LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 9/1 pp. 4-7
  • Tistaʼ Tafdaha l-Kuxjenza Tiegħek?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tistaʼ Tafdaha l-Kuxjenza Tiegħek?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Inħarrġu l-​Kuxjenza
  • Inkunu f’Armonija mal-​Ħsieb t’Alla
  • Għajnuna biex Inħarrġu l-​Kuxjenza
  • Niksbu “l-​Ħsieb taʼ Kristu”
  • Nibbenefikaw minn Kuxjenza Mħarrġa
  • Kif Tistaʼ Żżomm Kuxjenza Tajba?
    “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
  • Hija l-Kuxjenza Tiegħek Imħarrġa Sew?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Kuxjenza tajba f’għajnejn Alla
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
  • Ismaʼ l-Leħen Ġewwieni
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 9/1 pp. 4-7

Tistaʼ Tafdaha l-​Kuxjenza Tiegħek?

TAĦT ċirkustanzi normali, il-​boxxla hija strument taʼ min jafdah. Il-​labra tagħha, immexxija mill-​qawwa manjetika taʼ l-​art, b’mod konsistenti tipponta lejn it-​Tramuntana. B’hekk, dawk li jivvjaġġaw jistgħu jistrieħu fuq il-​boxxla biex din tidderiġihom meta ma jkun hemm l-​ebda oġġett biex jiggwidahom. Imma x’jiġri meta jitpoġġa oġġett manjetiku viċin il-​boxxla? Il-​labra tibda ddur lejn il-​kalamita minflok ma tipponta lejn it-​Tramuntana. Ma tibqax iktar gwida taʼ min joqgħod fuqha.

Il-kuxjenza tal-​bniedem jistaʼ jiġrilha l-​istess. Il-​Ħallieq nissel din il-​fakultà ġewwa fina biex taqdi bħala gwida taʼ min joqgħod fuqha. Ladarba aħna magħmulin fuq ix-​xbieha t’Alla, il-​kuxjenza għandha b’mod konsistenti tidderiġina fid-​direzzjoni t-​tajba meta jkollna bżonn nieħdu xi deċiżjonijiet. Għandha tqanqalna biex nirriflettu l-​livelli morali t’Alla. (Ġenesi 1:27) Taʼ spiss, hekk tagħmel. Per eżempju, l-​appostlu Kristjan Pawlu kiteb li saħansitra xi wħud li m’għandhomx il-​liġi rrivelata t’Alla “jagħmlu bl-​istint naturali tagħhom dawk l-​opri li titlob il-​Liġi.” Għala? Għaliex ‘tixhdu wkoll il-​kuxjenza tagħhom.’—Rumani 2:14, 15.

Minkejja dan, il-​kuxjenza mhux dejjem tirreaġixxi meta jkun hemm bżonn. Minħabba l-​imperfezzjoni umana, aħna inklinati li nagħmlu affarijiet li nafu li huma ħżiena. “Skond il-​bniedem taʼ ġewwa togħġobni l-​liġi taʼ Alla,” ammetta Pawlu, “iżda nilmaħ fil-​membri taʼ ġismi liġi oħra titqabad kontra l-​liġi taʼ moħħi u tjassarni taħt il-​liġi tad-​dnub li hemm ġo ġismi.” (Rumani 7:22, 23) Jekk aħna taʼ spiss inċedu għall-​inklinazzjonijiet ħżiena, il-​kuxjenza tagħna bil-​mod il-​mod tistaʼ ssir imċajpra u eventwalment tieqaf milli tgħidilna li kondotta bħal din hija ħażina.

Minkejja l-​imperfezzjoni, madankollu, aħna nistgħu nġibu l-​kuxjenza tagħna fi qbil mal-​livelli t’Alla. Tabilħaqq, dan huwa vitali. Kuxjenza nadifa u mħarrġa sew mhux biss twassalna għal relazzjoni persunali u intima m’Alla imma hija essenzjali għas-​salvazzjoni tagħna. (Lhud 10:22; 1 Pietru 1:15, 16) Barra minn hekk, kuxjenza tajba se tgħinna nieħdu deċiżjonijiet għaqlin fil-​ħajja, li se jwassluna biex ikollna l-​paċi u l-​hena. Dwar persuna b’kuxjenza bħal din is-​salmista qal: “Il-​liġi taʼ Alla tiegħu għal qalbu, ma jitfixkilx fil-​mixi tiegħu.”—Salm 37:31.

Inħarrġu l-​Kuxjenza

Li nħarrġu l-​kuxjenza jinvolvi iktar milli sempliċement nitgħallmu bl-​amment lista taʼ liġijiet u mbagħad inżommu strettament magħhom. Dak hu li għamlu l-​Fariżej taʼ żmien Ġesù. Dawk il-​mexxejja reliġjużi kienu jafuha l-​Liġi u kienu żviluppaw tradizzjoni ddettaljata, suppost biex jgħinu lin-​nies jevitaw li jiksru l-​Liġi. B’hekk, kienu ħfief biex jipprotestaw meta d-​dixxipli taʼ Ġesù qatgħu s-​sbul tal-​qamħ f’jum is-​Sabat u kiluhom. U sfidaw lil Ġesù meta fejjaq l-​id niexfa taʼ wieħed raġel f’jum is-​Sabat. (Mattew 12:1, 2, 9, 10) Dawn iż-​żewġ atti, skond it-​tradizzjoni tal-​Fariżej, ikkostitwew il-​ksur tar-​rabaʼ kmandament.—Eżodu 20:8-11.

Jidher ċar li l-​Fariżej kienu jistudjawha l-​Liġi. Imma kienu ġabu l-​kuxjenzi tagħhom fi qbil mal-​livelli t’Alla? Dażgur li le! Eżatt wara li kkritikaw kemm felħu dak li ħasbu li kien ksur offensiv tar-​regola tas-​Sabat, il-​Fariżej bdew jiftiehmu bejniethom kontra Ġesù “kif se jeqirduh.” (Mattew 12:14) Immaġina​—dawk il-​mexxejja reliġjużi li riduha taʼ tajbin inkorlati minħabba li xi ħadd qataʼ l-​qamħ u kielu jew minħabba li xi ħadd fejjaq f’jum is-​Sabat; imma ma kellhom l-​ebda skruplu dwar li jikkonfoffaw biex joqtlu lil Ġesù!

Il-qassisin ewlenin urew ħsieb pervert simili. Dawk l-​irġiel korrotti ma ħassew l-​ebda rimors meta lil Ġuda offrewlu 30 biċċa tal-​fidda mit-​teżor tat-​tempju biex jittradixxi lil Ġesù. Imma meta Ġuda għal għarrieda ħa l-​flus lura, u reġaʼ tefagħhom fit-​tempju, il-​kuxjenzi tal-​qassisin ewlenin iffaċċjaw dilemma legali. “Dawn [il-muniti] ma nistgħux,” qalu, “inqegħduhom maʼ l-​offerti, għax huma prezz tad-​demm.” (Mattew 27:3-6) Evidentement, il-​qassisin ewlenin kienu inkwetati li issa l-​flus taʼ Ġuda kienu mniġġsin. (Qabbel Dewteronomju 23:19 [Dewteronomju 23:18, New World Translation].) Madankollu, dan l-​istess grupp taʼ rġiel ma raw xejn ħażin li jonfqu l-​flus biex jixtru t-​tradiment taʼ l-​Iben t’Alla!

Inkunu f’Armonija mal-​Ħsieb t’Alla

L-​eżempji t’hawn fuq juru li biex inħarrġu l-​kuxjenza jirrikjedi iktar milli nimlew moħħna b’lista taʼ x’għandna u x’m’għandniex nagħmlu. Irridu nammettu li l-​għarfien dwar il-​liġijiet t’Alla huwa essenzjali, u l-​ubbidjenza lejhom hija neċessarja għas-​salvazzjoni. (Salm 19:8-12 [Salm 19:7-11, NW]) Madankollu, barra li nitgħallmu l-​liġijiet t’Alla, aħna rridu niżviluppaw qalb li tkun f’armonija mal-​ħsieb t’Alla. Imbagħad, nistgħu nesperjenzaw it-​twettiq tal-​profezija li Jehovah ta lil Isaija, u din tistqarr: “Għajnejk jaraw l-​Imgħallem tiegħek. Minn warajk jisimgħu widnejk kliem li jwissik u jgħidlek: ‘Din hi t-​triq; għaddi minnha, sew jekk tikser lejn il-​lemin, sew lejn ix-​xellug.’”—Isaija 30:20, 21; 48:17.

M’għandniex xi ngħidu, dan ma jfissirx li meta niġu ffaċċjati b’xi deċiżjoni tqila, xi vuċi litterali se tgħidilna x’għandna nagħmlu. Minkejja dan, meta l-​ħsieb tagħna fuq ċerti kwistjonijiet ikun f’armonija mal-​ħsieb t’Alla, il-​kuxjenza tagħna se tkun mgħammra aħjar biex tgħinna nieħdu deċiżjonijiet li se jogħġbu lilu.—Proverbji 27:11.

Ikkunsidra lil Ġużeppi, li għex matul is-​seklu 18 Q.E.K. Meta l-​mara taʼ Potifar ħeġġitu biex jikkommetti adulterju magħha, Ġużeppi rrifjuta, u qalilha: “Kif nistaʼ nagħmel dan il-​ħażen hekk kbir u nidneb kontra Alla”? (Ġenesi 39:9) Fi żmien Ġużeppi, Alla ma kien ta ebda liġi bil-​miktub li tikkundanna l-​att taʼ l-​adulterju. Barra minn hekk, Ġużeppi kien qed jgħix ġewwa l-​Eġittu, ’il bogħod mid-​dixxiplina tal-​familja jew mir-​regoli patrijarkali. Allura, x’kien li għamel lil Ġużeppi kapaċi jirreżisti t-​tentazzjoni? Jidher ċar li kienet il-​kuxjenza mħarrġa tiegħu. Ġużeppi adotta l-​ħarsa t’Alla li raġel u mara kellhom ikunu “ġisem wieħed.” (Ġenesi 2:24) Għalhekk, hu ra li kien ikun ħażin li jieħu l-​mara taʼ raġel ieħor. Il-​ħsieb taʼ Ġużeppi fuq din il-​kwistjoni kien f’armonija mal-​ħsieb t’Alla. L-​adulterju kien imur kontra s-​sens morali tiegħu.

Illum, ftit hemm nies bħal Ġużeppi. L-​immoralità sesswali hija mifruxa maʼ kullimkien, u ħafna ma jħossu l-​ebda responsabbiltà biex jibqgħu nodfa moralment la lejn il-​Ħallieq tagħhom, la lejhom infushom, u lanqas saħansitra lejn l-​imseħbin tagħhom. Is-​sitwazzjoni tixbah ħafna lil dik deskritta fil-​ktieb taʼ Ġeremija: “M’hemmx bniedem niedem minn ħżunitu u jgħid: ‘X’għamilt?’ Lkoll qabdu l-​ġirja tagħhom, bħal żiemel imlebbet għat-​taqtigħa.” (Ġeremija 8:6) B’hekk, hemm iktar bżonn minn qatt qabel li aħna nkunu f’armonija mal-​ħsieb t’Alla. Għandna provvediment meraviljuż biex jgħinna nagħmlu dan.

Għajnuna biex Inħarrġu l-​Kuxjenza

L-​Iskrittura mnebbħa “tiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb, u jrawwem fis-​sewwa, biex hekk il-​bniedem taʼ Alla jkun perfett, mħejji għal kull ħidma tajba.” (2 Timotju 3:16, 17) Studju tal-​Bibbja se jgħinna biex inħarrġu dak li l-​Bibbja ssejħilhom “il-​fakultajiet perċettivi” tagħna, sabiex nagħrfu t-​tajjeb mill-​ħażin. (Lhud 5:14, NW) Dan jgħinna niżviluppaw imħabba għall-​affarijiet li Alla jħobb u stmerrija għall-​affarijiet li hu jobgħod.—Salm 97:10; 139:21.

Mela, l-​għan taʼ studju tal-​Bibbja hu li nieħdu t-​tifsira vera u l-​importanza tal-​verità minflok ma sempliċement nieħdu għarfien iddettaljat. Fil-​ħarġa taʼ The Watchtower taʼ l-​1 taʼ Settembru, 1976, naqraw: “Fl-​istudju tagħna taʼ l-​Iskrittura aħna għandna nagħmlu ħilitna biex nifhmu s-​sens tal-​ġustizzja, taʼ l-​imħabba u tat-​tjieba t’Alla u ndaħħluhom fil-​fond taʼ qalbna, biex b’hekk, isiru parti minna sewwa sew bħalma huma l-​bżonn li nieklu u li nieħdu n-​nifs. Irridu nipprovaw inqajmu iktar bis-​sħiħ ġewwa fina sens taʼ responsabbiltà morali billi nsiru iktar konxji taʼ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Iktar minn hekk, irridu nġagħlu lill-​kuxjenza tagħna verament tħoss ir-​responsabbiltà tagħha lejn il-​Leġislatur u l-​Imħallef perfett. (Is. 33:22) Għalhekk, waqt li qed nitgħallmu iktar dwar Alla, għandna nipprovaw nimitawh f’kull aspett tal-​ħajja.”

Niksbu “l-​Ħsieb taʼ Kristu”

Studju tal-​Bibbja se jgħinna wkoll niksbu “l-​ħsieb taʼ Kristu,” id-​dispożizzjoni mentali taʼ l-​ubbidjenza u l-​umiltà li ġew murijin minn Ġesù. (1 Korintin 2:16) Li jagħmel ir-​rieda taʼ Missieru kien iġiblu l-​ferħ, mhux sempliċement xi rutina li trid issir awtomatikament, mingħajr ebda ħsieb. L-​attitudni tiegħu ġiet deskritta profetikament mis-​salmista David, li kiteb: “Li nagħmel ir-​rieda tiegħek. Alla tiegħi, dan jogħġobni; il-​liġi tiegħek ġewwa qalbi.”a—Salm 40:9 [Salm 40:8, NW].

Biex inħarrġu l-​kuxjenza huwa vitali li niksbu “l-​ħsieb taʼ Kristu.” Meta kien fuq l-​art bħala bniedem perfett, Ġesù rrifletta l-​kwalitajiet u l-​personalità taʼ Missieru sa l-​iktar estent possibbli tal-​limitazzjonijiet umani. B’hekk, hu setaʼ jgħid: “Min ra lili ra lill-​Missier.” (Ġwann 14:9) F’kull sitwazzjoni li hu ffaċċja fuq l-​art, Ġesù għamel preċiżament dak li Missieru riedu jagħmel. Għalhekk, meta nistudjaw il-​ħajja taʼ Ġesù, inkunu qed nieħdu stampa ċara x’tip t’Alla hu Jehovah.

Naqraw li Jehovah “jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-​tjieba.” (Eżodu 34:6) Darba wara l-​oħra, Ġesù wera dawn il-​kwalitajiet meta kien jittratta maʼ l-​appostli tiegħu. Meta huma kienu jargumentaw ripetutament dwar min kien l-​akbar fosthom, Ġesù bil-​paċenzja kollha għallimhom sew bil-​kliem u sew bl-​eżempju li “min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-​ewwel fostkom, għandu jkun l-​ilsir tagħkom.” (Mattew 20:26, 27) Dan hu sempliċement eżempju wieħed li juri li aħna nistgħu nkunu f’armonija mal-​ħsieb t’Alla billi nikkunsidraw il-​ħajja taʼ Ġesù.

Iktar ma nitgħallmu dwar Ġesù, iktar se nkunu mgħammrin tajjeb biex nimitaw lil Missierna tas-​sema, Jehovah. (Efesin 5:1, 2) Kuxjenza li tkun f’armonija mal-​ħsieb t’Alla se tiggwidana fid-​direzzjoni t-​tajba. Jehovah jwiegħed lil dawk li jafdaw fih: “Ngħallmek u nurik it-​triq li għandek tieħu; nwissik, u nżomm għajnejja fuqek.”—Salm 32:8.

Nibbenefikaw minn Kuxjenza Mħarrġa

Billi kien jaf bin-​nuqqas taʼ rażna tal-​bnedmin imperfetti, Mosè wissa lill-​Iżraeliti: “Żommu f’qalbkom dan il-​kliem kollu li jien illum qegħedt quddiemkom, biex twissu lil uliedkom li jqisu li jħarsu l-​kliem kollu taʼ din il-​liġi.” (Dewteronomju 32:46) Aħna wkoll irridu niktbu l-​liġi t’Alla f’qalbna. Jekk nagħmlu hekk, il-​kuxjenza tagħna x’aktarx li iktar se tkun tistaʼ tidderieġi l-​passi tagħna u tgħinna nagħmlu deċiżjonijiet tajbin.

M’għandniex xi ngħidu, irridu noqogħdu attenti. Il-​proverbju Bibliku jgħid: “Xi ħadd jistaʼ jaħseb li triqtu dritta, iżda mbagħad tmiemha jwassal għall-​mewt.” (Proverbji 14:12) Għala hu dan dak li jiġri taʼ spiss? Għaliex, kif tpoġġiha l-​Bibbja: “Fuq kollox qalb il-​bniedem kollha qerq u mħassra. Min jifhimha?” (Ġeremija 17:9) Għalhekk, hemm bżonn li lkoll kemm aħna nsegwu t-​twissija taʼ Proverbji 3:5, 6: “Ittama fil-​Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fl-​għaqal tiegħek. Fih aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek.”

[Nota taʼ taħt]

a Fl-ittra tiegħu lil-​Lhud, l-​appostlu Pawlu applika l-​kliem taʼ Salm 40 għal Ġesù Kristu.—Lhud 10:5-10.

[Stampa f’paġna 7]

Bħal boxxla, kuxjenza mħarrġa fuq il-​Bibbja tistaʼ tidderiġina fid-​direzzjoni t-​tajba

[Sors]

Kumpass: Courtesy, Peabody Essex Museum, Salem, Mass.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja