Għala Qed Iħallu r-Reliġjon?
F’NOFS is-seklu 19, qatt ma kont tismaʼ lil xi resident fil-Prussja (issa t-Tramuntana tal-Ġermanja) jgħid li ma kien jappartjeni lil ebda reliġjon partikulari. Fil-fatt, li sempliċement jikkonverti minn xi reliġjon prominenti għal xi knisja nonkonformista setaʼ jagħmlu suġġett għal sorveljanza mill-pulizija. Kemm inbidlu ż-żminijiet!
Illum, numru kbir taʼ Ġermaniżi qed jirriżenjaw mill-knejjes. Skond rapport, 1 minn kull 4 jistqarr li ma jappartjeni lil ebda reliġjon affattu. Xejra simili qed tidher fl-Awstrija u fl-Isvizzera. Jekk is-sħubija hija d-demm li jagħti l-ħajja lir-reliġjon, mela, bħalma esprimieha l-kittieb Ġermaniż Reimer Gronemeyer, “il-knejjes fl-Ewropa qed jiżvinaw.”
Għala Qed Jiċħdu r-Reliġjon
Għala ħafna qed jiċħdu r-reliġjon organizzata? Taʼ spiss, għal raġunijiet finanzjarji, speċjalment f’artijiet fejn il-membri jiġu mitlubin li jħallsu xi taxxa tal-knisja. Ħafna jistaqsu, ‘Għala għandhom il-flus li ħdimt tant għalihom imorru għall-knisja?’ Xi wħud huma urtati mill-poter u l-ġid enormi li għandha l-knisja. Huma x’aktarx jaqblu mal-Kardinal Joachim Meisner minn Cologne, il-Ġermanja, meta qal li l-ġid tal-knisja setaʼ influwenzaha biex tagħti wisq attenzjoni lejn affarijiet materjali u “li ma tiħux il-fidi fi Kristu bis-serjetà biżżejjed.”
Xi wħud qed jitilqu mill-knisja tagħhom minħabba li jsibuha taʼ dwejjaq, mhix interessanti, mhix kapaċi li tissodisfa l-ġuħ spiritwali tagħhom. Huma jsofru l-ġuħ imsemmi mill-profeta Għamos, “mhux il-ġuħ tal-ħobż, lanqas l-għatx għall-ilma, iżda għas-smigħ tal-kelma tal-Mulej.” (Għamos 8:11) Minħabba li jirċievu ftit li xejn għajnuna mir-reliġjon tagħhom, huma jitilquha.
Fil-waqt li l-problemi li jqumu huma ġenwini, hija l-aħjar tweġiba li taqtaʼ qalbek minn kull reliġjon? Immaġina raġel bil-ġuħ li jara xi ħaġa li tidher qisha biċċa ħobż. Meta jipprova jikolha, madankollu, isib li hi magħmula mis-serratura. Se jaqtaʼ qalbu mill-idea li jiekol u jissodisfa l-ġuħ tiegħu? Le, kieku jfittex xi ikel veru. B’mod simili, jekk xi reliġjon ma tissodisfax il-ġuħ spiritwali tal-membri tagħha, għandhom huma jaqtgħu qalbhom mir-reliġjon? Jew ikunu iktar għaqlin li jfittxu xi mod biex jissodisfaw il-ġuħ spiritwali tagħhom? Dak hu li ħafna għamlu, bħalma jurina l-artiklu li jmiss.