Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Xi wħud mix-Xhieda taʼ Jehovah ġew offruti impjieg li jinvolvi bini jew propjetà reliġjużi. X’inhi l-ħarsa Skritturali taʼ xogħol bħal dan?
Din il-kwistjoni jistgħu jiffaċċjawha Kristjani li sinċerament jixtiequ japplikaw l-1 Timotju 5:8, li jenfasizza l-importanza taʼ li wieħed jipprovdi materjalment għal taʼ daru. Filwaqt li l-Kristjani ċertament għandhom japplikaw dan il-parir, dan ma jiġġustifikax li huma jaċċettaw kwalunkwe tip taʼ xogħol sekulari, hi x’inhi n-natura tiegħu. Il-Kristjani japprezzaw il-ħtieġa li jkunu sensittivi għal affarijiet oħrajn li tindika r-rieda t’Alla. Per eżempju, li raġel ikun jixtieq imantni lill-familja tiegħu ma jiġġustifikax li hu jaġixxi kontra dak li tgħid il-Bibbja dwar l-immoralità jew il-qtil. (Qabbel Ġenesi 39:4-9; Isaija 2:4; Ġwann 17:14, 16.) Huwa vitali wkoll li l-Kristjani jaġixxu fi qbil mal-kmand li joħorġu minn Babilonja l-Kbira, l-imperu dinji taʼ reliġjon falza.—Apokalissi 18:4, 5.
Il-qaddejja t’Alla madwar il-globu jiffaċċjaw ħafna sitwazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu maʼ l-impjieg. Tkun xi ħaġa bla skop u li m’għandniex l-awtorità nagħmluha jekk nipprovaw insemmu l-possibbiltajiet kollha u nagħmlu regoli kategoriċi. (2 Korintin 1:24, Saydon) Iżda ejja nsemmu xi fatturi li l-Kristjani għandhom jikkunsidraw meta jiġu biex jieħdu deċiżjonijiet persunali rigward l-impjieg. Dawn il-fatturi kienu ġew ippreżentati fil-qosor f’It-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Settembru, 1982, f’artiklu dwar kif nistgħu nibbenefikaw mill-kuxjenza li tana Alla. Kien hemm kaxxa li fiha tqajmu żewġ mistoqsijiet fundamentali u mbagħad issemmew fatturi oħrajn li huma t’għajnuna.
L-ewwel mistoqsija fundamentali hija din: Huwa x-xogħol sekulari nnifsu kkundannat fil-Bibbja? Meta kkummenta fuq dan, It-Torri taʼ l-Għassa osserva li l-Bibbja tikkundanna s-serq, l-użu ħażin tad-demm, u l-idolatrija. Kristjan għandu jevita xogħol sekulari li jippromwovi direttament attivitajiet li Alla ma japprovahomx, bħal dawn li għadhom kif issemmew.
It-tieni mistoqsija hi: Li wieħed jagħmel dan ix-xogħol jagħmel lill-individwu kompliċi fi prattika kkundannata? B’mod ċar, xi ħadd impjegat f’post fejn isir il-logħob taʼ l-ażżard illegali, fi klinika taʼ l-aborti, jew f’dar tal-prostituzzjoni jkun kompliċi fi prattika mhix skritturali. Saħansitra jekk ix-xogħol li jagħmel hemmhekk taʼ kuljum ikun li jaħsel l-art jew iwieġeb it-telefon, ikun qed jikkontribwixxi għal xi prattika li l-Kelma t’Alla tikkundannaha.
Ħafna Kristjani li ffaċċjaw deċiżjonijiet rigward l-impjieg sabu illi jekk janalizzaw dawn il-mistoqsijiet biss, dan jgħinhom jieħdu deċiżjoni persunali.
Per eżempju, minn dawn iż-żewġ mistoqsijiet, wieħed jistaʼ jara għala adoratur veru ma jimpjegax ruħu direttament maʼ organizzazzjoni reliġjuża falza, u jaħdem għal jew ġo xi knisja. F’Apokalissi 18:4 hemm il-kmand: “Oħorġu minnha, poplu tiegħi, biex ma jkollkomx x’taqsmu magħha fi dnubietha, u biex mill-kastigi tagħha ma tiħdux sehem.” Wieħed ikun qed jieħu sehem fix-xogħlijiet u d-dnubiet taʼ Babilonja l-Kbira jekk ikun impjegat fiss taʼ reliġjon li tgħallem qima falza. Sew jekk l-impjegat ikun ġennien, purtinar, wieħed li jsewwi l-ħsarat, jew accountant, xogħlu se jservi biex jippromwovi qima li hija f’konflitt mal-vera reliġjon. Iktar minn hekk, in-nies li jaraw lil dan l-impjegat jaħdem biex isebbaħ il-knisja, iżommha f’kundizzjoni tajba, jew jagħmel xi ħaġa li għandha x’taqsam maʼ l-attivitajiet reliġjużi tagħha, bir-raġun kollu se jassoċjawh maʼ dik ir-reliġjon.
Xi ngħidu, iżda, għal xi ħadd li ma jkunx impjegat fiss taʼ knisja jew organizzazzjoni reliġjuża? Forsi jibagħtu għalih sempliċement biex jagħmel xogħol taʼ tiswija t’emerġenza fuq xi kanna taʼ l-ilma li tkun infaqgħet fil-kantina tal-knisja. Ma tkunx dik xi ħaġa differenti milli jitfaʼ xi offerta għal xi kuntratt, bħal ngħidu aħna, biex jirrestawra jew ikaħħal il-faċċata taʼ xi knisja?
Għal darb’oħra, wieħed jistaʼ jimmaġina diversi sitwazzjonijiet. Għalhekk, ejja nirrevedu ħames fatturi oħrajn li jippreżenta It-Torri taʼ l-Għassa:
1. Huwa x-xogħol sempliċement servizz umanitarju li fih innifsu m’huwiex oġġezzjonabbli Skritturalment? Ħu l-eżempju taʼ pustier. Il-fatt li jwassal il-posta bl-ebda mod ma jfisser li jkun qed jippromwovi xi prattika kkundannata jekk xi bini fin-naħa fejn iwassal il-posta jkun knisja jew klinika taʼ l-aborti. Alla jipprovdi d-dawl tax-xemx li jidħol mit-twieqi tal-bini kollu, inkluż knisja jew klinika. (Atti 14:16, 17) Kristjan li jaħdem bħala pustier jistaʼ jikkonkludi li qiegħed jagħti servizz umanitarju lil kulħadd, jum wara l-ieħor. Jistaʼ jkun l-istess fil-każ taʼ Kristjan li jwieġeb għal xi emerġenza—xi plamer li jissejjaħ biex iwaqqaf l-ilma ħiereġ ġo knisja jew xi ħadd li jaħdem fuq ambulanza li jissejjaħ biex jagħti l-għajnuna lil xi ħadd li jkun ħassu ħażin waqt il-quddiesa. Jistaʼ jikkunsidra dan sempliċement bħala għoti t’għajnuna umanitarja b’kumbinazzjoni.
2. Wieħed kemm għandu awtorità fuq dak li jsir? Kristjan li hu propjetarju taʼ ħanut bl-ebda mod ma se jaqbel li jordna u jbigħ l-idoli, l-amuleti spiritistiċi, is-sigaretti, jew il-mazzit. Bħala s-sid, hu jikkmanda. In-nies għandhom mnejn iħeġġuh biex ibigħ is-sigaretti jew l-idoli biex jagħmel il-qligħ, imma hu se jaġixxi b’konsistenza mat-twemmin reliġjuż tiegħu. Mill-banda l-oħra, Kristjan impjegat f’ħanut kbir li jbigħ l-affarijiet taʼ l-ikel għandu mnejn jitqabbad jopera l-cash register, jaħsel l-art, jew iżomm il-kotba tal-kontijiet. Hu m’għandux kontroll fuq liema prodotti jiġu ordnati u jinbiegħu, anki jekk xi ftit minn dawn huma oġġezzjonabbli, bħas-sigaretti jew affarijiet li għandhom x’jaqsmu maʼ festi reliġjużi.a (Qabbel Luqa 7:8; 17:7, 8.) Dan huwa relatat mal-punt li jmiss.
3. Dak li jkun sa liema punt huwa involut? Ejja nerġgħu lura għall-eżempju tal-ħanut. Probabbilment, impjegat li jkun inkarigat biex jopera l-cash register jew biex jimla l-ixkafef, kultant biss jiġu f’idejh is-sigaretti jew affarijiet reliġjużi; dan hu biss parti żgħira mix-xogħol kollu tiegħu. X’kuntrast, iżda, fil-każ taʼ impjegat fl-istess ħanut li jaħdem fis-sezzjoni tat-tabakk! Xogħlu kollu, ġurnata wara l-oħra, jiffoka fuq xi ħaġa kuntrarja għat-twemmin Kristjan. (2 Korintin 7:1) Dan juri għala l-punt sa fejn l-individwu jkun involut jew ikollu kuntatt għandu jiġi evalwat meta jiġi biex jiddeċiedi fuq kwistjonijiet taʼ impjieg.
4. Minn liema sors ġejja l-paga, u x-xogħol fejn isir? Ikkunsidra żewġ sitwazzjonijiet. Biex ikollha impressjoni pubblika aħjar, klinika taʼ l-aborti għandha mnejn tiddeċiedi li timpjega raġel biex inaddaf it-toroq taʼ dawk l-inħawi. Il-paga tiegħu toħroġ mill-klinika taʼ l-aborti, imma hu ma jaħdimx hemm, u ħadd ma jarah fil-klinika l-ġurnata kollha. Minflok, in-nies josservawh jagħmel xogħol pubbliku li fih innifsu m’huwiex f’konflitt maʼ l-Iskrittura, iħallsu min iħallsu. Issa nieħdu sitwazzjoni li hija f’kuntrast. F’pajjiż fejn il-prostituzzjoni hija legali, id-dipartiment tas-saħħa jħallas infermiera biex taħdem fil-briedel, fejn tagħmel eżamijiet mediċi regolarment bl-intenzjoni li jitnaqqas milli jinfirex il-mard trasmess sesswalment. Għalkemm hija mħallsa mid-dipartiment tas-saħħa, xogħolha kollu jsir fid-djar tal-prostituzzjoni, u jservi biex jagħmel l-immoralità inqas perikoluża, iktar aċċettabbli. Dawn l-eżempji juru għala s-sors tal-paga li jirċievi dak li jkun u l-post fejn isir ix-xogħol huma aspetti li għandhom jiġu kkunsidrati.
5. X’inhu l-effett taʼ li tagħmel ix-xogħol; se jweġġaʼ l-kuxjenza taʼ l-individwu jew ifixkel lil oħrajn? Il-kuxjenza għandha tiġi kkunsidrata, kemm tagħna u kemm t’oħrajn. Saħansitra jekk ċertu xogħol (inkluż il-post fejn isir u s-sors tal-ħlas) jidher li hu aċċettabbli għall-biċċa l-kbira tal-Kristjani, individwu għandu mnejn iħoss li dan se jweġġaʼ l-kuxjenza persunali tiegħu. L-appostlu Pawlu, li stabbilixxa eżempju mill-aħjar, stqarr: “Aħna nemmnu li għandna kuxjenza safja billi rridu nġibu ruħna sewwa f’kollox.” (Lhud 13:18) Għandna nevitaw li nagħmlu xogħol li minħabba fih tniggiżna l-kuxjenza; madankollu, lanqas m’għandna nikkritikaw lil oħrajn li jkollhom kuxjenza differenti. Kuntrarju għal dan, Kristjan għandu mnejn jara li m’hemm ebda konflitt maʼ dak li tgħid il-Bibbja f’li jagħmel ċertu xogħol, imma jirrealizza li jkun ferm taʼ tfixkil għal ħafna fil-kongregazzjoni u fil-komunità. Pawlu rrifletta l-attitudni t-tajba fil-kliem tiegħu: “Aħna xejn ma nagħmlu li jistaʼ jkun taʼ tfixkil lil xi ħadd, biex il-ministeru tagħna ma jaqax fl-għajb. F’kollox inqisu ruħna bħala ministri taʼ Alla.”—2 Korintin 6:3, 4.
Issa ejja nerġgħu lura għall-mistoqsija prinċipali taʼ li wieħed jaħdem ġo knisja, bħal li jwaħħal twieqi ġodda, jew li jnaddaf it-tapiti. Kif jistgħu jkunu involuti il-fatturi t’hawn fuq?
Erġaʼ aħseb ftit dwar l-aspett taʼ l-awtorità. Huwa l-Kristjan il-propjetarju jew il-maniġer li jistaʼ jiddeċiedi jekk jidħolx għal biċċa xogħol bħal din fi knisja? Irid Kristjan li għandu din l-awtorità jkollu sehem maʼ Babilonja l-Kbira billi jitfaʼ l-offerta tiegħu għal xi biċċa xogħol jew jagħmel kuntratt biex jgħin lil xi reliġjon tippromwovi l-qima falza? M’huwiex dan bħal meta wieħed jiddeċiedi li jbigħ is-sigaretti jew l-idoli fil-ħanut tiegħu stess?—2 Korintin 6:14-16.
Jekk il-Kristjan huwa impjegat li m’għandux il-jedd li jiddeċiedi dwar liema xogħol jiġi aċċettat, għandu jikkunsidra fatturi oħrajn, bħall-post fejn se jsir ix-xogħol u kemm se jiġi involut. L-impjegat se jintalab sempliċement biex iġorr jew ipoġġi f’posthom xi siġġijiet ġodda f’xi okkażjoni jew biex jagħti servizz umanitarju, bħal li pompier jitfi nar ġo knisja qabel dan jinfirex? Ħafna jaraw li dan hu differenti mill-każ taʼ impjegat taʼ kumpanija li jqattaʼ ħin twil jiżbogħ il-knisja jew li regolarment jieħu ħsieb il-ġnien tagħha biex jagħmilha tidher attraenti. Kuntatt regulari jew estiż bħal dan iżid il-possibbiltà li ħafna jassoċjaw lill-Kristjan maʼ reliġjon li hu jgħid li ma jħaddanx, u dan forsi jistaʼ jfixkilhom.—Mattew 13:41; 18:6, 7.
Qajjimna diversi punti importanti biex wieħed jikkunsidrahom rigward l-impjieg. Dawn kienu ppreżentati fil-kuntest taʼ mistoqsija speċifika li tinvolvi r-reliġjon falza. Madankollu, dawn jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll f’konnessjoni maʼ tipi oħrajn taʼ impjieg. F’kull każ, għandha ssir analisi bit-talb, u jiġu kkunsidrati l-aspetti speċifiċi—u probabbilment uniċi—tas-sitwazzjoni li l-individwu jkun qed jiffaċċja. Il-fatturi ppreżentati hawn fuq diġà għenu lil ħafna Kristjani sinċieri biex jieħdu deċiżjonijiet kuxjenzjużi li jirriflettu x-xewqa tagħhom li jimxu bla ħtija u b’mod rett quddiem Jehovah.—Proverbji 3:5, 6; Isaija 2:3; Lhud 12:12-14.
[Nota taʼ taħt]
a Xi Kristjani li jaħdmu fi sptar kellhom jikkunsidraw dan il-fattur taʼ l-awtorità. Tabib għandu mnejn ikollu l-awtorità li jordna l-mediċini għal jew proċeduri mediċi fuq pazjent. Saħansitra jekk il-pazjent ma jkollu ebda oġġezzjoni, kif jistaʼ tabib Kristjan fl-awtorità jordna trasfużjoni tad-demm jew jagħmel abort, meta jaf x’tgħid il-Bibbja dwar kwistjonijiet bħal dawn? B’kuntrast, infermiera li tkun impjegata fl-isptar għandha mnejn ma jkollhiex awtorità bħal din. Hi u twettaq id-dmirijiet taʼ rutina tagħha, xi tabib għandu mnejn jagħtiha d-direzzjoni biex tagħmel test tad-demm għal xi skop jew biex tieħu ħsieb xi pazjenta li tkun daħlet biex tagħmel abort. Fi qbil maʼ l-eżempju ddokumentat fit-2 Slaten 5:17-19, għandha mnejn tikkonkludi li ladarba hi m’hijiex il-waħda fl-awtorità li tordna trasfużjoni jew tagħmel l-abort, tistaʼ twettaq servizz umanitarju għal pazjent. M’għandniex xi ngħidu, xorta tkun trid tikkunsidra l-kuxjenza tagħha, sabiex b’hekk ‘timxi quddiem Alla b’kuxjenza safja għalkollox.’—Atti 23:1.