Proklamaturi tas-Saltna Jirrapportaw
Nikkonformaw Umilment mal-Mod taʼ Jehovah
“FITTXU l-Mulej ilkoll, intom, l-umli taʼ l-art.” Din l-istedina, ipproklamata mill-profeta Ebrew Sofonija ’l fuq minn 26 seklu ilu, għadha qed tiġi offruta lin-nies maʼ l-art kollha llum. (Sofonija 2:3) X’ifisser li tfittex lil Jehovah? L-ewwel ħaġa li trid tagħmel hija li tieħu għarfien dwar Jehovah, l-uniku Alla veru u ħaj.—Ġeremija 10:10; Ġwann 17:3.
Madankollu, li tieħu għarfien ma jwassalx fih innifsu għal waqfa approvata quddiem Alla. Biex individwu jikseb il-favur t’Alla, irid ukoll japplika dan l-għarfien. Kif? Billi jikkonforma umilment il-ħsibijiet u l-kondotta tiegħu mal-livelli t’Alla, bħalma huwa muri mill-esperjenza li ġejja mis-Surinam.—Efesin 4:22-24.
Eddy, għalliem li kellu madwar 35 sena, kien imxennaq biex ikollu tweġibiet sodisfaċenti għal mistoqsijiet bħalma huma: ‘Ir-reliġjon liema rwol għandha fis-soċjetà tal-lum?’ u ‘Taqbel il-Bibbja, ktieb tant antik, max-xjenza moderna?’ Meta żaruh ix-Xhieda taʼ Jehovah u offrewlu tweġibiet ibbażati fuq il-Bibbja għal dawn il-mistoqsijiet, Eddy qagħad attent jismaʼ. Saħansitra ħa xi noti sabiex jiċċekkja l-ispjegazzjonijiet tax-Xhieda.
Qabel, Eddy kien assoċja maʼ reliġjon li għallmitu li l-bnedmin kienu r-riżultat aħħari taʼ meta Alla mmodifika x-xadini. Għalhekk, meta x-Xhieda offrewlu l-pubblikazzjoni Life—How Did It Get Here? By Evolution or by Creation? hu aċċettaha bil-ferħa. L-ispjegazzjoni ċara fil-ktieb dwar ir-rakkont Bibliku tal-ħolqien impressjonatu. Permezz taʼ l-istudju tiegħu tal-Bibbja, hu kkonvinċa ruħu li kien sab il-verità!
Imma issa ffaċċja prova. Eddy kien jgħix f’dar fejn is-serq u d-diżonestà kienu xi ħaġa normali. B’hekk, kellu għażla quddiemu: jew isegwi l-mod taʼ ħajja korrott taʼ sħabu li kien jgħix magħhom jew jiċħad din il-kondotta biex jagħżel stil taʼ ħajja li jigglorifika lil Alla. B’mod għaqli, Eddy għażel din taʼ l-aħħar. Hu qataʼ kull sħubija ħażina u telaq minn dik id-dar.—1 Korintin 15:33, 34.
Eddy għamel progress mgħaġġel wara li beda jattendi għal-laqgħat fis-Sala tas-Saltna. Hu tejjeb ukoll il-mod kif kien jilbes u l-komportament tiegħu u beda jitkellem maʼ ħbiebu u qrabatu dwar dak li kien qiegħed jitgħallem. Iktar tard, il-ferħ tiegħu żdied meta ġie approvat biex jieħu sehem f’li jippriedka pubblikament l-“aħbar tajba.” (Mattew 24:14; Atti 20:20) F’Diċembru 1996 wasal il-jum tant mistenni meta hu ssimbolizza d-dedikazzjoni tiegħu lil Jehovah permezz tal-magħmudija taʼ l-ilma.
Kull sena, mijiet t’eluf taʼ nies b’qalb onesta jwieġbu għall-istedina biex ‘ifittxu lil Jehovah.’ Meta jagħmlu hekk, dawn jesperjenzaw il-verità taʼ Proverbji 22:4, li jgħid: “Min jiċċekken u jibżaʼ mill-Mulej, jieħu bi ħlasu għana, ġieħ u ħajja.” Iva, billi jikkonformaw umilment mal-mod taʼ Jehovah, dawk li jħobbu l-verità jgawdu barkiet bħal dawn issa, u jħarsu b’fiduċja ’l quddiem lejn barkiet eterni preċiż hawn fuq l-art.—Salm 37:29.
[Mapep f’paġna 18]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni.)
Il-Baħar Karibew
IL-GUJANA
IS-SURINAM
IL-GIJANA FRANĊIŻA
IL-BRAŻIL
[Sors]
Il-Globu: Mountain High Maps® Dritt taʼ l-awtur © 1997 Digital Wisdom, Inc.