LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 12/1 pp. 8-13
  • Mibgħudin Minħabba l-Fidi Tagħhom

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Mibgħudin Minħabba l-Fidi Tagħhom
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • In-​“Nefqa” taʼ li Nkunu Dixxipli
  • Mimlijin Mibegħda u Mibgħudin
  • Il-​Kristjani Bikrin ​—minn Min Kienu Mibgħudin?
  • Il-​Kristjani Bikrin ​—Għala Mibgħudin fid-​Dinja Rumana?
  • Il-Kristjani u s-Soċjetà Umana Llum
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Niddefendu l-Fidi Tagħna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Il-Kristjani Bikrin u d-Dinja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Il-Kristjani tal-Bidu u l-Liġi Mosajka
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 12/1 pp. 8-13

Mibgħudin Minħabba l-​Fidi Tagħhom

“Lilkom kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi.”

—MATTEW 10:22.

1, 2. Tistaʼ tirrakkonta xi esperjenzi li ġraw vera li kellhom jissaportu x-​Xhieda taʼ Jehovah għax ipprattikaw it-​twemmin reliġjuż tagħhom?

BEJJIEGĦ f’ħanut ġewwa l-​gżira taʼ Kreta jiġi arrestat kemm-il darba u jitressaq ripetutament quddiem il-​qrati Griegi. B’kollox jiskonta iktar minn sitt snin ħabs, mifrud minn martu u ħames uliedu. Fil-​Ġappun, student taʼ 17-il sena jitkeċċa mill-​iskola, minkejja li jġib ruħu sew u hu l-​aħjar wieħed mit-​42 student fil-​klassi tiegħu. Fi Franza, xi nies jingħataw is-​sensja ħabta u sabta, avolja jkollhom reputazzjoni eċċellenti dwar kemm kienu ħabrieka u kuxjenzjużi fix-​xogħol tagħhom. X’hemm komuni f’dawn l-​esperjenzi li ġraw vera?

2 L-​individwi kollha involuti huma Xhieda taʼ Jehovah. X’“delitt” wettqu? Bażikament, li pprattikaw it-​twemmin reliġjuż tagħhom. B’ubbidjenza għat-​tagħlim taʼ Ġesù Kristu, il-​bejjiegħ kien qiegħed jaqsam il-​fidi tiegħu m’oħrajn. (Mattew 28:19, 20) Instab ħati l-​iktar minħabba liġi Griega antikwata li tgħid li l-​proselitiżmu huwa offiża kriminali. L-​istudent tkeċċa minħabba li l-​kuxjenza tiegħu mħarrġa skond il-​Bibbja ma ħallitux jieħu sehem fit-​taħriġ obbligatorju tal-​kendo (dwell Ġappuniż bi xwabel tal-​bambù). (Isaija 2:4) U dawk li ngħataw is-​sensja fi Franza ġew informati li l-​unika raġuni għat-​tkeċċija tagħhom kienet li huma stqarrew li kienu Xhieda taʼ Jehovah.

3. Għala huwa relattivament rari li l-​biċċa l-​kbira tax-​Xhieda taʼ Jehovah jgħaddu minn tbatija kbira kkaġunata minn bnedmin oħrajn?

3 Esperjenzi koroh bħal dawn huma tipiċi taʼ dak li x-​Xhieda taʼ Jehovah għaddew minnu reċentement f’ċerti pajjiżi. Madankollu, għall-​biċċa l-​kbira tax-​Xhieda taʼ Jehovah, huwa relattivament rari li dawn iġarrbu tbatija kbira kkaġunata minn bnedmin oħrajn. In-​nies taʼ Jehovah huma magħrufin mad-​dinja kollha għall-​kondotta mill-​aħjar tagħhom​—reputazzjoni li ma tagħti ebda raġuni valida lil xi ħadd biex ikun irid jagħmlilhom il-​ħsara. (1 Pietru 2:11, 12) Huma la jikkomplottaw u lanqas ma jikkaġunaw xi ħsarat. (1 Pietru 4:15) Għall-​kuntrarju, huma jipprovaw jgħixu skond il-​parir tal-​Bibbja biex ikunu sottomessi l-​ewwel lejn Alla, imbagħad lejn il-​gvernijiet sekulari. Iħallsu t-​taxxi dovuti mil-​liġi u jistinkaw biex ‘jgħixu fil-​paċi maʼ kulħadd.’ (Rumani 12:18; 13:6, 7; 1 Pietru 2:13-17) Fix-​xogħol edukattiv tagħhom ibbażat fuq il-​Bibbja, huma jinkuraġġixxu r-​rispett lejn il-​liġi, il-​valuri tal-​familja, u l-​moralità. Bosta gvernijiet faħħruhom talli huma ċittadini li jobdu l-​liġi. (Rumani 13:3) Madankollu, bħalma jindika l-​ewwel paragrafu, xi drabi huma kienu l-​mira taʼ oppożizzjoni​—f’xi pajjiżi, saħansitra taʼ projbizzjonijiet mill-​gvern. Għandu dan jissorprendina?

In-​“Nefqa” taʼ li Nkunu Dixxipli

4. Skond Ġesù, x’jistaʼ jistenna xi ħadd li jsir wieħed mid-​dixxipli tiegħu?

4 Ġesù Kristu ma ħalla ebda dubju dwar x’kien jinvolvi li wieħed ikun dixxiplu tiegħu. “Il-​qaddej m’huwiex akbar minn sidu,” qal lid-​dixxipli tiegħu. “Jekk ippersegwitaw lili, għad jippersegwitaw lilkom ukoll.” Ġesù kien mibgħud “fuq xejn.” (Ġwann 15:18-20, 25; Salm 69:5 [Salm 69:4, New World Translation]; Luqa 23:22) Id-​dixxipli tiegħu setgħu jistennew l-​istess​—oppożizzjoni mingħajr ebda ġustifikazzjoni. Hu wissiehom iktar minn darba: “Lilkom kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi.”—Mattew 10:22; 24:9.

5, 6. (a) Ġesù, għal liema raġuni ħeġġeġ lis-​segwaċi prospettivi biex ‘jqisu n-​nefqa’? (b) Allura, għala m’għandniex għalfejn nikkonfondu meta niltaqgħu maʼ xi oppożizzjoni?

5 Minħabba f’hekk, Ġesù ħeġġeġ lis-​segwaċi prospettivi biex ‘iqisu n-​nefqa’ taʼ li jsiru dixxipli. (Luqa 14:28) Għala? Mhux sabiex jiddeċiedu jekk kellhomx isiru s-​segwaċi tiegħu jew le, imma sabiex ikunu determinati li jwettqu dak kollu involut. Aħna rridu nkunu ppreparati li nissaportu kwalunkwe provi jew tbatijiet li jiġu maʼ dan il-​privileġġ. (Luqa 14:27) Ħadd ma jisforzana biex naqdu lil Jehovah bħala segwaċi taʼ Kristu. Din hija deċiżjoni volontarja; hija wkoll deċiżjoni informata. Nafu minn qabel li barra mill-​barkiet li se nesperjenzaw meta nidħlu f’relazzjoni ddedikata maʼ Alla, ‘se nsiru mibgħudin minn kulħadd.’ Għalhekk mhux se nibqgħu miblugħin meta niltaqgħu maʼ xi oppożizzjoni. Aħna nkunu ‘qiesna n-​nefqa,’ u ninsabu disposti għall-​aħħar li nħallsuha.—1 Pietru 4:12-14.

6 Xi wħud, inkluż ċerti awtoritajiet governattivi, għala jkunu jridu jopponu lill-​Kristjani veri? Biex insibu t-​tweġiba, ikun tajjeb li neżaminaw żewġ gruppi reliġjużi fl-​ewwel seklu taʼ l-​E.K. It-​tnejn li huma kienu mibgħudin​—imma għal raġunijiet ferm differenti.

Mimlijin Mibegħda u Mibgħudin

7, 8. Liema tagħlim irrifletta stmerrija għall-​Ġentili, u bħala riżultat liema attitudni żviluppat fost il-​Lhud?

7 Sa l-​ewwel seklu E.K., Iżrael kien taħt il-​ħakma Rumana, u l-​Ġudaiżmu, is-​sistema reliġjuża Lhudija, kien fil-​biċċa l-​kbira tiegħu taħt l-​idejn oppressivi taʼ mexxejja bħalma kienu l-​iskribi u l-​Fariżej. (Mattew 23:2-4) Dawn il-​mexxejja fanatiċi qabdu l-​preċetti tal-​Liġi Mosajka rigward li wieħed iżomm separat mill-​ġnus u dawruhom kif qablilhom, biex jirrikjedu li dawk li ma kinux Lhud jiġu mistmerra. Sadattant, huma pproduċew reliġjon li nisslet mibegħda għall-​Ġentili u, mill-​banda l-​oħra, qanqlet mibegħda mill-​Ġentili.

8 Ma kienx diffiċli għall-​mexxejja Lhud li jippridkaw stmerrija għall-​Ġentili, ladarba l-​Lhud taʼ dak iż-​żmien kienu jqisu lill-​Ġentili bħala ħlejjaq baxxi. Il-​mexxejja reliġjużi kienu jgħallmu li mara Lhudija qatt m’għandha tkun waħedha mal-​Ġentili, għax dawn “huma ssuspettati li huma immorali ferm.” Raġel Lhudi m’għandux “jibqaʼ waħdu magħhom ladarba huma ssuspettati li jxerrdu d-​demm.” Lhudi ma setax juża l-​ħalib li jkun ġie maħlub minn wieħed Ġentil jekk ma jkunx rah jaħleb b’għajnejh stess. Permezz taʼ l-​influwenza li kellhom fuqhom il-​mexxejja tagħhom, il-​Lhud żviluppaw riżerva u esklużività riġidi.—Qabbel Ġwann 4:9.

9. X’kien l-​effett tat-​tagħlim tal-​mexxejja Lhud rigward dawk li ma kinux Lhud?

9 Tagħlim bħal dan rigward dawk li ma kinux Lhud ma tantx għen biex jippromwovi relazzjonijiet armonjużi bejn il-​Lhud u l-​Ġentili. Il-​Ġentili bdew iqisu lil-​Lhud bħala li jobogħdu lill-​bnedmin kollha. L-​istorjografu Ruman Taċitu (li twieled madwar is-​sena 56 E.K.) qal li l-​Lhud “iqisu l-​bqija tal-​bnedmin bil-​mibegħda kollha taʼ għedewwa.” Taċitu sostna wkoll li l-​Ġentili li saru proseliti Lhud ġew mgħallmin biex jiċħdu lil pajjiżhom u jqisu lil ħbiebhom u lill-​familja tagħhom bħallikieku ma jiswew xejn. Ġeneralment, ir-​Rumani ttolleraw lil-​Lhud, li kienu numerużi biżżejjed tant li kienu formidabbli. Imma rewwixta mil-​Lhud fis-​sena 66 E.K. qanqlet vendetti ħorox mir-​Rumani, li wasslu għall-​qerda taʼ Ġerusalemm fis-​sena 70 E.K.

10, 11. (a) Il-​Liġi Mosajka x’kienet tirrikjedi dwar il-​mod kif kellhom jiġu ttrattati l-​barranin? (b) Liema lezzjoni nieħdu minn dak li ġara lill-​Ġudaiżmu?

10 Dik il-​ħarsa dwar il-​barranin kif kienet titqabbel mal-​forma taʼ qima mniżżla fil-​Liġi Mosajka? Il-​Liġi tassew li kienet tippromwovi li jżommu separati mill-​ġnus, imma dan kien sabiex jipproteġi lill-​Iżraeliti, partikolarment lill-​qima pura tagħhom. (Ġożwè 23:6-8) Xorta waħda, il-​Liġi kienet tirrikjedi li l-​barranin jiġu ttrattati bil-​ġustizzja u l-​ħaqq u jiġu milqugħin b’ospitalità​—bil-​patt li ma jiksrux il-​liġijiet taʼ Iżrael apposta. (Levitiku 24:22) Minħabba li żvijaw mill-​ispirtu raġunevoli li kien jidher b’mod evidenti fil-​Liġi rigward il-​barranin, il-​mexxejja reliġjużi Lhud taʼ żmien Ġesù pproduċew forma taʼ qima li qanqlet il-​mibegħda għall-​barranin u l-​mibegħda tal-​barranin. Fl-​aħħar, il-​ġens Lhudi taʼ l-​ewwel seklu tilef il-​favur taʼ Jehovah.—Mattew 23:38.

11 Nistgħu nisiltu xi tagħlima minn dan? Iva, hemm! Jekk l-​attitudni tagħna tkun waħda taʼ qdusija żejda u taʼ superjorità fuq dawk li m’għandhomx l-​istess twemmin tagħna, din ma tkunx qed tirrappreżenta kif suppost il-​qima pura taʼ Jehovah, u lanqas ma tkun qed togħġbu. Ikkunsidra l-​Kristjani leali taʼ l-​ewwel seklu. Huma ma kinux jobogħdu lil min ma kienx Kristjan, lanqas ma qajmu xi rewwixta kontra Ruma. Minkejja dan, huma kienu ‘mibgħudin.’ Għala? U minn min?

Il-​Kristjani Bikrin ​—minn Min Kienu Mibgħudin?

12. L-​Iskrittura kif turi ċar li Ġesù jrid li s-​segwaċi tiegħu jkollhom ħarsa bbilanċjata dwar dawk li m’humiex Kristjani?

12 Mit-​tagħlim taʼ Ġesù jidher ċar li hu ried li d-​dixxipli tiegħu jkollhom ħarsa bbilanċjata dwar dawk li ma kinux Kristjani. Hu qal li s-​segwaċi tiegħu kellhom iżommu separati mid-​dinja​—jiġifieri, kellhom jistmerru l-​attitudnijiet u l-​kondotta li kienu f’konflitt mal-​modi taʼ tjieba taʼ Jehovah. Kellhom jibqgħu newtrali fi kwistjonijiet taʼ gwerra u politika. (Ġwann 17:14, 16) Mill-​banda l-​oħra, mhux talli ma qalilhomx biex jippridkaw stmerrija għal dawk li ma kinux Kristjani, imma talli Ġesù qal lis-​segwaċi tiegħu biex ‘iħobbu lill-​għedewwa tagħhom.’ (Mattew 5:44) L-​appostlu Pawlu ħeġġeġ lill-​Kristjani: “Jekk l-​għadu tiegħek bil-​ġuħ, itimgħu; jekk hu bil-​għatx, isqih.” (Rumani 12:20) Lill-​Kristjani qalilhom ukoll biex ‘jagħmlu l-​ġid maʼ kulħadd.’—Galatin 6:10.

13. Il-​mexxejja reliġjużi Lhud għala kienu jopponuhom daqshekk lid-​dixxipli taʼ Kristu?

13 Madankollu, id-​dixxipli taʼ Kristu malajr sabu ruħhom ‘mibgħudin’ minn tliet sorsi. L-​ewwel kien hemm il-​mexxejja reliġjużi Lhud. Mhux taʼ b’xejn li l-​Kristjani malajr ġibdu l-​attenzjoni tagħhom! Il-​Kristjani kellhom prinċipji għoljin taʼ moralità u integrità, u dawn b’żelu jbaqbaq xandru messaġġ li kien jispira t-​tama. Eluf abbandunaw il-​Ġudaiżmu u ħaddnu l-​Kristjanità. (Atti 2:41; 4:4; 6:7) F’għajnejn il-​mexxejja reliġjużi Lhud, id-​dixxipli Lhud taʼ Ġesù ma kienu xejn ħlief apostati! (Qabbel Atti 13:45.) Dawn il-​mexxejja rrabjati ħassew li l-​Kristjanità ġabet it-​tradizzjonijiet tagħhom fix-​xejn. Din saħansitra ċaħdet il-​mod kif kienu jqisu lill-​Ġentili! Mis-​sena 36 E.K. ’l quddiem, il-​Ġentili setgħu jsiru Kristjani, ikollhom l-​istess fidi u jgawdu l-​istess privileġġi bħall-​Kristjani Lhud.—Atti 10:34, 35.

14, 15. (a) Il-​Kristjani għala ġabu fuqhom il-​mibegħda t’adoraturi pagani? Agħti eżempju. (b) Liema tielet grupp sar ‘jobgħod’ lill-​Kristjani bikrin?

14 It-​tieni, il-​Kristjani ġabu fuqhom il-​mibegħda t’adoraturi pagani. Per eżempju, f’Efesu tal-​qedem, in-​negozju taʼ niċeċ tal-​fidda taʼ l-​alla mara Artemi kien jirrendi qligħ kbir. Imma meta Pawlu ppriedka hemmhekk, kien hemm numru mhux ħażin taʼ Efesin li wieġbu, billi abbandunaw il-​qima taʼ Artemi. Minħabba li l-​kummerċ tagħhom safaʼ mhedded, l-​arġentiera qajmu rewwixta. (Atti 19:24-41) Xi ħaġa simili ġrat wara li l-​Kristjanità xterdet lejn il-​Bitinja (issa l-​Majjistral tat-​Turkija). Ftit wara li tlestiet l-​Iskrittura Griega Kristjana, il-​gvernatur tal-​Bitinja, Plinju ż-​Żgħir, irrapporta li t-​tempji pagani kienu baħħ u li l-​bejgħ t’għalf taʼ l-​annimali għas-​sagrifiċċju kien naqas ġmielu. It-​tort ngħata lill-​Kristjani​—u dawn ġew ippersegwitati—​minħabba li l-​mod taʼ qima tagħhom ma kienx jippermetti sagrifiċċji taʼ l-​annimali u l-​idoli. (Lhud 10:1-9; 1 Ġwann 5:21) Jidher ċar li hekk kif il-​Kristjanità nfirxet maʼ kullimkien, dan effettwa ċerti gruppi li kellhom interessi konnessi mal-​qima pagana, u dawk li tilfu kemm il-​kummerċ u kemm il-​flus ma ħadux gost biha.

15 It-​tielet, il-​Kristjani saru ‘mibgħudin’ mir-​Rumani nazzjonalistiċi. Għall-​ewwel, ir-​Rumani kienu jqisu lill-​Kristjani bħala grupp reliġjuż żgħir, forsi daqsxejn fanatiku. Madankollu, hekk kif għadda ż-​żmien, li wieħed sempliċement jgħid li kien Kristjan sar offiża taħt il-​piena tal-​mewt. Ċittadini onesti li kienu jgħixu ħajja Kristjana għala kienu meqjusin bħala vittmi li ħaqqhom jiġu ppersegwitati u maqtulin?

Il-​Kristjani Bikrin ​—Għala Mibgħudin fid-​Dinja Rumana?

16. Il-​Kristjani b’liema modi żammew ruħhom separati mid-​dinja, u dan għala m’għamilhomx popolari mad-​dinja Rumana?

16 Primarjament, il-​Kristjani kienu mibgħudin fid-​dinja Rumana minħabba li kienu jipprattikaw it-​twemmin reliġjuż tagħhom. Per eżempju, huma żammew ruħhom separati mid-​dinja. (Ġwann 15:19) Għalhekk m’aċċettawx karigi politiċi, u rrifjutaw servizz militari. B’riżultat taʼ dan, “kienu ppreżentati bħala rġiel mejtin għad-​dinja, u bla siwi għall-​affarijiet kollha tal-​ħajja,” jgħid l-​istorjografu Awgustu Neander. Li ma jkunu ebda parti mid-​dinja kien ifisser ukoll li jevitaw il-​modi mill-​agħar tad-​dinja korrotta Rumana. “Il-​komunitajiet żgħar Kristjani, bil-​qdusija u d-​diċenza tagħhom, kienu qishom il-​kuxjenza li tant kienet qed tinkwieta lid-​dinja pagana li kien ħsiebha biss fil-​pjaċiri,” jispjega l-​istorjografu Will Durant. (1 Pietru 4:3, 4) Billi ppersegwitaw u qatlu lill-​Kristjani, ir-​Rumani għandhom mnejn ipprovaw isikktu leħen din il-​kuxjenza li tant kienet qed tkiddhom.

17. X’juri li x-​xogħol taʼ l-​ippridkar tal-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu kien effettiv?

17 Il-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu xandru l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla b’żelu li ma jitħarrikx. (Mattew 24:14) Sa madwar is-​sena 60 E.K., Pawlu setaʼ jgħid li l-​aħbar tajba kienet ġiet ‘imħabbra lill-​ħlejjaq kollha taħt is-​smewwiet.’ (Kolossin 1:23) Sa tmiem l-​ewwel seklu, is-​segwaċi taʼ Ġesù kienu għamlu dixxipli maʼ l-​Imperu Ruman kollu​—fl-​Asja, fl-​Ewropa, u fl-​Afrika! Anki xi membri mill-​“palazz taʼ Ċesari” saru Kristjani.a (Filippin 4:22) Dan l-​ippridkar żeluż ma tantx ħadu pjaċir bih. Neander jgħid: “Il-​Kristjanità bdiet tagħmel progress fost nies taʼ kull klassi, u heddet li ġġib fix-​xejn lir-​reliġjon taʼ l-​istat.”

18. Il-​fatt li l-​Kristjani taw devozzjoni esklużiva lil Jehovah kif qanqal inkwiet mal-​gvern Ruman?

18 Is-​segwaċi taʼ Ġesù taw devozzjoni esklużiva lil Jehovah. (Mattew 4:8-10) Forsi kien dan l-​aspett tal-​qima tagħhom, li l-​iktar li qanqal inkwiet maʼ Ruma. Ir-​Rumani kienu jittolleraw reliġjonijiet oħrajn, sakemm dawk li kienu jipprattikawhom baqgħu jieħdu sehem fil-​qima taʼ l-​imperatur. Il-​Kristjani bikrin sempliċement ma setgħux jieħdu sehem f’din il-​qima. Huma kienu jqisu lilhom infushom bħala li riedu jagħtu kont lil awtorità ogħla minn dik taʼ l-​Istat Ruman, jiġifieri, lil Alla Jehovah. (Atti 5:29) Bħala riżultat, ma kienx jgħodd kemm ċittadin Kristjan kien eżemplari fl-​affarijiet l-​oħrajn kollha, għax xorta kien jitqies bħala għadu taʼ l-​Istat.

19, 20. (a) Min kien l-​iktar responsabbli għall-​kalunnji malizzjużi li ġew imxerrdin kontra l-​Kristjani leali? (b) Liema akkużi foloz ġew mixlijin bihom il-​Kristjani?

19 Kien hemm jerġaʼ raġuni oħra għala l-​Kristjani leali kienu ‘mibgħudin’ fid-​dinja Rumana: Il-​kalunnji malizzjużi dwarhom li malajr bdew jiġu emmnuti, akkużi li għalihom kienu responsabbli fil-​biċċa l-​kbira l-​mexxejja reliġjużi Lhud. (Atti 17:5-8) Għall-​ħabta tas-​sena 60 jew 61 E.K., waqt li Pawlu kien Ruma jistenna li jgħaddi ġuri mill-​Imperatur Neruni, Lhud prominenti qalu dan dwar il-​Kristjani: “Dwar din is-​setta sirna nafu li kullimkien qegħdin jeħduha kontra tagħ[h]a.” (Atti 28:22) Ma jistax ikun li Neruni ma kienx samaʼ qlajjiet malizzjużi dwarhom. Fis-​sena 64 E.K., meta l-​ħtija għan-​nar li għamel ħerba minn Ruma waqgħet fuq Neruni, skond xi rapporti hu għażel li jwaħħal fil-​Kristjani innoċenti li diġà kienu mmalafamati. Dan milli jidher ġab mewġa taʼ persekuzzjoni vjolenti li l-​mira tagħha kienet li teqred lill-​Kristjani darba għal dejjem.

20 L-​akkużi foloz kontra l-​Kristjani spiss kienu taħlita taʼ gideb sfaċċat u tgħawwiġ taʼ dak li kienu jemmnu. Minħabba li kienu jemmnu f’Alla wieħed biss u ma qimux lill-​imperatur, huma ġew ittimbrati bħala atei. Minħabba li xi membri tal-​familja li ma kinux Kristjani opponew lil qrabathom Kristjani, il-​Kristjani ġew akkużati li jifirdu l-​familji. (Mattew 10:21) Ġew ittimbrati bħala kannibali, u din l-​akkuża, skond xi sorsi, kienet ibbażata fuq il-​kliem li Ġesù qal fl-​Ikla taʼ Fil-​Għaxija tal-​Mulej. —Mattew 26:26-28.

21. Il-​Kristjani għal liema żewġ raġunijiet kienu ‘mibgħudin’?

21 Għalhekk, il-​Kristjani leali kienu ‘mibgħudin’ mir-​Rumani għal żewġ raġunijiet bażiċi: (1) għat-​twemmin u l-​prattiċi tagħhom ibbażati fuq il-​Bibbja, u (2) għall-​akkużi foloz kontriehom. Kienet x’kienet ir-​raġuni, l-​avversarji kellhom biss objettiv wieħed​—li joħonqu l-​Kristjanità. M’għandniex xi ngħidu, il-​veri perċimes tal-​persekuzzjoni tal-​Kristjani kienu l-​avversarji sovrumani, il-​forzi taʼ spirti mill-​agħar li ma jidhrux. —Efesin 6:12.

22. (a) Liema eżempju juri li x-​Xhieda taʼ Jehovah jistinkaw biex ‘jagħmlu l-​ġid maʼ kulħadd’? (Ara l-​kaxxa f’paġna 11.) (b) X’se jiġi diskuss fl-​artiklu li jmiss?

22 Bħall-​Kristjani bikrin, ix-​Xhieda taʼ Jehovah taʼ żmienna huma ‘mibgħudin’ f’diversi pajjiżi. Madankollu, huma ma jobogħdux lil dawk li m’humiex Xhieda; lanqas qatt ma kienu sors taʼ xi rvell kontra l-​gvernijiet. Għall-​kuntrarju, huma magħrufin mad-​dinja kollha li jipprattikaw l-​imħabba ġenwina li tirbaħ kull fruntiera kemm soċjali, razzjali u etnika. Allura, għala ġew ippersegwitati? U huma kif iwieġbu għall-​oppożizzjoni? Dawn il-​mistoqsijiet se jiġu diskussi fl-​artiklu li jmiss.

[Nota taʼ taħt]

a L-espressjoni “palazz taʼ Ċesari” ma tirreferix neċessarjament għall-​membri immedjati tal-​familja taʼ Neruni, li dakinhar kien fil-​poter. Pjuttost, din għandha mnejn tapplika għall-​qaddejja domestiċi u l-​uffiċjali minuri, li forsi kienu jieħdu ħsieb ix-​xogħol tad-​dar bħal ngħidu aħna t-​tisjir u t-​tindif għall-​familja imperjali u l-​ħaddiema.

Int Kif Twieġeb?

◻ Ġesù għala ħeġġeġ lid-​dixxipli prospettivi biex iqisu n-​nefqa taʼ li jsiru dixxipli?

◻ Il-​ħarsa prevalenti taʼ dawk li ma kinux Lhud liema effett kellha fuq il-​Ġudaiżmu, u x’nitgħallmu minn dan?

◻ Kristjani leali bikrin minn liema tliet sorsi ffaċċjaw oppożizzjoni?

◻ Il-​Kristjani bikrin għal liema raġunijiet bażiċi kienu ‘mibgħudin’ mir-​Rumani?

[Kaxxa f’paġna 11]

‘Jagħmlu l-​Ġid maʼ Kulħadd’

Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jagħmlu ħilithom kollha biex jobdu t-​twissija tal-​Bibbja biex ‘jagħmlu l-​ġid maʼ kulħadd.’ (Galatin 6:10) F’każ taʼ bżonn, l-​imħabba tal-​proxxmu tqanqalhom biex jgħinu lil dawk li m’għandhomx l-​istess twemmin reliġjuż tagħhom. Per eżempju, matul is-​sitwazzjoni diżastruża fl-​Irwanda fl-​1994, Xhieda volontieri mill-​Ewropa marru l-​Afrika biex jagħtu l-​għajnuna tagħhom. Malajr twaqqfu kampijiet u sptarijiet temporanji organizzati tajjeb biex tkun tistaʼ tiġi amministrata din l-​għajnuna. Kwantitajiet enormi taʼ ikel, ħwejjeġ, u gvieret intbagħtu bl-​ajru. In-​numru taʼ refuġjati li bbenefikaw minn din l-​għajnuna kien iktar mit-​triplu tan-​numru taʼ Xhieda f’dawk l-​inħawi.

[Stampa f’paġna 9]

Il-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu xandru l-​aħbar tajba b’żelu li ma jitħarrikx

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja