LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 7/1 pp. 4-6
  • Għala Xi Wħud Qed Jibdlu r-Reliġjon Tagħhom

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għala Xi Wħud Qed Jibdlu r-Reliġjon Tagħhom
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Tweġibiet għal Mistoqsijiet Diffiċli
  • X’Inhu l-​Iskop tal-​Ħajja?
  • Inkampaw mal-​Problemi tal-​Ħajja
  • Relazzjoni fil-​Qrib m’Alla
  • Ir-​Reliġjon Vera Hija taʼ Siwi!
  • Min hu l-arkanġlu Mikiel?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • Min Hu Mikiel l-​Arkanġlu?
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • Huwa Ġesù l-Arkanġlu Mikiel?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • Sibtha Int ir-Reliġjon it-Tajba?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 7/1 pp. 4-6

Għala Xi Wħud Qed Jibdlu r-​Reliġjon Tagħhom

Għal ħafna, ir-​reliġjon m’hi xejn ħlief tikketta. Għandha mnejn tindika fejn wieħed xi drabi jmur il-​Ħadd, fejn se jiżżewweġ, u fejn se jindifen. Imma ma tgħidx x’tip taʼ bniedem hu jew x’jaf u x’jemmen. Per eżempju, stħarriġ irrivela li 50 fil-​mija taʼ dawk li jistqarru li huma Kristjani ma kinux jafu min ta l-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja. Iva, saħansitra l-​famuż mexxej Indjan Mohandas Gandhi, li kien Ħindu, kien jaf min!

GĦANDU għalfejn jissorprendina li n-​nies iħallu r-​reliġjon meta ħafna minnhom ftit li xejn jafu dwar il-​fidi tagħhom? Le, m’għandux. Madankollu, m’huwiex inevitabbli. Dawk li aċċettaw għajnuna biex jitgħallmu dwar il-​Bibbja taʼ spiss jistagħġbu meta jsibu kemm hi taʼ benefiċċju għalihom. Il-​Bibbja nfisha tgħid: “Jien hu l-​Mulej, Alla tiegħek; jien ngħallmek għall-​ġid tiegħek, u nqabbdek it-​triq fejn għandek timxi.”—Isaija 48:17.

X’għandhom jagħmlu dawk li għandhom ġuħ spiritwali li mhux qed jiġi ssodisfat? M’għandhomx jaqtgħu qalbhom milli jaqdu lil Alla! Pjuttost, għandhom ifittxu fil-​Bibbja u jaraw x’qed jagħmlilhom disponibbli Alla nnifsu.

Tweġibiet għal Mistoqsijiet Diffiċli

Fl-​età taʼ sebaʼ snin, Bernd ra lil ommu tmut.a Matul il-​kumplament taʼ tfulitu, hu kien iberren, ‘Fejn hi ommi? Għala għandi nikber mingħajrha?’ Bħala żagħżugħ, Bernd kien membru attiv tal-​knisja. Ikkonċernat dwar is-​sofferenza taʼ l-​umanità, hu kien jittama li jmur jgħin bħala ħaddiem f’pajjiż li qed jiżviluppa. Xorta waħda, kien inkwetat fuq xi mistoqsijiet li għalihom il-​knisja tiegħu ma kellha l-​ebda tweġibiet sodisfaċenti.

Imbagħad Bernd tkellem maʼ wieħed minn sħabu taʼ l-​iskola li inzerta kien wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Dan iż-​żagħżugħ wera lil Bernd mill-​Bibbja li ommu ma kinitx konxja, kienet rieqda fil-​mewt. Bernd sar jaf dwar ħafna versi mill-​Bibbja li jispjegaw dan, bħal Koħèlet 9:5: “[I]l-mejtin ma jafu xejn.” Għalhekk, Bernd ma kellux għalfejn jinkwieta dwar jekk ommu kinitx qed issofri f’xi tip taʼ purgatorju​—jew xi ħaġa agħar. Għalkemm id-​duttrina tar-​ruħ immortali hija mgħallma fil-​biċċa l-​kbira tar-​reliġjonijiet, Bernd ra fil-​Bibbja li r-​ruħ umana hi sempliċement persuna. Meta l-​persuna tmut, ir-​ruħ tmut. “Ir-​ruħ li tidneb, tmut.”—Eżekjel 18:4, Karm Żammit.

Bernd sar jaf ukoll dwar il-​prospett meraviljuż għall-​mejtin. Hu qara għalih innifsu fil-​ktieb Bibliku taʼ Atti: “Kemm it-​tajbin u kemm il-​ħżiena għad iqumu minn bejn l-​imwiet.” (Atti 24:15) Kemm ħa pjaċir meta sar jaf li l-​irxoxt se jsir hawn fuq l-​art, li Alla se jirrestawraha f’ġenna!—Salm 37:29; Apokalissi 21:3, 4.

Il-bżonnijiet spiritwali taʼ Bernd malajr ġew issodisfati permezz t’għarfien ġenwin mill-​Bibbja. Bernd ma qatax qalbu mir-​reliġjon. Pjuttost, hu telaq mill-​knisja li ma setgħetx tissodisfa l-​ġuħ tiegħu u adotta forma taʼ qima bbażata fis-​sod minn fuq il-​Bibbja. Hu jgħid: “Dak kien 14-il sena ilu, u qatt ma ddispjaċieni mill-​pass li ħadt. Issa naf li l-​Ħallieq ma jikkaġunax is-​sofferenza. Satana huwa l-​alla taʼ din id-​dinja, u huwa ħati għall-​kundizzjonijiet li hawn madwarna. Imma Alla dalwaqt se jikkoreġi d-​deni kollu li kien sar mid-​dinja taʼ Satana. Ommi wkoll se terġaʼ tiġi lura fl-​irxoxt. X’ferħ se jkun dan!”

Bilħaqq, Bernd laħaq l-​għan tiegħu li jaħdem barra l-​pajjiż biex jgħin lil oħrajn. Hu jaħdem f’pajjiż barrani fejn jgħin lil oħrajn jitgħallmu dwar is-​Saltna t’Alla, il-​vera soluzzjoni għall-​miżerja tagħhom. Bħal Bernd, miljuni tgħallmu li Alla dalwaqt se jtemm is-​sofferenza tal-​bniedem. Huma eċċitati li saru jafu li hemm reliġjon li tissodisfa l-​bżonn spiritwali tagħhom.—Mattew 5:3.

X’Inhu l-​Iskop tal-​Ħajja?

Hekk kif il-​pajjiżi tal-​Punent qed isiru iktar u iktar sekulari, ħafna jistaqsu, ‘X’inhu l-​iskop tal-​ħajja?’ It-​tweġiba tinstab fil-​Bibbja, bħalma skopra Michael. F’nofs is-​snin 70, Michael ried jingħaqad maʼ grupp terrorist. Kellu biss mira waħda f’ħajtu​—li jaqlaʼ l-​inkwiet għal dawk in-​nies li kien iqishom responsabbli għall-​inġustizzji tas-​sistema kapitalista. “Qatt ma ħriġt mid-​dar mingħajr ir-​rivolver tiegħi,” hu jgħid. “Il-​pjan tiegħi kien li noqtol kemm jistaʼ jkun politikanti u kapitalisti taʼ pożizzjoni għolja. Kont lest li nagħti ħajti għal din il-​kawża.”

Michael kien imur il-​knisja, imma ħadd fil-​knisja tiegħu ma setaʼ jispjega l-​veru skop tal-​ħajja. Għalhekk, meta x-​Xhieda taʼ Jehovah marru d-​dar tiegħu u wrewh it-​tweġibiet għall-​mistoqsijiet tiegħu minn fuq il-​Bibbja, Michael qagħad jismaʼ b’attenzjoni. Beda jattendi għal-​laqgħat taʼ qima fis-​Sala tas-​Saltna tax-​Xhieda taʼ Jehovah f’dak il-​lokal.

Il-ħbieb taʼ Michael kienu kurjużi dwar l-​interess ġdid li sab fil-​Bibbja. “Ejjew għal-​laqgħa nhar il-​Ħadd,” ħeġġiġhom Michael. “Oqogħdu ftit. Jekk ma jogħġobkomx dak li tisimgħu, tistgħu titilqu.” U hekk ġara, wara taħdita taʼ 45 minuta bbażata fuq il-​Bibbja, il-​biċċa l-​kbira minn sħabu telqu mis-​sala. Imma waħda​—Susan—​baqgħet hemm. Din iż-​żagħżugħa baqgħet affaxxinata b’dak li kienet semgħet. Michael u Susan iktar tard iżżewġu u tgħammdu bħala Xhieda taʼ Jehovah. “Issa naf għala qegħdin hawn fuq l-​art,” jgħid Michael. “Ġejna maħluqin minn Jehovah. Il-​veru skop tagħna fil-​ħajja hu li nsiru nafuh u nagħmlu r-​rieda tiegħu. Dak huwa li jġib sodisfazzjon veru!”

Miljuni jaqsmu l-​konvinzjoni taʼ Michael. Huma jieħdu bis-​serjetà l-​kliem tal-​Bibbja: “Hawn hu l-​qofol tad-​diskors wara li nstamaʼ kollox: ‘Ħobb lil [“Ibżaʼ minn,” KŻ] Alla u ħares il-​kmandamenti tiegħu, għax f’dan jinġabar il-​bniedem kollu.’”—Koħèlet 12:13.

Inkampaw mal-​Problemi tal-​Ħajja

Aħna lkoll nesperjenzaw it-​twettiq tal-​profezija misjuba fit-​2 Timotju 3:1: “L-​aħħar tad-​dinja jkun żmien iebes.” Ħadd ma jistaʼ jaħrab il-​problemi taʼ dan iż-​“żmien iebes.” Imma l-​Bibbja tgħinna nkampaw magħhom.

Ikkunsidra lil Steven u Olive, koppja miżżewġa. Meta bdew jistudjaw il-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Jehovah, huma, bħal ħafna oħrajn, kellhom problemi fiż-​żwieġ. “Konna qed nitbiegħdu minn xulxin,” jispjega Steven. “Kellna għanijiet u interessi differenti.” X’għenhom biex jibqgħu flimkien? “Ix-​Xhieda taʼ Jehovah wrewna kif stajna napplikaw il-​prinċipji tal-​Bibbja fil-​ħajjiet tagħna,” ikompli Steven. “Għall-​ewwel darba, tgħallimna x’ifisser li wieħed ma jkunx egoist u li jkun jimpurtah minn ħaddieħor. L-​applikar tal-​prinċipji tal-​Bibbja għaqqadna flimkien. Issa qed ingawdu żwieġ stabbli u ferħan.”

Relazzjoni fil-​Qrib m’Alla

Skond stħarriġ reċenti mill-​aġenzija Gallup, 96 fil-​mija taʼ l-​Amerikani jemmnu f’Alla, u l-​biċċa l-​kbira minnhom jitolbu lilu. Madankollu, stħarriġ ieħor wera li l-​attendenza fil-​knisja u fis-​sinagoga issa hija l-​inqas li qatt kien hawn f’dawn l-​aħħar 50 sena. Xi 58 fil-​mija taʼ l-​Amerikani jgħidu li jmorru l-​knisja darba fix-​xahar jew inqas. B’mod ċar, ir-​reliġjon ma ressqithomx eqreb lejn Alla. U din il-​problema ma tiqafx fl-​Istati Uniti.

Linda trabbiet fil-​Bavarja. Kienet Kattolika prattikanta u kienet titlob regolarment. Fl-​istess ħin, kienet tibżaʼ mill-​futur. Ma kienet taf xejn dwar l-​iskop t’Alla għall-​bniedem. Meta kellha biss 14-il sena, Linda ltaqgħet max-​Xhieda taʼ Jehovah, u tirrapporta: “Dak li qaluli kien interessanti, u għalhekk aċċettajt xi letteratura li tispjega l-​Bibbja u qrajthom immedjatament.” Sentejn wara, Linda bdiet tistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Jehovah. “Kulma tgħallimt dwar Alla mill-​Bibbja kien jagħmel sens,” tgħid hi. Linda rriżenjat mill-​knisja tagħha u tgħammdet bħala Xhud taʼ Jehovah fl-​età taʼ 18-il sena.

X’qanqal lil Linda biex tibdel ir-​reliġjon tagħha? Hi tispjega: “Il-​knisja tiegħi għenitni nara li hemm Alla, u tgħallimt nemmen fih. Imma hu kien impersonali u ’l bogħod. L-​istudju tiegħi tal-​Bibbja mhux biss saħħaħ it-​twemmin tiegħi f’Alla imma għenni wkoll biex insir nafu u nħobbu. Issa għandi relazzjoni persunali prezzjuża m’Alla, xi ħaġa li għandha iżjed valur minn kwalunkwe ħaġa oħra.”

Ir-​Reliġjon Vera Hija taʼ Siwi!

Tagħtik r-​reliġjon tiegħek gwida spiritwali u turik kif il-​Bibbja tistaʼ tgħinek tkampa mal-​problemi tal-​ħajja? Tgħallem it-​tama tal-​Bibbja għall-​futur? Iġġibek f’relazzjoni persunali u fil-​qrib mal-​Ħallieq, ibbażata fuq għarfien eżatt tal-​Bibbja? Jekk le, taqtax qalbek. Minflok ma tabbanduna r-​reliġjon, fittex għall-​forma taʼ qima li hija bbażata fis-​sod fuq il-​Bibbja. Imbagħad int tkun bħal dawk li huma pprofetizzati fil-​ktieb Bibliku taʼ Isaija: “Għalhekk dan jgħid Sidi l-​Mulej: ‘Araw, il-​qaddejja tiegħi jieklu, . . . il-​qaddejja tiegħi jixorbu, . . . il-​qaddejja tiegħi jifirħu, . . . il-​qaddejja tiegħi jgħannu bl-​hena taʼ qalbhom.’”—Isaija 65:13, 14.

[Nota taʼ taħt]

a Xi wħud mill-​ismijiet f’dan l-​artiklu ġew mibdulin.

[Stampi f’paġni 4, 5]

Il-​Bibbja tgħinna biex insiru nafu u nħobbu lil Alla

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja