LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 12/15 pp. 26-29
  • L-Iskola taʼ Gilgħad Tibgħat il-Missjunarji “sa Truf l-Art”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Iskola taʼ Gilgħad Tibgħat il-Missjunarji “sa Truf l-Art”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Aqdu lil Jehovah u lil Ġarkom bil-​Lealtà
  • L-​Għalliema Jagħtu Tfakkiriet b’Imħabba
  • Missjunarji taʼ l-​Esperjenza Jagħtu Inkuraġġiment
  • Nevitaw il-​Pjaga li Toqtol l-​Ispiritwalità
  • Nies li minn Rajhom Jitqanqlu biex Jiġu Gilgħad
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Imqanqlin Biex Jaqdu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Jum il-Gradwazzjoni—Jum mill-Isbaħ
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Okkażjoni taʼ Ferħ—Il-Gradwazzjoni tal-104 Klassi taʼ Gilgħad
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 12/15 pp. 26-29

L-​Iskola taʼ Gilgħad Tibgħat il-​Missjunarji “sa Truf l-​Art”

L-​ISKOLA taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead) issa ilha tibgħat il-​missjunarji għal iktar minn nofs seklu. Fil-​11 taʼ Settembru, 1999, iggradwat il-​107 klassi taʼ Gilgħad. Din kienet tikkonsisti fi 48 student u studenta minn 11-il pajjiż, u dawn ġew assenjati biex jaqdu f’24 pajjiż differenti. Huma se jingħaqdu maʼ eluf taʼ missjunarji oħrajn, li kellhom irwol importanti f’li jwettqu l-​aħħar kliem taʼ Ġesù qabel ma telaʼ s-​sema. Hu bassar li d-​dixxipli tiegħu kellhom ‘ikunu xhieda [tiegħu] . . . sa truf l-​art.’—Atti 1:8.

Il-programm tal-​gradwazzjoni, li sar fiċ-​Ċentru Edukattiv tal-​Watchtower f’Patterson, ġewwa New York, kien okkażjoni grandjuża li nżammet f’ambjent mill-​isbaħ. L-​istudenti li kienu se jiggradwaw kienu ferħanin ħafna li setaʼ jkun hemm uħud minn qrabathom, ħbiebhom tal-​qalb, u mistidnin oħrajn preżenti għall-​okkażjoni. L-​attendenza totali, inkluż dawk li kienu qed jisimgħu u jaraw mill-​kumplessi taʼ Brooklyn u Wallkill permezz taʼ kollegamenti bl-​awdjo u l-​vidjo, kienet taʼ 4,992.

Aqdu lil Jehovah u lil Ġarkom bil-​Lealtà

“Min Qiegħed fuq in-​Naħa taʼ Jehovah?” Din kienet it-​tema tal-​kummenti tal-​ftuħ li saru minn Carey Barber, membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna u chairman tal-​programm tal-​gradwazzjoni. Hu spjega li din kienet il-​kwistjoni li ffaċċjaw l-​Iżraeliti fi żmien Mosè. L-​istudenti li kienu se jiggradwaw kif ukoll dawk kollha preżenti ġew imfakkrin li ħafna mill-​Iżraeliti tilfu ħajjithom fix-​xagħri minħabba li ma baqgħux lealment fuq in-​naħa taʼ Jehovah. Wara li waqgħu għall-​idolatrija, huma ‘qagħdu jieklu u jixorbu, u mbagħad qamu jixxalaw.’ (Eżodu 32:1-29) Ġesù wissa lill-​Kristjani dwar dan l-​istess periklu: “Oqogħdu attenti, u qisu li l-​ikel u x-​xorb żejjed u s-​sokor ma jmewwtulkomx qalbkom, u tħallux li l-​ħafna tħassib għall-​ħtiġiet tal-​ħajja jeħdilkom raskom, li ma ssibuhx dak il-​Jum fuqkom għal għarrieda.”—Luqa 21:34-36.

Il-kelliemi taʼ wara, Gene Smalley, mid-​Dipartiment tal-​Kitba, staqsa lill-​istudenti li kienu se jiggradwaw: “Se Tagħtu Prova li Intom Paregoriki?” Hu spjega li l-​kelma Griega pa·re·go·riʹa ġiet adottata fil-​lingwa Ingliża bħala l-​isem taʼ taħlita mediċinali li ttaffi l-​uġigħ. Madankollu, l-​appostlu Pawlu uża din il-​kelma Griega espressiva f’Kolossin 4:11 biex jiddeskrivi lil ħaddiema sħabu. Fin-​New World Translation, din il-​kelma hija tradotta “għajnuna li ssaħħaħ.”

Fl-inkarigi tagħhom, il-​missjunarji li kienu se jiggradwaw jistgħu jagħtu prova li huma paregoriki taʼ żmienna b’mod tassew prattiku billi bl-​umiltà kollha jsiru għajnuna li ssaħħaħ għall-​aħwa lokali, u billi jirriflettu spirtu taʼ kooperazzjoni u taʼ mħabba mal-​missjunarji sħabhom.

Imbagħad kien imiss lil Daniel Sydlik, membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna, li tkellem dwar is-​suġġett “Ir-​Regola tad-​Deheb li Magħha Għandkom Timxu.” Hu spjega li l-​prinċipju għoli li stabbilixxa Ġesù f’Mattew 7:12, “dak kollu li tridu li l-​bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom,” jinvolvi li nagħmlu affarijiet pożittivi għal oħrajn, mhux li sempliċement inżommu lura milli nagħmlu l-​ħsara.

Biex dan isir b’suċċess, hemm bżonn taʼ tliet affarijiet: għajn li tara, qalb li tissimpatizza, u id li tgħin. Biex jiġbor kollox fil-​qosor, hu qal: “Jekk inħossu li għandna ngħinu, għandna nagħtu l-​għajnuna tagħna minnufih. Irridu nagħmlu sforz speċjali biex nagħmlu għal oħrajn dak li nixtiquhom jagħmlu għalina.” Dan ikun minnu b’mod speċjali fil-​każ taʼ missjunarji li jmorru f’pajjiż ieħor biex jgħinu lin-​nies jipprattikaw il-​Kristjanità vera.

L-​Għalliema Jagħtu Tfakkiriet b’Imħabba

L-​għalliem taʼ Gilgħad Karl Adams kellu dan il-​parir inkuraġġanti għall-​missjunarji li kienu se jiggradwaw: “Ibqgħu Ikbru.” F’liema aspetti? L-​ewwelnett, fl-​għarfien u fl-​abbiltà li jużawh tajjeb. F’Gilgħad, l-​istudenti kienu tgħallmu kif jagħmlu riċerka biex isiru jafu f’liema sfond u f’liema ambjent seħħew ir-​rakkonti Bibliċi. Kienu ġew inkuraġġiti biex jikkunsidraw kif kull rakkont għandu jeffettwalhom ħajjithom. Ġew imħeġġin biex dan jibqgħu jagħmluh.

“It-​tieni, ibqgħu ikbru fl-​imħabba. L-​imħabba hija xi ħaġa li meta nieħdu ħsiebha, tibqaʼ tikber. Jekk tiġi traskurata, tistaʼ tmut,” qal Ħuna Adams. (Filippin 1:9) Issa, bħala missjunarji, huma kien se jkun jeħtiġilhom jikbru fl-​imħabba taħt ċirkustanzi differenti. U t-​tielet: “Ikbru . . . [“fil-​qalb tajba mhix mistħoqqa,” NW] u fl-​għarfien taʼ Sidna u s-​Salvatur tagħna Ġesù Kristu.” (2 Pietru 3:18) “Din hi l-​qalb tajba li Jehovah b’mod meraviljuż wera permezz taʼ Ibnu,” qal il-​kelliemi. “Hekk kif nikbru fl-​apprezzament għal din il-​qalb tajba mhix mistħoqqa, nibdew insibu iktar ferħ f’li nagħmlu r-​rieda t’Alla u f’li nwettqu dak li inkarigana biex nagħmlu.”

Għalliem ieħor taʼ Gilgħad, Mark Noumair, tkellem dwar it-​tema “Ħudu Kollox bl-​Imħabba, u Tkunu Kapaċi Tissaportu.” Hu wissa: “Tgħallmu ħudu sitwazzjonijiet taʼ sfida fil-​ħajja missjunarja bl-​imħabba, u tkunu kapaċi tissaportu. Jehovah jiddixxiplina biss lil min iħobb. Anki jekk tħossu li xi pariri m’humiex għaqlin, jirriflettu ċerti preferenzi, jew ikunu inġusti, l-​imħabba għal Jehovah u r-​relazzjoni tagħkom miegħu se jgħinukom tissaportu.”

Ħuna Noumair ħareġ il-​punt li s-​servizz missjunarju jinkludi ħafna dmirijiet. “Imma mingħajr l-​imħabba, id-​dmir se jkun taʼ piż. Mingħajr l-​imħabba, id-​dmirijiet fid-​dar—bħal li ssajjar, li tmur tixtri, li taħsel il-​frott, u li tgħalli l-​ilma—jistgħu jsiru verament tedjanti. Trid tieqaf u tistaqsi lilek innifsek, ‘Għala qed nagħmlu dan?’ Jekk tirraġuna, ‘L-​isforzi tiegħi qed jgħinu biex il-​missjunarji sħabi jkunu f’saħħithom u ferħanin,’ imbagħad ma jkunx diffiċli biex tissaporti.” Biex jiġbor kollox fil-​qosor, hu ħeġġeġ: “Sew jekk għandu x’jaqsam maʼ li taċċetta d-​dixxiplina, li twettaq l-​obbligi missjunarji tiegħek, jew li tittratta xi nuqqas taʼ ftehim, li tieħu kollox bl-​imħabba se jgħinek tissaporti fl-​inkarigu tiegħek. ‘L-​imħabba ma tfalli qatt.’”—1 Korintin 13:8, NW.

Imbagħad, l-​għalliem taʼ Gilgħad Wallace Liverance ippreżenta għadd taʼ esperjenzi sbieħ li kellhom l-​istudenti waqt li ħadmu maʼ kongregazzjonijiet lokali, li ġew irreċtati dak il-​ħin. Barra milli ħadu sehem fix-​xogħol minn dar għal dar, l-​istudenti wżaw it-​taħriġ missjunarju li kienu ħadu billi marru jfittxu lin-​nies fil-​postijiet fejn jieqfu t-​trakkijiet, fil-​ħwienet fejn jaħslu l-​ħwejjeġ, fl-​istazzjonijiet tal-​ferrovija, u f’postijiet oħrajn.

Missjunarji taʼ l-​Esperjenza Jagħtu Inkuraġġiment

Meta missjunarji ġodda jmorru f’pajjiż barrani, għandhom għalfejn joqogħdu jitħassbu u jkunu ansjużi? Jistgħu huma jlaħħqu maʼ l-​isfidi taʼ inkarigu f’art barranija? X’isir min-​naħa taʼ l-​uffiċċji tal-​fergħat biex jgħin lil dawn il-​missjunarji li jkunu għadhom kemm waslu fil-​pajjiż biex ikollhom suċċess? Biex iwieġbu dawn il-​mistoqsijiet u oħrajn, Steven Lett, mid-​Dipartiment tas-​Servizz, u David Splane, mid-​Dipartiment tal-​Kitba, intervistaw lil xi aħwa li f’dak il-​perijodu kienu qed jattendu l-​iskola għall-​indokraturi tal-​fergħat fiċ-​Ċentru Edukattiv tal-​Watchtower. L-​aħwa li ġew intervistati jaqdu f’kumitati tal-​fergħat fi Spanja, f’Ħong Kong, fil-​Liberja, fil-​Benin, fil-​Madagaskar, fil-​Brażil, u fil-​Ġappun.

Dawn il-​qaddejja taʼ Jehovah, li għandhom ħafna esperjenza u li ħafna minnhom qdew bħala missjunarji għal għaxriet taʼ snin, taw inkuraġġiment lill-​istudenti li kienu se jiggradwaw kif ukoll lill-​ġenituri tagħhom u lill-​qraba li kienu preżenti. Billi tkellmu mill-​esperjenza persunali tagħhom stess u dik taʼ missjunarji sħabhom, huma wrew li l-​problemi u l-​ansjetajiet jistgħu jiġu trattati b’suċċess. Il-​problema li jkunu qed jiffaċċjaw għandha mnejn tkun kbira, “imma tistaʼ tiġi solvuta, u s-​Soċjetà tgħinna,” ikkummenta Raimo Kuokkanen, missjunarju fil-​Madagaskar. “L-​inkarigu tagħna m’għażilniehx aħna, imma tawhulna,” qal Östen Gustavsson, li issa qed jaqdi fil-​Brażil. “Għalhekk, iddeċidejna li nagħmlu l-​aħjar li nistgħu biex nibqgħu naqdu fl-​inkarigu tagħna.” James Linton, li jaqdi fil-​Ġappun, qal li dak li għenu kien “il-​fatt li kien hemm aħwa li diġà kienu qdew f’inkarigu missjunarju.” Is-​servizz missjunarju huwa mod kif wieħed jaqdi lil Jehovah u jieħu ħsieb in-​nagħaġ tiegħu li jġib ferħ u sodisfazzjon.

Nevitaw il-​Pjaga li Toqtol l-​Ispiritwalità

Theodore Jaracz, membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna li ggradwa mas-​sebaʼ klassi taʼ Gilgħad fl-​1946, ta t-​taħdita taʼ l-​għeluq, bit-​tema “L-​Isfida biex Nibqgħu Ħajjin Spiritwalment.” Wara li semma l-​krudeltajiet terribbli li qed iseħħu f’diversi partijiet tad-​dinja, hu ġibed l-​attenzjoni lejn il-​fatt li l-​umanità attwalment hi milquta minn gwajijiet ferm agħar.

Waqt li rrefera għal Salm 91, Ħuna Jaracz identifika l-​“pesta” u l-​“ħerba” li marrdu u qatlu spiritwalment lil miljuni taʼ nies madwarna. Ix-​Xitan u s-​sistema mill-​agħar tiegħu wżaw propaganda bħal pesta, ibbażata fuq l-​intellettwaliżmu u l-​materjaliżmu, biex idgħajfu u joqtlu l-​ispiritwalità, imma Jehovah jassigurana li din il-​pjaga ma tersaqx lejn ‘min jgħix għall-​kenn tal-​Għoli.’—Salm 91:1-7. 

“L-​isfida,” qal Ħuna Jaracz, “hija li nibqgħu b’saħħitna fil-​fidi, li nibqgħu fil-​post taʼ kenn, jew sigurtà. Ma nistgħux inkunu bħan-​nies żeblieħa li ‘m’għandhomx spiritwalità.’ Din hija problema llum. Hija problema li niffaċċjawha lkoll kemm aħna fl-​organizzazzjoni. Tistgħu tiffaċċjawha intom ukoll fl-​inkarigu missjunarju tagħkom.” (Ġuda 18, 19, NW) Imma lill-​missjunarji li kienu se jiggradwaw intqalilhom li setgħu jirnexxu f’li jibqgħu jżommu l-​ispiritwalità tagħhom meta jkunu fl-​inkarigi tagħhom. Ġew imħeġġin biex jikkunsidraw, per eżempju, kif ħutna qed jissaportu fir-​Russja, fl-​Asja, u f’pajjiżi Afrikani—minkejja projbizzjonijiet, oppożizzjoni ħarxa, twaqqigħ għaċ-​ċajt, propaganda ateistika, u akkużi foloz. U, f’ħafna każi, maʼ dawn jiżdiedu problemi fiżiċi, li jirriżultaw minn konflitti etniċi u n-​nuqqas t’affarijiet essenzjali.

Meta l-​ispiritwalità tbatti, “ikun jeħtieġ li nattakkaw il-​kaġun tal-​problema u li mbagħad naħdmu fuqha, billi nużaw il-​pariri mill-​Kelma t’Alla.” Issemmew xi eżempji mill-​Bibbja dwar dan. Ġożwè kien inkuraġġit biex jaqra minn taħt l-​ilsien mill-​kopja tiegħu tal-​Liġi kuljum. (Ġożwè 1:8) Meta nstab il-​ktieb tal-​Liġi fi żmien Ġosija, Jehovah bierek lin-​nies meta huma applikaw lealment l-​istruzzjonijiet taʼ ġo fih. (2 Slaten 23:2, 3) Timotju kien ilu jaf il-​kitbiet qaddisa sa minn meta kien ċkejken. (2 Timotju 3:14, 15) In-​nies taʼ Berija ma kinux sempliċement semmiegħa tajba, imma kienu meqjusin bħala nies “taʼ moħħ nobbli” (NW) għaliex kienu jeżaminaw l-​Iskrittura kuljum. (Atti 17:10, 11) U Ġesù Kristu hu l-​aqwa eżempju taʼ xi ħadd li kien jaf u li kien juża l-​Kelma t’Alla.—Mattew 4:1-11.

Biex jagħlaq, Ħuna Jaracz minn qalbu ħeġġeġ lill-​missjunarji ġodda: “Issa intom preparati biex twettqu l-​inkarigu missjunarju tagħkom. U intom se ssiefru, f’sens verament letterali, lejn ħafna partijiet differenti tad-​dinja. Jekk inlaħħqu maʼ l-​isfida taʼ li nibqgħu ħajjin spiritwalment, m’aħna se nħallu xejn itellifna milli nwettqu dak li nkunu ddeċidejna li nagħmlu b’mod riżolut. Intom se tippridkaw biż-​żelu, se tqanqlu oħrajn biex jimitaw il-​fidi tagħkom, u aħna se nitolbu flimkien magħkom biex lil dawk li lilhom tgħallmu, Jehovah jagħmilhom ħajjin l-​istess bħalma għamel lilna. U b’hekk, ħafna iktar nies se jiskansaw il-​gwaj spiritwali li bħalissa huwa fl-​aqwa tiegħu mad-​dinja kollha. Dawn se jingħaqdu magħna f’numru li dejjem jiżdied biex jagħmlu r-​rieda taʼ Jehovah. U jalla Jehovah jberikkom f’li twettqu dan.”

Wara li ċ-​chairman qara xi tislijiet minn diversi pajjiżi madwar id-​dinja, kien wasal il-​ħin biex l-​istudenti li kienu se jiggradwaw jingħataw id-​diplomi tagħhom. Imbagħad, inqrat ittra t’apprezzament mill-​qalb mingħand l-​istudenti. Kemm kienu grati lejn Jehovah u l-​organizzazzjoni tiegħu għat-​taħriġ speċjali li kienu ħadu u għall-​inkarigi rispettivi tagħhom bħala missjunarji li kienu sejrin “sa truf l-​art”!—Atti 1:8.

[Kaxxa f’paġna 29]

Statistiċi tal-​Klassi

Numru taʼ pajjiżi rappreżentati: 11

Numru taʼ pajjiżi li ġew assenjati fihom: 24

Numru taʼ studenti: 48

Numru taʼ koppji miżżewġin: 24

Età medja: 34

Medja taʼ snin fil-​verità: 17

Medja taʼ snin fil-​ministeru full-time: 12

[Stampa f’paġna 26]

Il-​107 Klassi li Ggradwat mill-​Iskola taʼ Gilgħad

Fil-​lista t’hawn taħt, ir-​ringieli huma nnumerati minn quddiem għal wara, u l-​ismijiet f’kull ringiela huma mniżżlin mix-​xellug għal-​lemin.

1. Peralta, C.; Hollenbeck, B.; Shaw, R.; Hassan, N.; Martin, D.; Hutchinson, A. 2. Edwards, L.; Vezer, T.; Ceruti, Q.; Entzminger, G.; D’Aloise, L.; Baglieri, L. 3. Knight, P.; Krause, A.; Kasuske, D.; Rose, M.; Friedl, K.; Nieto, R. 4. Rose, E.; Backus, T.; Talley, S.; Humbert, D.; Bernhardt, A.; Peralta, M. 5. D’Aloise, A.; Humbert, D.; Dunn, H.; Gatling, G.; Shaw, J.; Ceruti, M. 6. Baglieri, S.; Krause, J.; Hollenbeck, T.; Martin, M.; Bernhardt, J.; Hutchinson, M. 7. Backus, A.; Dunn, O.; Gatling, T.; Vezer, R.; Knight, P.; Hassan, O. 8. Nieto, C.; Talley, M.; Friedl, D.; Kasuske, A.; Edwards, J.; Entzminger, M. 

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja