LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 7/15 pp. 20-25
  • Huma Jkomplu Jimxu fil-Verità

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Huma Jkomplu Jimxu fil-Verità
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Verità u l-​Qima Kristjana
  • Persegwitati għall-​Ippridkar tal-​Verità
  • Il-​Verità u l-​Osservanzi Reliġjużi
  • Il-​Verità Mxandra mad-​Dinja Kollha
  • Il-​Verità u l-​Imġiba Persunali
  • Il-​Verità u l-​Awtoritajiet Superjuri
  • Il-​Verità—Rabta li Tgħaqqad
  • Imberkin Talli Jgħallmu l-​Verità
  • Il-Kristjani u s-Soċjetà Umana Llum
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Il-Kristjani Jqimu fl-Ispirtu u l-Verità
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Il-Kristjani Bikrin u d-Dinja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Kun Ċert li Għandek il-Verità
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 7/15 pp. 20-25

Huma Jkomplu Jimxu fil-​Verità

“Ngħid għalija, ma nafx b’ferħ akbar minn dak li nħoss meta nismaʼ li wliedi mexjin fil-​verità.”—3 Ġwann 4.

1. “Il-​verità taʼ l-​Evanġelju” fuqiex tiffoka?

JEHOVAH japprova biss lil dawk li jqimuh “fl-​ispirtu u l-​verità.” (Ġwann 4:24) Huma jobdu l-​verità billi jaċċettaw il-​ġabra sħiħa taʼ tagħlim Kristjan ibbażat fuq il-​Kelma t’Alla. Din “il-​verità taʼ l-​Evanġelju” tiffoka fuq Ġesù Kristu u l-​vindikazzjoni tas-​sovranità taʼ Jehovah permezz tas-​Saltna. (Galatin 2:14) Alla jħalli “qawwa qarrieqa” tmur fuq dawk li jippreferu l-​falzità, imma s-​salvazzjoni tiddependi milli wieħed ikollu fidi fl-​aħbar tajba u jimxi fil-​verità.—2 Tessalonikin 2:​9-​12; Efesin 1:​13, 14.

2 Il-proklamaturi tas-​Saltna huma ‘mseħbin flimkien fil-​ħidma għat-​tixrid tal-​verità.’ Bħall-​appostlu Ġwanni u ħabibu Gaju, huma jżommu sod mal-​verità u jimxu fiha. Hu u jaħseb f’Gaju, Ġwanni kiteb: “Ngħid għalija, ma nafx b’ferħ akbar minn dak li nħoss meta nismaʼ li wliedi mexjin fil-​verità.” (3 Ġwann 3-8) Veru li x-​xwejjaħ Ġwanni m’għallimx personalment il-​verità lil Gaju. Imma minħabba l-​età avanzata taʼ l-​appostlu, il-​maturità Kristjana, u l-​affezzjoni bħal taʼ missier, kien xieraq li dan ir-​raġel, li milli jidher kien iżgħar minnu, jitqies bħala wieħed mit-​tfal spiritwali taʼ Ġwanni.

Il-​Verità u l-​Qima Kristjana

3 Biex jitgħallmu l-​verità, il-​Kristjani tal-​bidu kienu jiltaqgħu bħala kongregazzjonijiet, u taʼ spiss fi djar privati. (Rumani 16:​3-5) Bħala riżultat irċivew inkuraġġiment u ħajru lil xulxin għall-​imħabba u għall-​għemil tajjeb. (Lhud 10:​24, 25) Rigward uħud li kienu jissejħu Kristjani fi żminijiet iktar tard, Tertuljanu (ċ.155–wara 220 E.K.) kiteb: “Aħna niltaqgħu biex naqraw il-​kotba t’Alla . . . B’dak il-​kliem qaddis insostnu l-​fidi tagħna, ngħollu t-​tama tagħna, nikkonfermaw il-​fiduċja tagħna.”—Apology, kapitlu 39.

4 Il-kant x’aktarx li kien parti mil-​laqgħat Kristjani tal-​bidu. (Efesin 5:19; Kolossin 3:16) Il-​professur Henry Chadwick jikteb li Ċelsu, kritiku tat-​tieni seklu, sab li l-​għanjiet x’aktarx melodjużi, li kienu jużaw uħud imsejħin Kristjani, “tant kienu sbieħ li hu fil-​fatt ħassu rritat bl-​effett li ħallew fuq l-​emozzjonijiet tiegħu.” Chadwick jgħid ukoll: “Klement taʼ Lixandra huwa l-​ewwel kittieb Kristjan li ddiskuta liema xorta taʼ mużika hija xierqa għall-​użu Kristjan. Hu jgħid li m’għandhiex tkun tat-​tip assoċjat mal-​mużika erotika taż-​żfin.” (The Early Church, paġni 274-5) Bħalma l-​ewwel Kristjani milli jidher kienu jkantaw meta jiltaqgħu flimkien, ix-​Xhieda taʼ Jehovah taʼ spiss ikantaw għanjiet ibbażati fuq il-​Bibbja li jinkludu innijiet qawwija li jfaħħru lil Alla u s-​Saltna.

5 Fil-kongregazzjonijiet Kristjani tal-​bidu, l-​indokraturi għallmu l-​verità, u l-​qaddejja ministerjali għenu lil sħabhom fit-​twemmin b’diversi modi. (Filippin 1:1) Ġemgħa li tiggverna li kienet tistrieħ fuq il-​Kelma t’Alla u l-​ispirtu qaddis ipprovdiet gwida spiritwali. (Atti 15:​6, 23-31) Ma kinux jintużaw titli reliġjużi għax Ġesù kien ikkmanda lid-​dixxipli tiegħu: “Tħallux min isejjħilkom Rabbi, għax l-​Imgħallem tagħkom wieħed hu, u intom ilkoll aħwa. U ssejjħu lil ħadd missierkom fuq din l-​art, għax il-​Missier tagħkom wieħed hu, dak li hu fis-​smewwiet.” (Mattew 23:​8, 9) F’din il-​ħaġa u f’ħafna affarijiet oħrajn, jeżisti xebh bejn il-​Kristjani tal-​bidu u x-​Xhieda taʼ Jehovah.

Persegwitati għall-​Ippridkar tal-​Verità

6 Għalkemm kienu jxandru l-​messaġġ paċifiku tas-​Saltna, il-​Kristjani tal-​bidu ġew persegwitati, bħalma kien persegwitat Ġesù. (Ġwann 15:20; 17:14) L-​istudjuż taʼ l-​istorja John L. von Mosheim sejjaħ lill-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu bħala grupp taʼ rġiel li l-​karattru tagħhom xejn ma joffendi u jagħmel id-​deni, li qatt ma rabbew xewqa jew ħsieb f’moħħhom biex jagħmlu ħsara lill-​istat. Dr. Mosheim qal li r-​Rumani kienu jħossuhom irritati mill-​Kristjani minħabba “s-​sempliċità tal-​qima tagħhom, li ma kienet tixbah xejn ir-​riti sagri taʼ nies oħra.” Hu żied: “Ma kellhom l-​ebda sagrifiċċju, tempju, xbieha, oraklu, jew ordni saċerdotali; u dan kien biżżejjed biex iġib fuqhom it-​tmaqdir tal-​ġemgħa injoranta, li kienet timmaġina li ma setax ikun hemm reliġjon mingħajr dawn [l-affarijiet]. B’hekk kienu jitqiesu bħala xorta taʼ atei; u, skond il-​liġijiet Rumani, dawk li kienu akkużati bl-​ateiżmu kienu dikjarati bħala l-​pesta tas-​soċjetà umana.”

7 Il-qassisin, il-​ħaddiema tas-​sengħa, u oħrajn li kienu jaqilgħu l-​għajxien tagħhom mill-​idolatrija xewxu lill-​popolin kontra l-​Kristjani, li ma kinux jieħdu sehem fi prattiċi idolatrużi. (Atti 19:​23-40; 1 Korintin 10:​14, Saydon) Tertuljanu kiteb: “Dawn jemmnu li l-​Kristjani huma l-​kaġun taʼ kull diżastru li jseħħ lill-​Istat, taʼ kull sfortuna tan-​nies. Jekk it-​Tiber tilħaq il-​ħitan, jekk in-​Nil ma tfurx sa l-​għelieqi, jekk is-​sema ma jiċċaqlaqx jew jekk l-​art tiċċaqlaq, jekk ikun hemm il-​ġuħ, jekk ikun hemm xi pesta, l-​għajta malajr tkun: ‘Il-​Kristjani f’ħalq l-​iljun!’” Ikunu xi jkunu l-​konsegwenzi, il-​Kristjani veri ‘jħarsu rwieħhom mill-​idoli.’—1 Ġwann 5:21.

Il-​Verità u l-​Osservanzi Reliġjużi

8 Dawk li mexjin fil-​verità jevitaw osservanzi mhux Skritturali għax ‘m’hemmx xirka bejn id-​dawl u d-​dlam.’ (2 Korintin 6:​14-18) Per eżempju, ma jiċċelebrawx il-​Milied li jinżamm fil-​25 taʼ Diċembru. “Ħadd ma jaf id-​data eżatta tat-​twelid taʼ Kristu,” tammetti The World Book Encyclopedia. The Encyclopedia Americana (Edizzjoni taʼ l-​1956) tgħid: “Is-​Saturnalja, festa Rumana ċelebrata f’nofs Diċembru, ipprovdiet il-​mudell għal ħafna mid-​drawwiet taʼ xalar fil-​Milied.” Is-​Cyclopædia taʼ M’Clintock u Strong tinnota: “L-​osservanza tal-​Milied m’hijiex maħtura [minn Alla], u lanqas ma toriġina mit-​T[estment] il-​Ġ[did].” U l-​ktieb Daily Life in the Time of Jesus josserva: “Il-​merħliet . . . kienu jqattgħu x-​xitwa fil-​kenn; u minn dan biss jistaʼ jidher li d-​data tradizzjonali għall-​Milied, fix-​xitwa, ma tantx hi korretta, peress li l-​Evanġelju jgħid li r-​rgħajja kienu fl-​għelieqi.”—Luqa 2:​8-11.

9 L-Għid (Easter) suppost ifakkar l-​irxoxt taʼ Kristu, imma sorsi taʼ min joqgħod fuqhom jgħidu li ġej mill-​qima falza. The Westminster Dictionary of the Bible jgħid li dan kien “oriġinalment il-​festa tar-​rebbiegħa f’ġieħ l-​alla mara Tewtonika tad-​dawl u r-​rebbiegħa magħrufa bl-​Anglo-Sassonu bħala Eastre,” jew Eostre. Hu x’inhu l-​każ, l-​Encyclopædia Britannica (il-11-il Edizzjoni) tgħid: “M’hemm l-​ebda indikazzjoni taʼ l-​osservanza tal-​festa taʼ l-​Għid [Easter] fit-​Testment il-​Ġdid.” Il-​Kristjani tal-​bidu ma kinux josservaw l-​Għid u l-​poplu taʼ Jehovah illum ma jiċċelebrawhx.

10 Ġesù la ordna lis-​segwaċi tiegħu biex ifakkru t-​twelid tiegħu u lanqas l-​irxoxt tiegħu, imma stabbilixxa l-​Mafkar tal-​mewt tiegħu bħala sagrifiċċju. (Rumani 5:8) Tabilħaqq, din hija l-​unika ġrajja li ordna lid-​dixxipli tiegħu biex josservaw. (Luqa 22:​19, 20) Ix-​Xhieda taʼ Jehovah għadhom josservaw din il-​ġrajja taʼ kull sena, imsejħa wkoll l-​Ikla taʼ Fil-​Għaxija tal-​Mulej.—1 Korintin 11:​20-26.

Il-​Verità Mxandra mad-​Dinja Kollha

11 Dawk li jafu l-​verità jqisuh bħala privileġġ li jiddedikaw il-​ħin, l-​enerġija, u riżorsi oħrajn tagħhom fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba. (Mark 13:10) L-​attività taʼ l-​ippridkar tal-​Kristjani tal-​bidu kienet appoġġata minn donazzjonijiet volontarji. (2 Korintin 8:12; 9:7) Tertuljanu kiteb: “Anki jekk ikun hemm xi tip taʼ kaxxa, din ma jkunx fiha flus mogħtijin bħala ħlas tad-​dħul, bħallikieku r-​reliġjon kienet kwistjoni taʼ [ftehim tan-​negozju]. Kull raġel iġib [xi ħaġa tal-​flus] darba fix-​xahar—jew kulmeta jkun jixtieq, u biss jekk ikun jixtieq, u jekk jistaʼ; għax ħadd m’hu mġiegħel; hija offerta volontarja.”—Apology, kapitlu 39.

12 Ix-xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna li jagħmlu x-​Xhieda taʼ Jehovah mad-​dinja kollha wkoll huwa appoġġat minn donazzjonijiet volontarji. Minbarra x-​Xhieda, nies interessati li juru gratitudni jqisuh bħala privileġġ li jappoġġaw din l-​attività bil-​kontribuzzjonijiet tagħhom. F’dan ukoll, hemm xebh bejn l-​ewwel Kristjani u x-​Xhieda taʼ Jehovah.

Il-​Verità u l-​Imġiba Persunali

13 Bħala wħud mexjin fil-​verità, il-​Kristjani tal-​bidu obdew il-​parir taʼ l-​appostlu Pietru: “Ġibu rwieħkom sewwa qalb il-​pagani biex, jekk huma jgħidu fuqkom bħallikieku kontu nies ħżiena, jaraw sewwa l-​għemil tajjeb tagħkom u jsebbħu ’l Alla meta jasal jum iż-​żjara tiegħu.” (1 Pietru 2:12) Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jiħduh bis-​serjetà dan il-​kliem.

14 Saħansitra wara li daħlet l-​apostasija, l-​hekk imsejħa Kristjani evitaw attivitajiet immorali. W. D. Killen, professur taʼ l-​istorja ekkleżjastika, kiteb: “Fit-​tieni u t-​tielet seklu t-​teatru kien iċ-​ċentru t’attrazzjoni; u filwaqt li l-​atturi ġeneralment kienu persuni immorali ħafna, [ir-reċtar] tagħhom kien jissodisfa kontinwament il-​ġibdiet baxxi taʼ dak il-​perijodu. . . . Il-​Kristjani veri kollha qiesu dan it-​teatru bħala diżgustanti. . . . Kienu jitqażżu l-​oxxenità li ssir fih; u l-​fatt li kontinwament kienu jiġu msejħin l-​allat pagani kien taʼ insult għall-​konvinzjonijiet reliġjużi tagħhom.” (The Ancient Church, paġni 318-​19) Is-​segwaċi veri taʼ Ġesù llum ukoll jevitaw forom taʼ divertiment li jkunu oxxeni u baxxi moralment.—Efesin 5:​3-5.

Il-​Verità u l-​Awtoritajiet Superjuri

15 Minkejja l-​imġiba tajba tal-​Kristjani tal-​bidu, il-​biċċa l-​kbira mill-​imperaturi Rumani kellhom opinjoni ħażina dwarhom. L-​istudjuż taʼ l-​istorja E. G. Hardy jgħid li l-​imperaturi kienu jqisuhom bħala fanatiċi taʼ min jistmerrhom. Xi ittri bejn il-​Gvernatur Plinju ż-​Żgħir taʼ Bitinja u l-​Imperatur Trajanu juru li l-​mexxejja ġeneralment ma kinux jafu x’kienet verament il-​Kristjanità. Il-​Kristjani kif iqisuh l-​Istat?

16 Bħas-segwaċi taʼ Ġesù tal-​bidu, ix-​Xhieda taʼ Jehovah huma f’sottomissjoni relattiva lejn l-​awtoritajiet superjuri governattivi. (Rumani 13:​1-7) Jekk dak li jitlob il-​bniedem ma jkunx jaqbel mar-​rieda divina, huma jieħdu l-​waqfa: “Jeħtieġ nobdu aktar lil Alla milli l-​bnedmin.” (Atti 5:29) Il-​ktieb After Jesus—The Triumph of Christianity jgħid: “Filwaqt li forsi l-​Kristjani ma ħadux sehem fil-​qima taʼ l-​imperatur, huma ma kinux xewwiexa, u r-​reliġjon tagħhom, waqt li kienet stramba u kultant offensiva mill-​ħarsa pagana, ma kienet taʼ l-​ebda theddida għall-​imperu.”

17 Il-Kristjani tal-​bidu kienu avukati tas-​Saltna t’Alla, saħansitra bħalma l-​patrijarki Abraham, Iżakk, u Ġakobb eżerċitaw fidi f’dik il-​belt imwiegħda, ‘belt li bnieha Alla.’ (Lhud 11:​8-10) Bħal Sidhom, id-​dixxipli taʼ Ġesù ‘ma kinux tad-​dinja.’ (Ġwann 17:​14-16) U fejn għandhom x’jaqsmu l-​gwerer u l-​mibegħda fost il-​bnedmin, huma fittxew il-​paċi billi ‘bidlu x-​xwabel tagħhom f’sikek tal-​moħriet.’ (Isaija 2:4) Hu u jinnota xebh simili, Geoffrey F. Nuttall, għalliem taʼ l-​istorja tal-​knisja, ikkummenta: “L-​attitudni tal-​Kristjani tal-​bidu lejn il-​gwerra kienet tixbah lil dik tan-​nies li jsejħu lilhom infushom Xhieda taʼ Jehovah avolja huwa diffiċli għalina biex nammettu dan.”

18 Bħala individwi newtrali li kienu sottomessi lejn l-​awtoritajiet superjuri, il-​Kristjani tal-​bidu ma kinux taʼ theddida għall-​gruppi politiċi, u lanqas m’huma x-​Xhieda taʼ Jehovah. Kittieb taʼ l-​editorjal fl-​Amerika taʼ Fuq kiteb li jekk wieħed jemmen li x-​Xhieda taʼ Jehovah huma taʼ theddida għal xi gvern politiku fil-​poter irid veru jkollu immaġinazzjoni preġudikata u suspettuża. Dan qal ukoll li huma ma jipprovawx iwaqqgħu lil xi gvern u li huma nies li jħobbu l-​paċi, bħalma tistenna minn grupp reliġjuż mill-​aqwa. Awtoritajiet b’moħħhom miftuħ jafu li m’għandhomx għalfejn jibżgħu mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

19 Mod wieħed kif il-​Kristjani tal-​bidu wrew rispett lejn l-​awtoritajiet superjuri kien billi ħallsu t-​taxxi tagħhom. Ġustinu Martri, hu u jikteb lill-​Imperatur Ruman Antoninu Piju (138-​161 E.K.), qal li kien jemmen li l-​Kristjani huma l-​iktar nies li lesti li jħallsu t-​taxxi tagħhom. (First Apology, kapitlu 17) U Tertuljanu qal lill-​mexxejja Rumani li l-​kolletturi tat-​taxxi tagħhom kellhom għalfejn ikunu “grati lejn il-​Kristjani” għall-​fatt li kienu jħallsu t-​taxxi tagħhom bir-​reqqa. (Apology, kapitlu 42) Il-​Kristjani bbenefikaw mill-​Pax Romana, jew il-​Paċi Rumana, bil-​liġi u l-​ordni tagħha, it-​toroq tajbin, u l-​ivvjaġġar bil-​baħar kważi bla periklu. Huma għarfu li kienu obbligati lejn is-​soċjetà, u obdew kliem Ġesù: “Agħtu lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari, u lil Alla dak li hu taʼ Alla.” (Mark 12:17) In-​nies taʼ Jehovah illum isegwu dan il-​parir u ġew imfaħħrin għall-​onestà tagħhom, bħal per eżempju fil-​ħlas tat-​taxxi.—Lhud 13:18.

Il-​Verità—Rabta li Tgħaqqad

20 Peress li mxew fil-​verità, il-​Kristjani tal-​bidu kienu magħqudin flimkien fi fratellanza paċifika, bħalma huma x-​Xhieda taʼ Jehovah illum. (Atti 10:​34, 35) Ittra stampata f’The Moscow Times qalet: “[Ix-Xhieda taʼ Jehovah huma] magħrufin ħafna bħala nies ħelwin, qalbhom tajba, u ġwejdin li faċli tingwalaha magħhom, qatt ma jagħmlu pressjoni fuq nies oħra u dejjem ifittxu l-​paċi fir-​relazzjoni tagħhom m’oħrajn . . . M’hemm ħadd fosthom li jxaħħam, jisker jew għandu l-​vizzju tad-​drogi, u r-​raġuni hi sempliċi ħafna: Huma sempliċement jipprovaw li f’kulma jagħmlu jew jgħidu jiġu gwidati mill-​konvinzjonijiet tagħhom ibbażati fuq il-​Bibbja. Kieku n-​nies kollha tad-​dinja għallinqas jipprovaw jgħixu skond il-​Bibbja kif jagħmlu x-​Xhieda taʼ Jehovah, id-​dinja krudili tagħna tkun assolutament differenti.”

21 L-Encyclopedia of Early Christianity tgħid: “Il-​knisja tal-​bidu qieset lilha nfisha bħala umanità ġdida waħda, li fiha gruppi li qabel kienu għedewwa, Lhud u Ġentili, setgħu jgħixu [magħqudin] fil-​paċi.” Ix-​Xhieda taʼ Jehovah ukoll huma fratellanza internazzjonali li tħobb il-​paċi—verament soċjetà tad-​dinja l-​ġdida. (Efesin 2:​11-​18; 1 Pietru 5:9; 2 Pietru 3:​13) Meta l-​uffiċjal responsabbli mis-​sigurtà tal-​Pretoria Show Grounds fl-​Afrika t’Isfel ra kif ix-​Xhieda minn kull razza ltaqgħu hemmhekk fil-​paċi bħala delegati tal-​konvenzjoni, hu qal: “Kulħadd dħuli, in-​nies ikellmu lil xulxin bil-​ħlewwa, l-​attitudni li ntweriet fil-​ġranet li għaddew—dan kollu jixhed għall-​kalibru tal-​membri tas-​soċjetà tagħkom, u li kulħadd jgħix flimkien bħala familja waħda ferħana.”

Imberkin Talli Jgħallmu l-​Verità

22 Bl-imġiba u l-​attività taʼ l-​ippridkar tagħhom Pawlu u Kristjani oħrajn kienu qed ‘juru l-​verità kollha.’ (2 Korintin 4:2) Ma taqbilx li x-​Xhieda taʼ Jehovah qed jagħmlu l-​istess u qed jgħallmu l-​verità lill-​ġnus kollha? Għadd li dejjem jiżdied taʼ nies mad-​dinja kollha qed jilqaʼ l-​qima vera u qed jiġi bil-​kotra lejn “l-​għolja tad-​dar” taʼ Jehovah. (Isaija 2:​2, 3) Kull sena, eluf jitgħammdu b’simbolu tad-​dedikazzjoni tagħhom lil Alla, u b’hekk jifformaw ħafna kongregazzjonijiet ġodda.

23 Għalkemm ġejjin minn ambjenti differenti, in-​nies taʼ Jehovah huma magħqudin fil-​qima vera. L-​imħabba li juru tidentifikahom bħala dixxipli taʼ Ġesù. (Ġwann 13:35) Tistaʼ tara li Alla tassew qiegħed f’nofshom? (1 Korintin 14:25) Ħadt int il-​waqfa tiegħek maʼ dawk li qed jgħallmu l-​verità lill-​ġnus kollha? Jekk inhu hekk, jalla turi gratitudni dejjiema għall-​verità u jkollok il-​privileġġ li timxi fiha għal dejjem.

Int Kif Twieġeb?

• Bil-mod kif iqimu, liema xebh jeżisti bejn il-​Kristjani tal-​bidu u x-​Xhieda taʼ Jehovah?

• Liema hi l-​unika osservanza reliġjuża li jżommu dawk li mexjin fil-​verità?

• Min huma l-​awtoritajiet superjuri, u l-​Kristjani kif iqisuhom?

• Il-verità kif inhi rabta li tgħaqqad?

2. L-​appostlu Ġwanni għal liema ħaġa kien ferħan b’mod speċjali, u x’tip taʼ relazzjoni kien hemm bejnu u bejn Gaju?

3. X’kien l-​iskop u l-​benefiċċju tal-​laqgħat li kellhom il-​Kristjani tal-​bidu?

4. Il-​kant liema rwol kellu u għad għandu fil-​laqgħat Kristjani?

5. (a) Id-direzzjoni spiritwali kif kienet provduta fil-​kongregazzjonijiet Kristjani tal-​bidu? (b) Il-​Kristjani veri kif applikaw kliem Ġesù mniżżel f’Mattew 23:​8, 9?

6, 7. Għalkemm ixandru messaġġ paċifiku, il-​Kristjani veri kif ġew trattati?

8. Dawk mexjin fil-​verità għala ma jiċċelebrawhx il-​Milied?

9. Il-​qaddejja taʼ Jehovah fil-​passat u fil-​preżent għala evitaw iċ-​ċelebrazzjonijiet taʼ l-​Għid?

10. Ġesù liema osservanza stabbilixxa, u min baqaʼ josservaha kif suppost?

11, 12. Dawk mexjin fil-​verità kif dejjem appoġġaw l-​attività tagħhom taʼ l-​ippridkar?

13. Rigward l-​imġiba tagħhom, ix-​Xhieda taʼ Jehovah jobdu liema parir taʼ Pietru?

14. X’inhi l-​ħarsa tal-​Kristjani lejn id-​divertiment immorali?

15, 16. Min huma l-​awtoritajiet superjuri, u kif ilhom jitqiesu minn dawk mexjin fil-​verità?

17. (a) Il-Kristjani tal-​bidu taʼ liema gvern kienu avukati? (b) Is-​segwaċi veri taʼ Kristu kif applikaw il-​kliem taʼ Isaija 2:4 f’ħajjithom?

18. Għala l-​ebda gvern m’għandu għalfejn jibżaʼ mix-​Xhieda taʼ Jehovah?

19. Rigward it-​taxxi, x’jistaʼ jingħad dwar il-​Kristjani tal-​bidu u x-​Xhieda taʼ Jehovah?

20, 21. Fejn tidħol il-​fratellanza paċifika, x’jistaʼ jingħad kemm dwar il-​Kristjani tal-​bidu u kemm dwar il-​qaddejja taʼ Jehovah fi żmienna?

22. X’qed jiġri peress li l-​Kristjani juru l-​verità lil ħaddieħor?

23. Kif tqishom lil dawk li qed jgħallmu l-​verità lill-​ġnus kollha?

[Stampa f’paġna 21]

Il-​laqgħat Kristjani minn dejjem kienu barka għal dawk mexjin fil-​verità

[Stampi f’paġna 23]

Ġesù kkmanda lis-​segwaċi tiegħu biex josservaw il-​Mafkar tal-​mewt tiegħu bħala sagrifiċċju

[Stampa f’paġna 24]

Bħall-​Kristjani tal-​bidu, ix-​Xhieda taʼ Jehovah juru rispett lejn l-​awtoritajiet superjuri

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja