X’Hemm Bżonn Biex Żwieġ Ikun Suċċess?
Ikun għaqli kieku kellek tiddeċiedi li taqbeż għal rasek fi xmara mingħajr ma l-ewwel titgħallem tgħum? Bluha bħal din tistaʼ tkun taʼ ħsara—saħansitra tiswielek ħajtek. Iżda, aħseb ftit dwar kemm hemm nies li jgħaġġlu biex jiżżewġu u ftit li xejn ikunu konxji taʼ kif jassumu r-responsabbiltajiet involuti.
ĠESÙ qal: “Min minnkom ikun irid jibni torri u ma joqgħodx bilqiegħda biex l-ewwelnett iqis in-nefqa, ħalli jara għandux biżżejjed biex iwassal sa l-aħħar?” (Luqa 14:28) Dak li japplika biex tibni torri japplika wkoll biex tibni żwieġ. Dawk li jridu jiżżewġu għandhom iqisu n-nefqa taż-żwieġ bir-reqqa biex ikunu żguri li jistgħu jwettqu l-ħtiġijiet.
Ħarsa lejn iż-Żwieġ
Hija verament barka li jkollok sieħeb jew sieħba maʼ min taqsam il-ferħ u n-niket tal-ħajja. Iż-żwieġ jistaʼ jimla l-vojt li jiġi mis-solitudni jew mid-disperazzjoni. Jistaʼ jissodisfa x-xenqa li nitwieldu biha għall-imħabba, il-kumpanija, u l-intimità. Mhux taʼ b’xejn, wara li ħalaq lil Adam Alla qal: “M’hux sewwa li l-bniedem jibqaʼ waħdu. Ħa nagħmillu għajnuna tgħodd għalih.”—Ġenesi 2:18; 24:67; 1 Korintin 7:9.
Iva, li tkun miżżewweġ jistaʼ jsolvilek xi problemi. Imma se jintroduċilek xi problemi ġodda wkoll. Għala? Għax iż-żwieġ huwa t-taħlita taʼ żewġ personalitajiet distinti li forsi jkunu kompatibbli imma ftit li xejn identiċi. Għaldaqstant, anki koppji li verament jaqblu kultant se jesperjenzaw konflitt. L-appostlu Kristjan Pawlu kiteb li dawk li jiżżewġu se jkollhom “it-taħbit tal-ħajja”—jew kif tgħid Il-Bibbja taʼ Saydon, “it-tbatija tal-ġisem.”—1 Korintin 7:28.
Kien Pawlu qed ikun pessimist? Xejn affattu! Hu sempliċement kien qed iħeġġeġ lil dawk li kienu qed jikkunsidraw iż-żwieġ biex ikunu realistiċi. Li wieħed iħossu tant ferħan għax ikun miġbud lejn xi ħadd m’huwiex il-qies li bih ikejjel eżatt kif se tkun il-ħajja miżżewġa fix-xhur u s-snin wara l-ġurnata tat-tieġ. Kull żwieġ għandu l-isfidi u l-problemi uniċi tiegħu. Il-mistoqsija m’hijiex jekk humiex se jqumu problemi imma kif se tiffaċċjahom.
Il-problemi jagħtu opportunità lir-raġel u lil martu biex juru kemm hi ġenwina l-imħabba tagħhom għal xulxin. Biex nagħtu eżempju: Vapur tal-passiġġieri jistaʼ jidher maestuż hekk kif ikun wieqaf, marbut maʼ moll. Madankollu, f’nofs taʼ baħar jagħti prova jekk hux vapur tajjeb—forsi saħansitra f’mewġ qawwi f’xi maltempata. B’mod simili, is-saħħa taʼ l-għaqda taż-żwieġ ma tidentifikax ruħha biss matul mumenti taʼ kalma romantika kollha paċi. Xi drabi, tingħata l-prova tagħha taħt ċirkustanzi xejn favorevoli fejn il-koppja tegħleb maltempati t’avversità.
Biex tagħmel dan, koppja miżżewġa għandha bżonn taʼ rabta, għax kien l-iskop t’Alla li raġel “jingħaqad maʼ martu” u li t-tnejn “isiru ġisem wieħed.” (Ġenesi 2:24) L-idea taʼ rabta tbeżżaʼ lil ħafna nies illum. Madankollu, hija ħaġa raġunata li tnejn min-nies li verament iħobbu lil xulxin ikunu jridu jagħmlu wegħda solenni biex jibqgħu flimkien. Ir-rabta tagħti d-dinjità liż-żwieġ. Din tipprovdi bażi għal fiduċja li, jiġri x’jiġri, ir-raġel u martu se jappoġġaw lil xulxin.a Jekk m’intix lest għal rabta bħal din, mela m’intix tassew lest għaż-żwieġ. (Qabbel Koħèlet 5:4, 5.) Anki dawk li diġà huma miżżewġin jistaʼ jkollhom bżonn ikabbru l-apprezzament tagħhom dwar kemm hija vitali r-rabta għal żwieġ dejjiemi.
Ħarsa lejk Innifsek
Mingħajr ebda dubju int tistaʼ tagħmel lista sħiħa tal-kwalitajiet li tixtieq f’sieħeb jew f’sieħba. Madankollu, huwa ferm iktar diffiċli biex tħares lejk innifsek u tiddetermina kif int tistaʼ tikkontribwixxi għaż-żwieġ. Eżami tiegħek innifsek huwa vitali, kemm qabel u kemm wara li tkun għamilt il-wegħdi solenni taż-żwieġ. Per eżempju, staqsi lilek innifsek il-mistoqsijiet li ġejjin.
• Lest jien li nagħmel rabta għal ħajti kollha mas-sieħeb jew mas-sieħba tiegħi?—Mattew 19:6.
Fi żmien il-profeta tal-Bibbja Malakija, ħafna rġiel kienu jitilqu lin-nisa tagħhom, forsi biex jiżżewġu nisa iżgħar. Jehovah qal li l-artal tiegħu kien mimli bid-dmugħ taʼ dawk in-nisa abbandunati, u kkundanna lill-irġiel li ‘qarrqu’ bis-sieħba tagħhom.—Malakija 2:13-16.
• Jekk qed naħseb biex niżżewweġ, għaddejt jien is-snin tal-fjur taż-żgħożija tiegħi meta x-xewqat sesswali jkunu tant qawwijin li jistgħu ma jħallunix nagħmel deċiżjoni tajba?—1 Korintin 7:36, New World Translation.
“Tkun qed tieħu riskju kbir jekk tiżżewweġ meta tkun għadek żgħira ħafna,” tgħid Nikki, li kellha 22 sena meta żżewġet. Hi twissi: “Is-sentimenti, l-għanijiet, u l-gosti tiegħek jibqgħu jinbidlu minn meta jkollok 17-il sena sa bejn wieħed u ieħor 25 sa 29 sena.” M’għandniex xi ngħidu, mill-età biss ma tistax tikkalkula biex tara jekk intix lest għaż-żwieġ. Minkejja dan, li xi ħadd jiżżewweġ waqt li jkun għadu fil-fjur taż-żgħożija, meta x-xewqat sesswali jkunu għadhom ġodda u speċjalment qawwijin, jistaʼ jgħawweġ il-ħsieb tiegħu u jagħmih għall-problemi li jistgħu jinqalgħu.
• Liema karatteristiċi għandi li jistgħu jgħinuni nikkontribwixxi biex iż-żwieġ tiegħi jkun suċċess?—Galatin 5:22, 23.
L-appostlu Pawlu kiteb lill-Kolossin: “Ilbsu mela sentimenti taʼ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar.” (Kolossin 3:12) Dan il-parir huwa xieraq għal dawk li qed jikkontemplaw iż-żwieġ kif ukoll għal dawk li diġà huma miżżewġin.
• Għandi jien il-maturità meħtieġa sabiex nappoġġa lis-sieħeb jew lis-sieħba fi żminijiet diffiċli?—Galatin 6:2.
“Meta jinqalgħu l-problemi,” jgħid tabib, “it-tendenza hi li nwaħħlu fil-parti l-oħra. L-iktar ħaġa importanti m’hijiex taʼ min hu t-tort. Pjuttost, hija kemm ir-raġel u martu jistgħu jikkooperaw biex itejbu r-relazzjoni taʼ bejniethom.” Il-kliem taʼ l-għaref Sultan Salamun japplika għall-koppji miżżewġin. “Tnejn min-nies aħjar minn wieħed waħdu,” hu kiteb, “jekk jaqaʼ wieħed, l-ieħor jistaʼ jqajjmu, imma miskin hu min hu waħdu, għax m’għandux min iqajjmu.”—Koħèlet 4:9, 10.
• Inkun jien ġeneralment ferħan u ottimist, jew kważi dejjem bin-nervi u negattiv?—Proverbji 15:15.
Bniedem negattiv, kull ġurnata jqisha bħala ħażina. Iż-żwieġ m’huwiex se jbiddel din l-attitudni mirakolożament! Xi ħadd—raġel jew mara—li jħobb jikkritika jew ikun pessimist iżżejjed sempliċement se jsir persuna miżżewġa li tibqaʼ l-istess, tikkritika jew tkun pessimista. Atteġġjament negattiv bħal dan jistaʼ jitfaʼ tensjoni terribbli fuq iż-żwieġ.—Qabbel Proverbji 21:9.
• Jien inżomm ruħi kalm taħt pressjoni, jew inċedi u ngħid kulma jiġi għal ilsieni fir-rabja?—Galatin 5:19, 20.
Il-Kristjani huma kkmandati biex ikunu ‘tqal biex jinkorlaw.’ (Ġakbu 1:19) Kemm qabel u kemm matul il-ħajja miżżewġa, raġel jew mara għandhom jikkultivaw l-abbiltà li jgħixu skond dan il-parir: “Tinkurlaw? Imma tidinbux; tħallux ix-xemx tgħib fuq il-korla tagħkom.”—Efesin 4:26.
Ħarsa lejn is-Sieħeb Prospettiv Tiegħek
“Min moħħu jilħaqlu jara sewwa qabel jemmen,” jistqarr proverbju Bibliku. (Proverbji 14:15) Dan tassew japplika meta tiġi biex tagħżel is-sieħeb jew sieħba fiż-żwieġ. L-għażla tas-sieħeb jew sieħba fiż-żwieġ hija waħda mill-iktar deċiżjonijiet importanti li raġel jew mara qatt jistgħu jagħmlu. Madankollu, ġie osservat li ħafna nies idumu iktar biex jiddeċiedu liema karozza se jixtru jew liema skola se jmorru milli biex jagħżlu lil min se jiżżewġu.
Fil-kongregazzjoni Kristjana, dawk li huma fdati b’xi responsabbiltà “għandhom l-ewwel jgħaddu mill-prova.” (1 Timotju 3:10) Jekk qed taħseb biex tiżżewweġ, trid tkun żgur li l-persuna l-oħra tgħaddi mill-“prova.” Ikkunsidra, per eżempju, il-mistoqsijiet li ġejjin. Għalkemm huma ppreżentati mill-punt di vista taʼ mara, ħafna mill-prinċipji japplikaw ukoll għal raġel. U anki dawk li huma miżżewġin jistgħu jibbenefikaw billi jikkunsidraw dawn il-punti.
• Liema tip taʼ reputazzjoni għandu?—Filippin 2:19-22.
Proverbji 31:23 jiddeskrivi raġel li hu “magħruf f’bieb il-belt, meta joqgħod mal-kbarat tal-pajjiż.” L-irġiel ixjeħ tal-belt kienu joqogħdu f’bieb il-belt biex jagħmlu ħaqq. Għalhekk, evidentement hu kellu pożizzjoni taʼ fiduċja pubblika. Il-mod kif raġel jitqies minn ħaddieħor jgħid xi ħaġa dwar ir-reputazzjoni tiegħu. Jekk japplika fil-każ tiegħu, ikkunsidra wkoll il-mod kif iqisuh dawk li għandhom awtorità fuqu. Dan jistaʼ jindika kif se tibda tqisu int maż-żmien bħala s-sieħba tiegħu.—Qabbel l-1 Samwel 25:3, 23-25.
• Liema tip taʼ morali għandu?
L-għerf t’Alla “qabel kollox hu għerf safi.” (Ġakbu 3:17) Huwa s-sieħeb prospettiv tiegħek iktar interessat f’li jissodisfa ruħu sesswalment milli fil-waqfa tiegħu u tiegħek quddiem Alla? Jekk m’huwiex qed jagħmel sforz biex jgħix skond il-livelli morali t’Alla issa, x’garanzija se jkollok li se jagħmel dan wara ż-żwieġ?—Ġenesi 39:7-12.
• Kif jittrattani?—Efesin 5:28, 29.
Il-ktieb Bibliku taʼ Proverbji jgħidilna dwar raġel li ‘jistrieħ’ fuq martu. Iktar minn hekk, “ifaħħarha.” (Proverbji 31:11, 28) Hu m’huwiex għajjur b’mod ossessiv, u hu raġunevoli fl-istennijiet tiegħu. Ġakbu kiteb li l-għerf li ġej mis-sema għandu “t-tjubija u l-ħlewwa [“raġunevoli,” NW], huwa kollu ħniena u frott tajjeb.”—Ġakbu 3:17.
• Kif jittrattahom lill-membri tal-familja tiegħu stess?—Eżodu 20:12.
Rispett għall-ġenituri m’huwiex biss ħtieġa għat-tfal. Il-Bibbja tgħid: “Ismaʼ minn missierek li tak il-ħajja, u tmaqdarx ’l ommok meta tixjieħ.” (Proverbji 23:22) Interessanti li, Dr. W. Hugh Missildine kiteb: “Ħafna mid-diffikultajiet u inkompatibiltà fiż-żwieġ jistgħu jiġu evitati—jew għallinqas preveduti—jekk l-għarus u l-għarusa prospettivi jmorru għand xulxin u b’mod informali josservaw ir-relazzjoni bejnhom u bejn il-ġenituri tagħhom. Il-mod kif iqis lill-ġenituri tiegħu se jinfluwenza l-mod kif se jqis lis-sieħba tiegħu. Xi ħadd għandu mnejn jistaqsi: ‘Nixtieq jien niġi ttrattata bl-istess mod li bih jittratta lill-ġenituri tiegħu?’ U l-mod kif il-ġenituri tiegħu jittrattawh se jkun indikazzjoni tajba taʼ kif hu se jittratta lilu nnifsu u kif se jistenna li tittrattah int—wara l-honeymoon.”
• Jitilgħulu malajr u jitkellem b’mod abbużiv?
Il-Bibbja tagħti l-parir: “Mrar, saħna, korla, tagħjir, għajat, dan kollu warrbuh minnkom.” (Efesin 4:31) Pawlu wissa lil Timotju dwar xi Kristjani li kellhom il-“marda tat-tilwim u kliem” u li kienu jġibu “għira u ġlied, tkasbir u suspetti ħżiena; u tilwim.”—1 Timotju 6:4, 5.
Iktar minn hekk, Pawlu kiteb li min jikkwalifika għal privileġġi speċjali ġewwa l-kongregazzjoni m’għandux ikun “vjolenti”—u skond il-Grieg oriġinali, “ma jerfax idejh.” (1 Timotju 3:3) Ma jistax ikun wieħed li jsawwat lin-nies fiżikament jew verbalment. Wieħed li għandu t-tendenza li jsir vjolenti f’mument taʼ rabja m’huwiex addattat bħala sieħeb fiż-żwieġ.
• X’inhuma l-għanijiet tiegħu?
Xi wħud isegwu r-rikkezzi u jaħsdu l-konsegwenzi inevitabbli. (1 Timotju 6:9, 10) Oħrajn jgħixu ħajjithom mingħajr ħsibijiet taʼ xejn, mingħajr ebda għan fil-ħajja. (Proverbji 6:6-11) Madankollu, bniedem devot se juri l-istess determinazzjoni li wera Ġożwè, li qal: “Jien u dari naqdu l-Mulej.”—Ġożwè 24:15.
Barkiet u Responsabbiltajiet
Iż-żwieġ huwa istituzzjoni divina. Ġie awtorizzat u stabbilit minn Alla Jehovah. (Ġenesi 2:22-24) Hu ddisinja l-arranġament taż-żwieġ sabiex jifforma għaqda permanenti bejn raġel u mara biex b’hekk jistgħu jkunu t’għajnuna għal xulxin. Meta japplikaw il-prinċipji Bibliċi, ir-raġel u martu jistgħu jistennew li s-sehem tagħhom fil-ħajja jkun wieħed ferħan.—Koħèlet 9:7-9.
Iżda, irridu nirrealizzaw li qegħdin ngħixu fi “żmien iebes.” Il-Bibbja bassret li matul dan il-perijodu taʼ żmien, in-nies se “jingħataw għall-imħabba tagħhom infushom u tal-flus; faħħarin, suppervi, . . . bla tjieba; bla qalb, bla ħniena, . . . tradituri, bla ħsieb, minfuħa bihom infushom.” (2 Timotju 3:1-4) Dawn il-karatteristiċi jistaʼ jkollhom impatt qawwi fuq iż-żwieġ. B’hekk, dawk li qegħdin jikkunsidraw iż-żwieġ għandhom jgħoddu n-nefqa bis-serjetà. U dawk li issa huma miżżewġin għandhom ikomplu jaħdmu biex itejbu l-unjoni tagħhom billi jitgħallmu u japplikaw il-gwida divina misjuba fil-Bibbja.
Iva, dawk li qed jikkontemplaw iż-żwieġ jagħmlu tajjeb jekk iħarsu lil hinn mill-ġurnata tat-tieġ. U kulħadd għandu jikkunsidra mhux biss l-att taʼ li jiżżewweġ imma wkoll il-ħajja taʼ li jkun miżżewweġ. Dur lejn Jehovah għall-gwida biex b’hekk taħseb b’mod realistiku u mhux b’mod romantiku biss. Billi tagħmel dan, int wisq probabbli se tgawdi żwieġ taʼ suċċess.
[Nota taʼ taħt]
a Il-Bibbja tippermetti raġuni waħda biss għal divorzju bil-possibbiltà għal żwieġ mill-ġdid, u din hi “żwieġ ħażin [“żena,” Karm Żammit]”—relazzjonijiet sesswali barra ż-żwieġ.—Mattew 19:9.
[Kaxxa f’pagna 5]
“L-lsbaħ Deskrizzjoni taʼ l-lmħabba li qatt Qrajt”
“Kif tkun taf li hi mħabba vera?” jikteb Dr. Kevin Leman. “Hemm ktieb antik li fih deskrizzjoni taʼ l-imħabba. Il-ktieb ilu miktub kważi elfejn sena, imma xorta jagħti l-isbaħ deskrizzjoni taʼ l-imħabba li qatt qrajt.”
Dr. Leman kien qed jirreferi għall-kliem taʼ l-appostlu Kristjan Pawlu misjub fil- Bibbja fl-1 Korintin 13:4-8:
“L-imħabba taf tistabar u tħenn; l-imħabba m’hijiex għajjura, ma tintefaħx biha nfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn; ma tagħmilx dak li m’hux xieraq; ma tfittixx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla; ma żżommx f’qalbha għad-deni, ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità; kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti. L-imħabba ma tintemm qatt.”
[Kaxxa f’pagna 8]
L-Emozzjonijiet Jistgħu Jqarrqu
lt-tfajla Sulamija taż-żminijiet Bibliċi evidentement kienet konxja dwar il-qawwa li tqarraq taʼ sentimenti romantiċi. Meta s-Sultan Salamun li kien tant potenti tefaʼ għajnejh fuqha, hi qalet lil ħbiebha biex ‘ma jqajjmux l-imħabba, qabel ma joghġob lilha.’ (L-Ghanja taʼ l-Ghanjiet 2:7) Din iż-żagħżugħa bil-għaqal ma riditx li ħbiebha jagħmlulha pressjoni sabiex tkun maħkuma mill-emozzjonijiet tagħha. Dan hu prattiku wkoll għal dawk li bħalissa qed jikkunsidraw iż-żwieġ. Żomm ir-riedni fuq is-sentimenti tiegħek. Jekk se tiżżewweġ, għandek tagħmel dan għax tħobb lill-persuna, mhux sempliċement minħabba l-ħsieb taʼ li tkun miżżewweġ.
[Stampa f’paġna 6]
Anki dawk li ilhom miżżewġin jistgħu jsaħħu l-għaqda taż-żwieġ tagħhom
[Stampa f’paġna 7]
Kif jittrattahom lill-ġenituri tiegħu?