlim Bibliku

F’familja Kristjana magħquda, hija wkoll enfasizzata l-​importanza taʼ studju tal-​Bibbja regulari. Diskussjoni taʼ kuljum taʼ testi Bibliċi u studju taʼ kull ġimgħa taʼ l-​Iskrittura Mqaddsa jipprovdu bażi għal familja magħquda. Il-​veritajiet u l-​prinċipji bażiċi tal-​Bibbja għandhom jiġu diskussi flimkien b’tali mod li jqanqlu l-​qlub taʼ dawk kollha fil-​familja.

Il-ħin li l-​familja tqattaʼ f’affarijiet bħal dawn għandu jkun edukattiv imma fl-​istess ħin pjaċevoli u inkuraġġanti. Familja min-​naħa taʼ fuq taʼ l-​Isvezja kienu jgħidu lit-​tfal tagħhom jiktbu l-​mistoqsijiet li jiġuhom f’moħħhom matul il-​ġimgħa. Imbagħad dawn il-​mistoqsijiet kienu jiġu diskussi waqt l-​istudju tal-​Bibbja taʼ kull ġimgħa. Taʼ spiss il-​mistoqsijiet kienu jidħlu fil-​fond u jqanqlu l-​ħsieb u dawn kienu jkunu riflessjoni taʼ l-​abbiltajiet tal-​ħsieb tat-​tfal u l-​apprezzament tagħhom għat-​tagħlim Bibliku. Xi mistoqsijiet kienu jkunu: “Jehovah qiegħed il-​ħin kollu jkabbar l-​affarijiet kollha, jew għamel hekk darba biss?” “Il-​Bibbja għala tgħid li Alla ħalaq il-​bniedem ‘fuq xbieha tiegħu’ ladarba Alla m’huwiex bniedem?” “Kienu Adam u Eva jiffriżaw matul ix-​xitwa fil-​Ġenna peress li dawn kienu jimxu ħafjin u bla ħwejjeġ?” “Għala neħtieġu l-​qamar bil-​lejl jekk suppost ikun id-​dlam?” It-​tfal issa kibru u qed jaqdu lil Alla bħala ministri full-time.

Meta tittrattaw maʼ problemi tal-​familja, intom il-​ġenituri tagħmlu tajjeb jekk tistinkaw biex tkunu pożittivi u ferriħin. Uru mogħdrija u kunu flessibbli, iżda konsistenti, meta tiġu biex tagħtu kas taʼ prinċipji importanti. Ħallu lit-​tfal jaraw li l-​imħabba lejn Alla u l-​prinċipji tiegħu taʼ tjieba jikkontrollaw dejjem id-​deċiżjonijiet li tagħmlu. L-​ambjent fl-​iskola huwa taʼ spiss mimli b’ansjetà u dipressanti ħafna, u t-​tfal jeħtieġu ħafna inkuraġġiment ġewwa d-​dar sabiex ipattu għal din l-​influwenza.

Ġenituri, tippretendux li intom perfetti. Ammettu li tkunu żbaljajtu u skużaw ruħkom mat-​tfal tagħkom meta jkun hemm bżonn. Tfal, meta ommkom u missierkom jammettu xi żball, oktru f’imħabbitkom lejhom.—Koħèlet 7:16.

Iva, familja magħquda tipprovdi dar taʼ paċi, sigurtà, u hena. Il-​poeta Ġermaniż Goethe darba qal: “Dak li jkun l-​iktar ferħan, kemm jekk sultan u kemm jekk raħli, hu dak li jsib l-​hena ġewwa d-​dar.” Għal dawk il-​ġenituri u t-​tfal li juru apprezzament, m’għandu jkun hemm imkien għalihom bħad-​dar.

Veru, illum il-​familja tinsab mhedda bl-​aħrax mill-​pressjonijiet tad-​dinja li ngħixu fiha. Imma peress li l-​familja ġejja mingħand Alla, din se tibqaʼ teżisti. Il-​familja tiegħek se tibqaʼ teżisti, u int se tibqaʼ wkoll jekk timxi fuq il-​gwidi tajbin t’Alla għal ħajja tal-​familja hienja.

[Nota taʼ taħt]

a  Għal iktar dettalji fuq dan is-​suġġett, ara l-​ktieb taʼ 192 paġna Is-​Sigriet Taʼ L-​Hena Fil-​Familja, ippubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja