LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w93 10/1 pp. 7-11
  • Il-Kristjani u s-Soċjetà Umana Llum

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Kristjani u s-Soċjetà Umana Llum
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Kristjani Veri Llum
  • Separati imma Mhux Ostili
  • Mhux Mifhumin mill-​Klassijiet li Jmexxu
  • “Kullimkien Jitkellmu Kontra Tagħha”
  • Kristjani, Mhux Trinitarjani
  • L-​Ebda Ekumeniżmu
  • Huma Jkomplu Jimxu fil-Verità
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Il-Kristjani Bikrin u d-Dinja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Mibgħudin Minħabba l-Fidi Tagħhom
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • “M’Huma Ebda Parti mid-Dinja”
    Qim lill-Uniku Alla Veru
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
w93 10/1 pp. 7-11

Il-Kristjani u s-Soċjetà Umana Llum

“Se tkunu oġġetti taʼ mibgħeda mill-​ġnus kollha minħabba f’ismi.”​—MATTEW 24:9.

1. X’kellha tkun marka distintiva tal-​Kristjanità?

LI JKUNU separati mid-​dinja kienet marka distintiva tal-​ewwel Kristjani. F’talba lil Missieru tas-​sema, Jehovah, Kristu qal dwar id-​dixxipli tiegħu: “Jien tajthom kelmtek, imma d-​dinja bagħdithom, għaliex ma huma ebda parti mid-​dinja, sewwa sew bħalma jien ma jien ebda parti mid-dinja.” (Ġwann 17:14) Meta ġie msejjaħ quddiem Ponzju Pilatu, Ġesù stqarr: “Is-​saltna tiegħi ma hi ebda parti minn din id-​dinja.” (Ġwann 18:36) Li l-​Kristjanità primittiva kienet separata mid-​dinja hu pprovat mill-​Iskrittura Kristjana Griega u mill-​kittieba tal-​istorja.

2. (a) Kellu jkun hemm xi bidla fir-​relazzjoni taʼ bejn is-​segwaċi taʼ Ġesù u d-​dinja hekk kif għadda ż-​żmien? (b) Is-​Saltna taʼ Ġesù kellha tiġi permezz tal-​konverżjoni tal-​ġnus?

2 Irrivela Ġesù li iktar tard kellu jkun hemm xi bidla fir-​relazzjoni taʼ bejn is-​segwaċi tiegħu u d-​dinja u li s-​Saltna tiegħu kellha tiġi permezz tal-​konverżjoni tad-​dinja għall-​Kristjanità? Le. Xejn minn dak li s-​segwaċi tiegħu ġew imnebbħin biex jiktbu wara l-​mewt taʼ Ġesù saħansitra ma ta ħjiel taʼ ħaġa bħal din. (Ġakbu 4:4 [miktub ftit qabel is-​sena 62 E.K.]; 1 Ġwann 2:​15-17; 5:19 [miktub madwar is-​sena 98 E.K.]) Għall-​kuntrarju, il-​Bibbja torbot il-​“preżenza” taʼ Ġesù u l-​‘miġja’ li ssegwi fil-​qawwa tas-​Saltna mal-​“konklużjoni tas-​sistema taʼ affarijiet,” li tilħaq il-​quċċata fit-​“tmiem,” jew qerda tagħha. (Mattew 24:​3, 14, 29, 30; Danjel 2:44; 7:​13, 14) Fis-​sinjal li Ġesù ta dwar il-​pa·rou·siʹa, jew preżenza, tiegħu hu qal dwar is-​segwaċi veri tiegħu: “Imbagħad in-​nies se jwasslukom għat-​tribulazzjoni u se joqtlukom, u se tkunu oġġetti taʼ mibgħeda mill-​ġnus kollha minħabba f’ismi.”​—Mattew 24:9.

Il-​Kristjani Veri Llum

3, 4. (a) Enċiklopedija Kattolika kif tiddeskrivi lill-​Kristjani bikrin? (b) B’liema termini simili huma deskritti x-​Xhieda taʼ Jehovah u l-​Kristjani bikrin?

3 Liema grupp reliġjuż illum kiseb għalih innifsu r-​reputazzjoni taʼ fedeltà lejn prinċipji Kristjani u taʼ separazzjoni minn did-dinja, bil-​membri tiegħu li jiġu mibgħudin u ppersegwitati? Sewwa, liema organizzazzjoni Kristjana dinjija tikkorrispondi f’kull aspett mad-​deskrizzjonijiet storiċi tal-​Kristjani bikrin? Rigward dawn, in-​New Catholic Encyclopedia tistqarr: “Il-​komunità Kristjana primittiva, għalkemm għall-​ewwel kienet ikkunsidrata biss bħala setta oħra minn ġol-ambjent Lhudi, uriet li kienet unika fit-​tagħlim teoloġiku tagħha, u b’mod iżjed partikulari fiż-​żelu tal-​membri tagħha, li qdew bħala xhieda għal Kristu ‘fil-​Ġudea u s-​Samarija kollha u saħansitra sa truf l-​art’ (Atti 1.8).”​—Volum 3, paġna 694.

4 Innota l-​espressjonijiet “ikkunsidrati . . . biss bħala setta oħra,” “unika fit-​tagħlim . . . tagħha,” “żelu . . . bħala xhieda.” U issa osserva kif dik l-​istess enċiklopedija tiddeskrivi lix-​Xhieda taʼ Jehovah: “Setta . . . ix-​Xhieda huma konvinti profondament li t-​tmiem tad-​dinja se jiġi fi ftit taʼ snin oħra. Dan it-​twemmin ferventi jidher li hu l-​akbar forza li tqanqalhom b’żelu li ma jintefiex. . . . L-​obbligu fundamentali taʼ kull membru tas-​setta hu li jagħti xiehda għal Jehovah billi jħabbar is-​Saltna Tiegħu li riesqa. . . . Huma jqisu l-​Bibbja bħala l-​uniku sors taʼ twemmin u regola taʼ kondotta tagħhom . . . Biex ikun Xhud veru wieħed irid jippriedka b’mod effettiv b’xi mod jew ieħor.”​—Volum 7, paġni 864-5.

5. (a) F’liema aspetti huwa uniku t-​tagħlim tax-​Xhieda taʼ Jehovah? (b) Agħti eżempji li juru li t-​twemmin tax-​Xhieda taʼ Jehovah hu fi qbil mal-​Iskrittura.

5 F’liema aspetti huwa uniku t-​tagħlim tax-​Xhieda taʼ Jehovah? In-​New Catholic Encyclopedia ssemmi xi ftit: “Huma [ix-Xhieda taʼ Jehovah] jikkundannaw it-​Trinità bħala idolatrija pagana . . . Huma jqisu lil Ġesù bħala l-​akbar fost ix-​Xhieda taʼ Jehovah, ‘wieħed alla’ (hekk jittraduċu Ġwann 1.1), inferjuri għal ħadd ħlief għal Jehovah. . . . Hu miet bħala bniedem u ġie mqajjem bħala Iben spirtu immortali. Il-​Passjoni u l-​mewt tiegħu kienu l-​prezz li ħallas biex jikseb lura lill-​umanità d-​dritt biex tgħix għal dejjem fuq l-​art. Tabilħaqq, il-​‘kotra kbira’ (Ap 7.9) taʼ Xhieda veri jittamaw f’Ġenna tal-​art; 144,000 leali biss (Ap 7.4; 14.1, 4) jistgħu jgawdu l-​glorja tas-​sema maʼ Kristu. Il-​ħżiena se jieħdu qerda kompleta. . . . Il-​magħmudija—li x-​Xhieda jipprattikaw bit-​tgħaddis fl-​ilma . . . [hi] s-​simbolu minn barra tad-​dedikazzjoni tagħhom lejn is-​servizz taʼ Alla Jehovah. . . . Ix-​Xhieda taʼ Jehovah attiraw il-​pubbliċità billi jirrifjutaw trasfużjonijiet tad-​demm . . . Il-​moralità konjugali u sesswali tagħhom hija pjuttost riġida.” Ix-​Xhieda taʼ Jehovah forsi huma uniċi f’dawn l-​aspetti, imma l-​pożizzjoni tagħhom fuq dawn il-​punti kollha hija bbażata b’mod solidu fuq il-​Bibbja.​—Salm 37:29; Mattew 3:16; 6:10; Atti 15:​28, 29; Rumani 6:23; 1 Korintin 6:​9, 10; 8:6; Rivelazzjoni 1:5.

6. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah liema waqfa żammew? Għala?

6 Din il-​pubblikazzjoni Kattolika Rumana żżid li fis-​sena 1965 (milli jidher is-​sena li fiha nkiteb l-​artiklu) “ix-​Xhieda kien għadhom ma jqisux lilhom infushom bħala li jappartjenu lis-​soċjetà li kienu jgħixu fiha.” L-​awtur jidher li ħaseb li hekk kif igħaddi ż-​żmien u x-​Xhieda taʼ Jehovah isiru iktar numerużi u jieħdu “iktar u iktar il-​karatteristiċi taʼ knisja minflok taʼ setta,” huma kienu se jsiru parti minn did-dinja. Imma dan ma weriex li kien il-​każ. Illum, b’iktar minn erbaʼ darbiet iżjed Xhieda milli fis-​sena 1965, ix-​Xhieda taʼ Jehovah b’mod konsistenti żammew il-​waqfa tagħhom rigward din id-​dinja. “Ma huma ebda parti mid-​dinja,” bħalma Ġesù ma kien “ebda parti mid-​dinja.”​—Ġwann 17:16.

Separati imma Mhux Ostili

7, 8. Bħalma kien veru dwar il-​Kristjani bikrin, x’inhu veru dwar ix-​Xhieda taʼ Jehovah illum?

7 Billi semma d-​difiża tal-​Kristjani bikrin mill-​apoloġista tat-​tieni seklu Ġustin Martri, Robert M. Grant kiteb fil-​ktieb tiegħu Early Christianity and Society: “Li kieku l-​Kristjani kienu revoluzzjonisti huma kienu jibqgħu mistoħbijin sabiex jilħqu l-​mira tagħhom. . . . Huma l-​aqwa alleati tal-​imperatur fil-​kawża għall-​paċi u l-​bonordni.” Bl-​istess mod, ix-​Xhieda taʼ Jehovah illum huma magħrufin mad-​dinja kollha bħala ċittadini li jħobbu l-​paċi u taʼ ordni. Il-​gvernijiet, taʼ kwalunkwe għamla, jafu li m’għandhomx minn xiex jibżgħu mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

8 Editorjalista tal-​Amerka taʼ Fuq kiteb: “Jirrikjedi immaġinazzjoni preġudikata u marida biex temmen li x-​Xhieda taʼ Jehovah jippreżentaw xi theddida għal xi tmexxija politika; m’humiex sovversivi u jħobbu l-​paċi daqs kemm jistaʼ jkun grupp reliġjuż.” Fil-​ktieb tiegħu L’objection de conscience (Oġġezzjoni taʼ Kuxjenza), Jean-Pierre Cattelain jikteb: “Ix-​Xhieda huma perfettament sottomessi lejn l-​awtoritajiet u b’mod ġenerali jobdu l-​liġijiet; iħallsu t-​taxxi tagħhom u ma jipprovawx joġġezzjonaw, ibiddlu, jew iwaqqgħu lill-​gvernijiet, għax huma ma jikkonċernawx lilhom infushom bl-​affarijiet taʼ did-dinja.” Cattelain ikompli jżid li biss jekk l-​Istat jitlob il-​ħajjiet tagħhom, li huma ddedikaw kompletament lil Alla, ix-​Xhieda taʼ Jehovah jirrifjutaw li jobdu. F’dan huma jixbhu mill-​qrib lill-​Kristjani bikrin.​—Mark 12:17; Atti 5:29.

Mhux Mifhumin mill-​Klassijiet li Jmexxu

9. Rigward is-​separazzjoni mid-​dinja, liema hi differenza li tispikka bejn il-​Kristjani bikrin u l-​Kattoliċi taż-​żmien modern?

9 Il-​biċċa l-​kbira mill-​imperaturi Rumani fehmu ħażin lill-​Kristjani bikrin u ppersegwitawhom. Billi wriet għala, L-​Epistola lil Diognetus, maħsuba minn xi wħud li ilha mit-​tieni seklu E.K., tiddikjara: “Il-​Kristjani jabitaw fid-​dinja, imma m’humiex involuti fid-​dinja.” Mill-​banda l-​oħra, il-​Konċilju Vatikan it-​Tieni, fil-​Kostituzzjoni Dommatika tiegħu dwar il-​Knisja, stqarr li l-​Kattoliċi għandhom “ifittxu s-​saltna t’Alla billi jieħdu sehem f’affarijiet temporali” u “jaħdmu għat-​taqdis tad-​dinja minn ġewwa.”

10. (a) Il-​Kristjani bikrin kif kienu meqjusin mill-​klassijiet li jmexxu? (b) Ix-​Xhieda taʼ Jehovah taʼ spiss kif inhuma meqjusin, u x’inhi r-​reazzjoni tagħhom?

10 Il-​kittieb tal-​istorja E. G. Hardy jistqarr li l-​imperaturi Rumani kienu jqisu lil-​Kristjani bikrin bħala “entużjasti ftit jew wisq mistmerra.” L-​istoriku Franċiż Étienne Trocmé jitkellem dwar “l-​istmerrija li uffiċjali kolti Griegi u Rumani kellhom għal dik li raw bħala setta Orjentali stramba ħafna [il-​Kristjani].” Korrispondenza bejn Pliny iż-​Żgħir, gvernatur Ruman taʼ Bitinja, u l-​Imperatur Trajan turi li l-​klassijiet li jmexxu kienu b’mod ġenerali fl-​injoranza dwar in-​natura vera tal-​Kristjanità. Bl-​istess mod illum, ix-​Xhieda taʼ Jehovah taʼ spiss jiġu mifhuma ħażin u saħansitra jiġu mistmerrin mill-​klassijiet li jmexxu tad-​dinja. Madankollu, dan la jissorprendi u lanqas inikket lix-​Xhieda.​—Atti 4:13; 1 Pietru 4:​12, 13.

“Kullimkien Jitkellmu Kontra Tagħha”

11. (a) Liema affarijiet intqalu dwar il-​Kristjani bikrin, u x’intqal dwar ix-​Xhieda taʼ Jehovah? (b) Ix-​Xhieda taʼ Jehovah għala ma jipparteċipawx fil-​politika?

11 Dwar il-​Kristjani bikrin intqal: “Inkwantu għal din is-​setta huwa magħruf minna li kullimkien jitkellmu kontra tagħha.” (Atti 28:22) Fit-​tieni seklu E.K., Celsus li kien pagan qal li l-​Kristjanità kienet tappella biss għat-​tilqit tas-​soċjetà umana. B’mod simili ntqal dwar ix-​Xhieda taʼ Jehovah li “mill-​biċċa l-​kbira, huma ġejjin mill-​imċaħħdin fis-​soċjetà tagħna.” Il-​kittieb tal-​istorja tal-​Knisja Augustus Neander irrapporta li “l-​Kristjani kienu ppreżentati bħala rġiel mejtin għad-​dinja, u bla siwi għall-​affarijiet kollha tal-​ħajja; . . . u ġie mistoqsi, x’kien jiġri min-​negozju tal-​ħajja, li kieku kulħadd kien bħalhom?” Minħabba li x-​Xhieda taʼ Jehovah iżommu lura milli jipparteċipaw fil-​politika, huma wkoll taʼ spiss jiġu akkużati li huma bla siwi fis-​soċjetà umana. Imma kif jistgħu jkunu attivisti politiċi u fl-​istess ħin javvanzaw is-​Saltna t’Alla bħala l-​unika tama għall-​umanità? Ix-​Xhieda taʼ Jehovah idaħħlu f’qalbhom il-​kliem tal-​appostlu Pawlu: “Ħu sehemek f’li ssofri bħala suldat tajjeb taʼ Kristu Ġesù. Ebda suldat fis-​servizz ma jidħol fin-​nassa f’ġiri wara affarijiet ċivili, ladarba l-​mira tiegħu hi li jissodisfa lil dak li ngaġġah.”​—2 Timotew 2:​3, 4, Revised Standard Version, Edizzjoni Ekumenika.

12. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah f’liema aspett importanti tas-​separazzjoni jixbhu lill-​Kristjani bikrin?

12 Fil-​ktieb tiegħu A History of Christianity, il-​Professur K. S. Latourette jikteb: “Waħda mill-​kwistjonijiet li l-​Kristjani bikrin kienu differenti mid-​dinja Greko-Rumana kienet il-​parteċipazzjoni fil-​gwerra. Għall-​ewwel tliet sekli l-​ebda kitba Kristjana li baqgħet sa żmienna ma kienet taqbel mal-​parteċipazzjoni taʼ Kristjan fil-​gwerra.” Ix-​xogħol taʼ Edward Gibbon The History of the Decline and Fall of the Roman Empire jistqarr: “Kien impossibbli li l-​Kristjani, mingħajr ma jabbandunaw dover iżjed sagru, setgħu jassumu l-​karattru taʼ suldati, taʼ maġistrati, jew taʼ prinċpijiet.” Ix-​Xhieda taʼ Jehovah bl-​istess mod jaddottaw pożizzjoni taʼ newtralità stretta u jsegwu l-​prinċipji Bibliċi mniżżlin f’​Isaija 2:​2-4 u Mattew 26:52.

13. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah liema akkuża ssirilhom, imma l-​fatti x’juru?

13 Ix-​Xhieda taʼ Jehovah huma akkużati mill-​għedewwa tagħhom li huma jkissru l-​familji. Veru, hemm każi taʼ familji li jsiru maqsumin meta wieħed jew iżjed membri fosthom isiru Xhieda taʼ Jehovah. Ġesù ħabbar li dan kellu jiġri. (Luqa 12:​51-53) L-​istatistiċi, madankollu, juru li żwiġijiet li jitkissru minħabba din ir-​raġuni huma l-​eċċezzjoni. Fost ix-​Xhieda taʼ Jehovah fi Franza, per eżempju, koppja miżżewġa fi 3 tinkludi sieħeb jew sieħba fiż-​żwieġ li m’humiex Xhieda. Madankollu, ir-​rata taʼ divorzju fost dawn iż-​żwiġijiet fejn mhux it-​tnejn huma Xhieda m’hijiex ogħla mill-​medja nazzjonali. Għala? L-​appostli Pawlu u Pietru taw parir imnebbaħ għaqli lill-​Kristjani miżżewġin lil uħud li ma jemmnux, u x-​Xhieda taʼ Jehovah jipprovaw isegwu l-​kliem tagħhom. (1 Korintin 7:​12-16; 1 Pietru 3:​1-4) Jekk żwieġ bħal dan jitkisser, l-​inizzjattiva kważi dejjem tiġi mis-​sieħeb jew sieħba li m’humiex Xhieda. Mill-​banda l-​oħra, ħafna eluf taʼ żwiġijiet ġew salvati għaliex l-​imseħbin fiż-​żwieġ saru Xhieda taʼ Jehovah u bdew japplikaw prinċipji Bibliċi fil-​ħajjiet tagħhom.

Kristjani, Mhux Trinitarjani

14. Liema akkuża nġabet kontra l-​Kristjani bikrin, u din għala hi ironika?

14 Hija ħaġa ironika li fl-​Imperu Ruman, waħda mill-​akkużi li kienet tinġieb kontra l-​Kristjani bikrin kienet li huma kienu ateisti. Dr. Augustus Neander jikteb: “Dawk li jiċħdu lill-​allat, l-​ateisti, . . . kien l-​isem komuni li bih il-​Kristjani kienu mlaqqmin fost in-​nies.” Kemm hi ħaġa stramba li Kristjani, li kienu jqimu lill-​Ħallieq ħaj u mhux ħafna allat, għandhom jiġu mlaqqmin ateisti minn pagani li kienu jqimu “ebda allat, imma xogħol idejn il-​bniedem, injam u ġebel.”​—Isaija 37:19.

15, 16. (a) Xi reliġjonisti x’qalu dwar ix-​Xhieda taʼ Jehovah, imma dan x’mistoqsija jqajjem? (b) X’juri li x-​Xhieda taʼ Jehovah huma verament Kristjani?

15 Daqstant ironiku huwa l-​fatt li llum xi awtoritajiet fil-​Kristjaneżmu jiċħdu li x-​Xhieda taʼ Jehovah huma Kristjani. Għala? Għaliex ix-​Xhieda jirrifjutaw it-​Trinità. Skond id-​definizzjoni ppreġudikata tal-​Kristjaneżmu, “il-​Kristjani huma dawk li jaċċettaw lil Kristu bħala Alla.” F’kuntrast maʼ dan, dizzjunarju modern jiddefinixxi n-​nom “Kristjan” bħala “persuna li temmen f’Ġesù Kristu u li ssegwi t-​tagħlim tiegħu” u “Kristjanità” bħala “reliġjon li hi bbażata fuq it-​tagħlim taʼ Ġesù Kristu u t-​twemmin li hu kien l-​iben t’Alla.” Liema grupp jersaq l-​iktar fil-​qrib lejn din id-​definizzjoni?

16 Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jaċċettaw ix-​xiehda taʼ Ġesù stess dwar min hu. Hu jistqarr: “Jien l-​Iben t’Alla,” mhux, “Jien Alla l-​Iben.” (Ġwann 10:36; qabbel Ġwann 20:31.) Huma jaċċettaw l-​istqarrija mnebbħa tal-​appostlu Pawlu rigward Kristu: “Li, billi kien fil-​forma t’Alla, m’għaddx l-​ugwaljanza m’Alla xi ħaġa li trid tiġi maħtufa.”a (Filippin 2:​6, The New Jerusalem Bible) Il-​ktieb The Paganism in Our Christianity jistqarr: “Ġesù Kristu qatt ma semma dan il-​fenomenu [Trinità kougwali], u mkien fit-​Testment il-​Ġdid ma tidher il-​kelma ‘Trinità.’ L-​idea kienet addottata biss mill-​Knisja tliet mitt sena wara l-​mewt tal-​Mulej tagħna; u l-​oriġini tal-​kunċett hu għalkollox pagan.” Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jaċċettaw it-​tagħlim Bibliku dwar Kristu. Huma Kristjani, mhux Trinitarjani.

L-​Ebda Ekumeniżmu

17. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah għala ma jikkoperawx mal-​moviment ekumeniku, jew twemmin komuni?

17 Żewġ ilmenti oħra li jsiru kontra x-​Xhieda taʼ Jehovah huma li dawn jirrifjutaw li jieħdu sehem fil-​moviment ekumeniku u li huma jieħdu sehem f’dak li ġie msejjaħ “prożelitiżmu aggressiv.” Dawn iż-​żewġ akkużi saru wkoll lill-​Kristjani bikrin. Il-​Kristjaneżmu, bil-​komponenti Kattoliċi, Ortodossi, u Protestanti tiegħu, hu bla dubju parti minn did-dinja. Bħal Ġesù, ix-​Xhieda taʼ Jehovah “ma huma ebda parti mid-​dinja.” (Ġwann 17:14) Kif jistgħu huma jissieħbu permezz taʼ movimenti taʼ twemmin komuni maʼ organizzazzjonijiet reliġjużi li javvanzaw kondotta u twemmin mhux kristjani?

18. (a) Ix-​Xhieda taʼ Jehovah għala ma jistgħux jiġu kkritikati għax igħidu li huma biss jipprattikaw il-​vera reliġjon? (b) Waqt li jemmnu li huma għandhom ir-​reliġjon vera, il-​Kattoliċi x’ma jippossjedux?

18 Min jistaʼ ġustament jikkritika lix-​Xhieda taʼ Jehovah talli jemmnu, bħalma kienu jagħmlu l-​Kristjani bikrin, li huma biss qegħdin jipprattikaw il-​vera reliġjon? Saħansitra l-​Knisja Kattolika, fil-​waqt li bl-​ipokrezija tistqarr li qiegħda tikkopera mal-​moviment ekumeniku, tipproklama: “Aħna nemmnu li din ir-​reliġjon waħda vera tkompli teżisti fil-​Knisja Kattolika u Appostolika, li lilha l-​Mulej Ġesù fada l-​inkarigu li tifrixha fost il-​bnedmin kollha meta qal lill-​appostli: ‘Morru għalhekk u agħmlu dixxipli mill-​ġnus kollha.’” (Konċilju Vatikan II, “Dikjarazzjoni fuq Libertà Reliġjuża”) Milli jidher, iżda, dan it-​twemmin mhux suffiċjenti biex jimla lill-​Kattoliċi b’żelu li ma jintefiex f’li jmorru biex jagħmlu dixxipli.

19. (a) Ix-​Xhieda taʼ Jehovah x’inhuma determinati li jagħmlu, u b’liema mottiv? (b) X’se jiġi eżaminat fl-​artiklu li jmiss?

19 Ix-​Xhieda taʼ Jehovah għandhom żelu bħal dan. Huma determinati li jibqgħu jagħtu xiehda sakemm Alla jridhom jagħmlu dan. (Mattew 24:14) Il-​għoti taʼ xiehda tagħhom hu żeluż imma mhux aggressiv. Hu mqanqal mill-​imħabba għall-​proxxmu, mhux mill-​mibgħeda għall-​umanità. Huma jittamaw li jiġu salvati bnedmin daqs kemm hu possibbli. (1 Timotew 4:16) Bħall-​Kristjani bikrin, huma jipprovaw ‘iżommu l-​paċi mal-​bnedmin kollha.’ (Rumani 12:18) Kif jagħmlu dan se jiġi diskuss fl-​artiklu li jmiss.

[Nota taʼ taħt]

a Għal diskussjoni fuq din is-​silta f’konnessjoni mad-​domma tat-​Trinità, ara The Watchtower tal-​15 taʼ Ġunju, 1971, paġni 355-6.

Bħala Reviżjoni

◻ X’kien jikkaratterizza lill-​Kristjani bikrin, u x-​Xhieda taʼ Jehovah kif jixbhuhom?

◻ Ix-​Xhieda taʼ Jehovah f’liema aspetti juru li huma ċittadini tajbin?

◻ Il-​klassijiet li jmexxu kif kienu jħarsu lejn il-​Kristjani bikrin, u huwa differenti llum?

◻ Il-​konvinzjoni tax-​Xhieda li huma għandhom il-​verità xi tqanqalhom li jagħmlu?

[Stampi f’paġna 7]

Ix-​Xhieda taʼ Jehovah huma determinati li jkomplu jagħtu xiehda sakemm Alla jridhom jagħmlu dan

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja