Il-Kristjani Jqimu fl-Ispirtu u l-Verità
“Alla huwa spirtu, u dawk li jadurawh għandhom jadurawh fl-ispirtu u l-verità.”—Ġwann 4:24.
1. X’tip taʼ qima togħġob lil Alla?
L-IBEN uniġenitu taʼ Jehovah, Ġesù Kristu, ma ħalla l-ebda dubju dwar liema qima togħġob lil Missieru tas-sema. Darba minnhom, Ġesù ltaqaʼ maʼ mara Samaritana ħdejn bir qrib il-belt taʼ Sikar. Waqt li kien qed jagħtiha xiehda li tferraħ il-qalb, Ġesù qal: “Intom taduraw lil dak li ma tafux; aħna naduraw lil dak li nafu, għax is-salvazzjoni ġejja mil-Lhud. Imma tiġi siegħa, anzi issa hi, meta dawk li tassew jaduraw jibdew jaduraw lill-Missier fl-ispirtu u l-verità. Għax il-missier ukoll, nies bħal dawn ifittex li jadurawh. Alla huwa spirtu, u dawk li jadurawh għandhom jadurawh fl-ispirtu u l-verità.” (Ġwann 4:22-24) Kif għandna nifhmuh dan il-kliem?
2. Is-Samaritani fuqiex ibbażaw il-qima tagħhom?
2 Is-Samaritani kellhom ideat reliġjużi foloz. Huma aċċettaw biss l-ewwel ħames kotba taʼ l-Iskrittura Mqaddsa bħala li huma ispirati—u dawn aċċettawhom biss skond it-traduzzjoni tagħhom, magħrufa bħala l-Pentatewku Samaritan. Filwaqt li s-Samaritani ma kinux jafu lil Alla tassew, il-Lhud kienu ġew fdati bl-għarfien Skritturali. (Rumani 3:1, 2) Għalhekk kien possibbli għal-Lhud leali u oħrajn li jgawdu l-favur taʼ Jehovah. Imma dan x’kien jirrikjedi minnhom?
3. X’inhu meħtieġ sabiex inqimu lil Alla “fl-ispirtu u l-verità”?
3 Biex jogħġbu lil Jehovah, x’kellhom jagħmlu l-Lhud, is-Samaritani, u oħrajn li għexu fil-passat? Kellhom iqimuh “fl-ispirtu u l-verità.” Hekk ukoll aħna. Veru li s-servizz lil Alla għandu jsir b’ċertu spirtu, jiġifieri biż-żelu, u mqanqal minn qalb mimlija mħabba u fidi. Imma li nqimu lil Alla fl-ispirtu jirrikjedi b’mod speċjali li jkollna l-ispirtu qaddis tiegħu fuqna u nħalluh jiggwidana. Permezz taʼ l-istudju u l-applikar tal-Kelma t’Alla, l-ispirtu tagħna, jiġifieri l-attitudni mentali tagħna, irid jiġi fi qbil maʼ tiegħu. (1 Korintin 2:8-12) Biex il-qima tagħna tkun aċċettata minn Jehovah, trid ukoll tingħata fil-verità. Trid tkun fi qbil maʼ dak li l-Kelma t’Alla, il-Bibbja, turi dwaru u dwar l-iskopijiet tiegħu.
Il-Verità Tistaʼ Tinstab
4. Xi wħud kif iqisuha l-verità?
4 Ċerti studenti tal-filosofija ħarġu bl-idea li l-bnedmin qatt ma jistgħu jsiru jafu l-verità assoluta. Fil-fatt, il-kittieb Svediż Alf Ahlberg kiteb: “Ħafna mistoqsijiet filosofiċi huma taʼ natura li ma tistax tingħata tweġiba definita għalihom.” Għalkemm xi wħud jgħidu li hemm biss verità relattiva, huwa dan minnu? Le, skond Ġesù Kristu m’huwiex.
5. Ġesù għala ġie fid-dinja?
5 Ejja nimmaġinaw li konna fost dawk li raw din ix-xena: Ninsabu fil-bidu tas-sena 33 E.K., u Ġesù qiegħed bil-wieqfa quddiem il-Gvernatur Ruman Ponzju Pilatu. Ġesù jgħid lil Pilatu: “Għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità.” Pilatu jistaqsi: “U l-verità x’inhi?” Imma hu ma joqgħodx jistenna biex Ġesù jkompli jikkummenta dwar dan.—Ġwann 18:36-38.
6. (a) Liema tifsira ngħatat għall-kelma “verità”? (b) Liema inkarigu ta Ġesù lis-segwaċi tiegħu?
6 Ċertu dizzjunarju jgħid li l-kelma “verità” tfisser ġabra t’affarijiet, ġrajjiet, u fatti veri. Madankollu, xehed Ġesù għall-verità b’mod ġenerali? Le. Hu kellu verità speċifika f’moħħu. Hu inkariga lis-segwaċi tiegħu biex jiddikjaraw din il-verità, għax qalilhom: “Agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u taʼ l-Iben u taʼ l-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.” (Mattew 28:19, 20) Qabel tmiem din is-sistema t’affarijiet, is-segwaċi veri taʼ Ġesù kellhom jiddikjaraw “il-verità taʼ l-Evanġelju” maʼ l-art kollha. (Mattew 24:3; Galatin 2:14) Dan kellu jsir biex jitwettaq kliem Ġesù: “Dan l-Evanġelju tas-Saltna jixxandar fid-dinja kollha, biex il-ġnus kollha jkollhom xhieda. Mbagħad jiġi t-tmiem.” (Mattew 24:14) Għalhekk, huwa vitali li nidentifikaw min huma dawk li qed jgħallmu l-verità lill-ġnus kollha billi jippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna.
Kif Nistgħu Nitgħallmu l-Verità
7. Kieku int kif tagħti prova li Jehovah huwa s-Sors tal-verità?
7 Jehovah huwa s-Sors tal-verità spiritwali. Fil-fatt, is-salmista David sejjaħ lil Jehovah “Alla tas-sewwa.” (Salm 31:6 [31:5, NW]; 43:3) Ġesù għaraf li l-kelma taʼ Missieru hi verità, u qal ukoll: “Hemm miktub fil-Profeti, ‘U kulħadd ikun mgħallem minn Alla.’ Mela kull min jismaʼ lill-Missier u jitgħallem minnu jiġi għandi.” (Ġwann 6:45; 17:17; Isaija 54:13) Mela, jidher ċar li dawk li qed ifittxu l-verità għandhom jiġu mgħallmin minn Jehovah, l-Istruttur Grandjuż. (Isaija 30:20, 21) Uħud bħal dawn għandhom bżonn jiksbu “t-tagħrif taʼ Alla.” (Proverbji 2:5) U Jehovah b’imħabba għallem jew wassal il-verità b’diversi modi.
8. Alla b’liema modi għallem jew wassal il-verità?
8 Per eżempju, Alla uża l-anġli biex iwassal il-Liġi lill-Iżraelin. (Galatin 3:19) Fil-ħolm, hu wiegħed barkiet lill-patrijarki Abraham u Ġakobb. (Ġenesi 15:12-16; 28:10-19) Alla saħansitra tkellem mis-sema, bħal meta tgħammed Ġesù u fuq l-art instemaʼ dan il-kliem eċċitanti: “Dan hu Ibni l-għażiż: fih sibt l-għaxqa tiegħi.” (Mattew 3:17) Nistgħu wkoll inkunu grati li Alla wassal il-verità billi nebbaħ lill-kittieba tal-Bibbja. (2 Timotju 3:16, 17) Billi nitgħallmu mill-Kelma t’Alla, imbagħad, jistaʼ jkollna “l-fidi fil-verità.”—2 Tessalonikin 2:13.
Il-Verità u l-Iben t’Alla
9. Alla kif uża lil Ibnu biex jgħarraf il-verità?
9 Alla b’mod speċjali uża lil Ibnu, Ġesù Kristu, biex jgħarraf il-verità lill-bnedmin. (Lhud 1:1-3) Fil-fatt, Ġesù tkellem il-verità b’mod li l-ebda bniedem ieħor ma tkellimha. (Ġwann 7:46) Anki wara li telaʼ s-sema, hu għarraf il-verità mogħtija minn Missieru. Per eżempju, l-appostlu Ġwanni rċieva “r-Rivelazzjoni taʼ Ġesù Kristu li tahielu Alla biex jgħarraf lill-qaddejja tiegħu b’dak li għandu jiġri ma jdumx.”—Apokalissi 1:1-3.
10, 11. (a) Il-verità li xehed għaliha Ġesù maʼ xiex għandha x’taqsam? (b) Ġesù kif għamel il-verità ssir realtà?
10 Ġesù qal lil Ponzju Pilatu li Hu kien ġie fuq l-art biex jixhed għall-verità. Matul il-ministeru tiegħu, Ġesù wera li din il-verità kellha x’taqsam mal-vindikazzjoni tas-sovranità taʼ Jehovah permezz tas-Saltna t’Alla bi Kristu bħala s-Sultan. Imma biex jixhed għall-verità Ġesù kellu jagħmel iktar milli jippriedka u jgħallem. Ġesù għamel dik il-verità ssir realtà billi wettaqha. Fi qbil maʼ dan, l-appostlu Pawlu kiteb: “Ħadd ma għandu jiġġudikakom fuq ikel u xorb, fuq festi u jiem taʼ qamar ġdid, u fuq sibtijiet: dawn huma dell tal-ħwejjeġ li għandhom jiġu, imma r-realtà hija Kristu.”—Kolossin 2:16, 17.
11 Mod wieħed kif il-verità saret realtà kien bit-twelid imbassar taʼ Ġesù f’Betlehem. (Mikea 5:1 [5:2, NW]; Luqa 2:4-11) Il-verità wkoll saret realtà meta twettaq il-kliem profetiku taʼ Danjel dwar id-dehra tal-Messija fi tmiem id-69 ‘ġimgħa taʼ snin.’ Dan seħħ meta Ġesù ppreżenta lilu nnifsu lil Alla fil-magħmudija u ġie midluk bl-ispirtu qaddis, eżatt skond iż-żmien imbassar, fid-29 E.K. (Danjel 9:25; Luqa 3:1, 21, 22) Iżjed minn hekk, il-verità saret realtà bil-ministeru istruttiv taʼ Ġesù bħala proklamatur tas-Saltna. (Isaija 8:23 [9:1, NW]; 9:1, 5, 6 [9:2, 6, 7, NW]; 61:1, 2; Mattew 4:13-17; Luqa 4:18-21) Din saret ukoll realtà permezz tal-mewt u l-irxoxt tiegħu.—Salm 16:8-11; Isaija 53:5, 8, 11, 12; Mattew 20:28; Ġwann 1:29; Atti 2:25-31.
12. Ġesù għala setaʼ jgħid, ‘Jiena hu l-Verità’?
12 Peress li l-verità kienet tiffoka fuq Ġesù Kristu, hu setaʼ jgħid: “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.” (Ġwann 14:6) In-nies jinħelsu spiritwalment meta jmorru fuq in-naħa tal-verità billi jaċċettaw l-irwol taʼ Ġesù fl-iskop t’Alla. (Ġwann 8:32-36; 18:37) Minħabba li wħud bħal nagħaġ jaċċettaw il-verità u jsegwu lil Kristu bil-fidi, se jirċievu l-ħajja taʼ dejjem.—Ġwann 10:24-28.
13. F’liema tliet aspetti se neżaminaw il-verità Skritturali?
13 Il-ġabra taʼ verità li wasslu Ġesù u d-dixxipli ispirati tiegħu tifforma t-twemmin jew il-fidi Kristjana vera. B’hekk, dawk li “joqogħdu għall-fidi” jibqgħu “mexjin fil-verità.” (Atti 6:7; 3 Ġwann 3, 4) Mela llum, min qed jimxi fil-verità? Min tassew qed jgħallem il-verità lill-ġnus kollha? Biex inwieġbu mistoqsijiet bħal dawn, se niffokaw fuq il-Kristjani tal-bidu u neżaminaw il-verità Skritturali konnessa maʼ (1) l-affarijiet li jifformaw it-twemmin, (2) il-mod kif tingħata l-qima, u (3) l-imġiba persunali.
Il-Verità u l-Affarijiet li Jifformaw it-Twemmin
14, 15. X’taħseb dwar l-attitudni li kellhom il-Kristjani tal-bidu u li għandhom ix-Xhieda taʼ Jehovah lejn l-Iskrittura?
14 Il-Kristjani tal-bidu kienu jirrispettawha ħafna lKelma miktuba taʼ Jehovah. (Ġwann 17:17) Kienet tipprovdi l-livell tagħhom rigward x’jemmnu u x’jipprattikaw. Klement taʼ Lixandra tat-tieni u t-tielet seklu qal: “Dawk li qed jaħdmu iebes għall-[kwalità mill-aqwa] m’humiex se jieqfu fit-tfittxija tagħhom għall-verità, sakemm ikunu kisbu prova taʼ dak li jemmnu mill-Iskrittura stess.”
15 Bħall-Kristjani tal-bidu, ix-Xhieda taʼ Jehovah għandhom rispett kbir lejn il-Bibbja. Huma jemmnu li “l-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla, u tiswa biex wieħed jgħallem.” (2 Timotju 3:16) Mela ejja nikkunsidraw xi ftit mill-affarijiet li kienu jemmnu l-Kristjani tal-bidu waqt li nqisu dak li l-qaddejja taʼ Jehovah fi żmienna tgħallmu għax jużaw il-Bibbja bħala l-ktieb prinċipali biex jimxu fuqu.
Il-Verità dwar ir-Ruħ
16. X’inhi l-verità dwar ir-ruħ?
16 Peress li kienu jemmnu dak li tgħid l-Iskrittura, l-ewwel Kristjani għallmu l-verità dwar ir-ruħ. Kienu jafu li l-“bniedem . . . sar ruħ ħajja” meta Alla ħalqu. (1 Korintin 15:45) Iktar minn hekk, huma għarfu li r-ruħ umana tmut. (Eżekjel 18:4, KŻ; Ġakbu 5:20) Kienu jafu wkoll li “l-mejtin ma jafu xejn.”—Koħèlet 9:5, 10.
17. Kif tispjegaha t-tama li hemm għall-mejtin?
17 Madankollu, id-dixxipli taʼ Ġesù tal-bidu kellhom it-tama ċerta li l-mejtin li jinsabu fil-memorja t’Alla kellhom jiġu rxoxtati, jew jingħataw il-ħajja mill-ġdid. Dan it-twemmin esprimieh tajjeb Pawlu, li ddikjara: “[Jien] nittama f’Alla . . . li kemm it-tajbin u kemm il-ħżiena għad iqumu minn bejn l-imwiet.” (Atti 24:15) Anki iktar tard, Minuċju Feliċ li kien jistqarr li hu Kristjan kiteb: “Min hu daqshekk stupidu jew bla sens li jipprova jsostni li l-bniedem, li oriġinalment sawru Alla, ma jistax isir mill-ġdid [minn Alla]?” Bħall-Kristjani tal-bidu, ix-Xhieda taʼ Jehovah iżommu mal-verità Skritturali dwar ir-ruħ umana, il-mewt, u l-irxoxt. Issa ejja nikkunsidraw l-identità t’Alla u taʼ Kristu.
Il-Verità u t-Trinità
18, 19. Għala jistaʼ jingħad li t-Trinità m’hijiex tagħlim Skritturali?
18 Il-Kristjani tal-bidu ma kinux iqisu lil Alla, Kristu, u l-ispirtu qaddis bħala Trinità. The Encyclopædia Britannica tgħid: “La l-kelma Trinità u lanqas id-duttrina [speċifika] ma jidhru fit-Testment il-Ġdid, u lanqas Ġesù u s-segwaċi tiegħu ma kellhom l-intenzjoni li jikkontradixxu x-Xemaʼ [talba Lhudija] fit-Testment il-Qadim: ‘Ismaʼ, O Iżrael: Il-Mulej Alla tagħna hu Mulej wieħed’ (Dewt. 6:4).” Il-Kristjani ma qimux it-trijade Rumana jew xi allat oħra. Huma aċċettaw l-istqarrija taʼ Ġesù li Jehovah biss irid jiġi meqjum. (Mattew 4:10) Iktar minn hekk, kienu jemmnu l-kliem taʼ Kristu: “Il-Missier hu akbar minni.” (Ġwann 14:28) Ix-Xhieda taʼ Jehovah illum iqisu l-affarijiet bl-istess mod.
19 Is-segwaċi taʼ Ġesù tal-bidu kienu jagħmlu distinzjoni ċara bejn Alla, Kristu, u l-ispirtu qaddis. Fil-fatt, huma għammdu lid-dixxipli (1) f’isem il-Missier, (2) f’isem l-Iben, u (3) f’isem l-ispirtu qaddis, mhux f’isem xi Trinità. B’mod simili, ix-Xhieda taʼ Jehovah jgħallmu l-verità Skritturali, u għalhekk jagħmlu differenza bejn Alla, l-Iben, u l-ispirtu qaddis.—Mattew 28:19.
Il-Verità u l-Magħmudija
20. Liema għarfien hu meħtieġ mill-kandidati għall-magħmudija?
20 Ġesù inkariga lis-segwaċi tiegħu biex jagħmlu dixxipli billi jgħallmu l-verità lin-nies. Biex jikkwalifikaw għall-magħmudija, dawn għandhom bżonn għarfien bażiku taʼ l-Iskrittura. Per eżempju, iridu jirrikonoxxu l-pożizzjoni u l-awtorità tal-Missier u taʼ Ibnu, Ġesù Kristu. (Ġwann 3:16) Il-kandidati għall-magħmudija wkoll jeħtieġu jifhmu li l-ispirtu qaddis m’huwiex persuna imma huwa l-forza attiva t’Alla.—Ġenesi 1:2.a
21, 22. Għala tgħid li l-magħmudija hija għal uħud li jemmnu?
21 Il-Kristjani tal-bidu kienu jgħammdu biss lil individwi informati u niedma li jkunu ddedikaw ruħhom lil Alla b’mod assolut biex jagħmlu r-rieda tiegħu. Il-Lhud u l-proseliti li kienu miġmugħin f’Ġerusalemm f’Pentekoste tas-sena 33 E.K. diġà kellhom għarfien taʼ l-Iskrittura Ebrajka. Meta semgħu lill-appostlu Pietru jitkellem dwar Ġesù l-Messija, madwar 3,000 ruħ “laqgħu kliemu” minn qalbhom u “tgħammdu.”—Atti 2:41; 3:19–4:4; 10:34-38.
22 Il-magħmudija Kristjana hija għal uħud li jemmnu. In-nies fis-Samarija aċċettaw il-verità, u “meta . . . emmnu l-Bxara t-tajba li Filippu kien ixandrilhom fuq is-Saltna taʼ Alla u fuq l-isem taʼ Ġesù Kristu, tgħammdu, kemm l-irġiel u kemm in-nisa.” (Atti 8:12) Bħala proselita devot li kellu għarfien dwar Jehovah, l-ewnuku Etjopjan l-ewwel aċċetta dak li qallu Filippu dwar it-twettiq tal-profezija Messjanika, u mbagħad tgħammed. (Atti 8:34-36) Iktar tard, Pietru qal lil Kornelju u lil Ġentili oħrajn li “[Alla] jilqaʼ lil kull min għandu l-biżaʼ tiegħu u jagħmel is-sewwa” u li kull min ipoġġi l-fidi f’Ġesù Kristu jaqlaʼ l-maħfra tad-dnubiet. (Atti 10:35, 43; 11:18) Dan kollu jaqbel mal-kmand taʼ Ġesù meta qal: “Agħmlu dixxipli . . . u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.” (Mattew 28:19, 20; Atti 1:8) Ix-Xhieda taʼ Jehovah jimxu maʼ l-istess livell, billi għall-magħmudija jaċċettaw biss lil dawk li jkollhom għarfien bażiku taʼ l-Iskrittura u li jkunu għamlu dedikazzjoni lil Alla.
23, 24. X’inhu l-mod xieraq kif issir il-magħmudija Kristjana?
23 Il-mod xieraq kif issir il-magħmudija għal uħud li jemmnu hu billi jiġu mgħaddsin totalment taħt l-ilma. Wara li Ġesù tgħammed fix-Xmara Ġordan, hu ‘telaʼ mill-ilma.’ (Mark 1:10) L-ewnuku Etjopjan tgħammed “f’post fejn kien hemm l-ilma.” Hu u Filippu “niżlu t-tnejn fl-ilma” u mbagħad “telgħu mill-ilma.” (Atti 8:36-40) Il-fatt li l-magħmudija fl-Iskrittura tiġi assoċjata mad-dfin simboliku jindika wkoll tgħaddis komplet fl-ilma.—Rumani 6:4-6; Kolossin 2:12.
24 The Oxford Companion to the Bible jgħid: “Id-deskrizzjonijiet taʼ magħmudijiet speċifiċi fit-Testment il-Ġdid jindikaw li l-persuna li kienet titgħammed kienet tiġi mgħaddsa taħt l-ilma.” Skond xogħol Franċiż Larousse du XXe Siècle (Pariġi, 1928), “l-ewwel Kristjani ħadu l-magħmudija bit-tgħaddis kulfejn kien jinsab l-ilma.” U l-ktieb After Jesus—The Triumph of Christianity jinnota: “Fl-iktar għamla bażika tagħha, [il-magħmudija] kienet titlob stqarrija taʼ fidi mill-kandidat, segwita minn tgħaddis komplet fl-ilma f’isem Ġesù.”
25. X’se jiġi diskuss fl-artiklu li jmiss?
25 Il-punti li semmejna rigward dak li l-Kristjani tal-bidu kienu jemmnu u jipprattikaw li kien ibbażat fuq il-Bibbja, huma biss ftit eżempji. Nistgħu nsemmu xebh ieħor li jeżisti bejn dak li kienu jemmnu huma u dak li jemmnu x-Xhieda taʼ Jehovah. Fl-artiklu li jmiss se niddiskutu modi oħra kif wieħed jidentifika min huma dawk li qed jgħallmu l-verità lin-nies.
[Noti taʼ taħt]
a Il-kelma Ebrajka ruʹach, minbarra li tiġi tradotta bħala “spirtu” tiġi tradotta wkoll “riħ” u bi kliem ieħor li jindika forza attiva inviżibbli.
Int Kif Twieġeb?
• X’tip taʼ qima jirrikjedi Alla?
• Il-verità kif saret realtà permezz taʼ Ġesù Kristu?
• X’inhi l-verità dwar ir-ruħ u l-mewt?
• Il-magħmudija Kristjana kif issir, u x’inhu meħtieġ mill-kandidati għall-magħmudija?
[Stampa f’paġna 16]
Ġesù qal lil Pilatu: ‘Ġejt biex nixhed għall-verità’
[Stampa f’paġna 17]
Tistaʼ tispjega għala Ġesù qal: ‘Jiena hu l-Verità’?
[Stampa f’paġna 18]
X’inhi l-verità dwar il-magħmudija Kristjana?