LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w00 11/1 pp. 28-31
  • Ġenerożità bl-Abbundanza Ġġib il-Ferħ

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ġenerożità bl-Abbundanza Ġġib il-Ferħ
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Foqra Ferm, imma Idejhom Miftuħa
  • ‘Ħassew f’Qalbhom u Tħajru f’Ruħhom’
  • Kienu Lesti li Jagħtu
  • Lesti li Jagħtu Llum
  • Ħtieġa għal Swali tas-​Saltna
  • “Il-Barka tal-Mulej Iġġib l-Għana”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Ikkultiva Spirtu Ġeneruż
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Għoti bil-Ferħ mill-Qalb
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Ġieli Esperjenzajt l-Hena li Jiġi Meta Tagħti?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
w00 11/1 pp. 28-31

Ġenerożità bl-​Abbundanza Ġġib il-​Ferħ

Bħala indokratur Kristjan kollu mħabba, l-​appostlu Pawlu kellu għal qalbu l-​aqwa interess taʼ sħabu fit-​twemmin. (2 Korintin 11:28) B’hekk, meta f’nofs is-​snin ħamsin taʼ l-​ewwel seklu taʼ l-​Era Komuni tagħna organizza ġabra taʼ flus għall-​Kristjani fil-​bżonn fil-​Lhudija, hu ħa l-​opportunità biex jgħallem lezzjoni li tiswa ħafna dwar il-​ġenerożità. Pawlu enfasizza l-​fatt li Jehovah jgħożżu ferm lil min jagħti bil-​ferħ: “Kull wieħed għandu jagħti skond ma jidhirlu hu minn rajh, mhux fuq il-​qalb jew bilfors; għax Alla jħobb lil min jagħti bil-​ferħ.”​—2 Korintin 9:7.

Foqra Ferm, imma Idejhom Miftuħa

Il-​biċċa l-​kbira tal-​Kristjani fl-​ewwel seklu ma kinux prominenti fis-​soċjetà. Pawlu nnota li fosthom ‘ma kinux ħafna s-​setgħana.’ Kienu “d-​dgħajfa tad-​dinja,” “il-​mistmerra mid-​dinja.” (1 Korintin 1:​26-28) Per eżempju, il-​Kristjani li kienu jgħixu fil-​Maċedonja kellhom “faqar bla tarf” u kienu għaddejjin mill-​“prova l-​kbira tas-​sofferenza.” Madankollu, dawn il-​Maċedonjani umlin li ħaddnu t-​twemmin talbu li jkollhom il-​privileġġ li jikkontribwixxu finanzjarjament għall-​“ministeru taʼ għajnuna lill-​qaddisin”; u Pawlu xehed li dak li taw kien “aktar milli setgħu”!​—2 Korintin 8:​1-4.

Xorta waħda, l-​għoti ġeneruż tagħhom ma kienx imkejjel minn kemm taw. Minflok, dak li kien importanti kien li kellhom ix-​xewqa li jagħtu, li riedu jaqsmu maʼ ħaddieħor dak li kellhom, u li dan għamluh mill-​qalb. Lill-​Kristjani Korintin Pawlu indikalhom li kemm il-​moħħ u kemm il-​qalb huma involuti fl-​għoti taʼ kontribuzzjoni. Qalilhom: “Naf ir-​rieda tajba tagħkom. U jien ftaħart bikom quddiem in-​nies tal-​Maċedonja . . . u l-​ħeġġa tagħkom qanqlet lil ħafna minnhom.” Kien ‘dehrilhom minn rajhom’ li jagħtu b’idejhom miftuħa.​—2 Korintin 9:​2, 7.

‘Ħassew f’Qalbhom u Tħajru f’Ruħhom’

L-​appostlu Pawlu setaʼ kellu f’moħħu eżempju iktar bikri taʼ għoti ġeneruż li kien seħħ fid-​deżert iktar minn 15-il seklu qabel żmienu. It-​12-il tribù taʼ Iżrael kienu nħelsu mill-​jasar fl-​Eġittu. Issa kienu jinsabu biswit il-​Muntanja Sinaj, u Jehovah kkmandahom biex jibnu tabernaklu għall-​qima u jgħammruh b’tagħmir li jintuża għall-​qima. Dan kien jeħtieġ ħafna riżorsi, u l-​ġens kien mistieden jikkontribwixxi.

Kif wieġbu dawk l-​Iżraelin? “Kull min ħass f’qalbu u tħajjar f’ruħu, ġieb offerta lill-​Mulej biex issir it-​tinda tal-​laqgħa.” (Eżodu 35:21) Kienet ġeneruża l-​offerta tal-​ġens? Tabilħaqq li kienet! Ir-​rapport li ġej ngħata lil Mosè: “In-​nies qegħdin iġibu iżjed milli jeħtieġ għax-​xogħol li ordnalna nagħmlu l-​Mulej.”​—Eżodu 36:5.

X’kienet il-​qagħda finanzjarja taʼ l-​Iżraelin dak iż-​żmien? Ftit qabel, kienu lsiera taʼ min jitħassarhom, ‘mgħakksin b’xogħol iebes,’ ‘ħajjithom mimlija bl-​imrar,’ u jgħixu ħajja taʼ “tbatija.” (Eżodu 1:​11, 14; 3:7; 5:​10-18) Allura ma tantx setgħu jkunu għonja materjalment. Veru, l-​Iżraelin telqu minn art il-​jasar b’imrieħel u baqar. (Eżodu 12:32) Imma x’aktarx li dawn kienu ftit ladarba ma damux ma bdew igergru, wara li kienu telqu mill-​Eġittu, li la kellhom laħam u lanqas ħobż x’jieklu.​—Eżodu 16:3.

Minfejn, allura, ġabuhom l-​Iżraelin l-​affarijiet taʼ valur li kkontribwew għall-​bini tat-​tabernaklu? Mingħand is-​sidien li kellhom qabel, jiġifieri l-​Eġizzjani. Il-​Bibbja tgħid: “U wlied Iżrael . . . talbu mingħand l-​Eġizzjani ħwejjeġ tal-​fidda u tad-​deheb, u lbiesi. . . . [L-Eġizzjani] tawhom kull ma talbuhom.” Dawn l-​atti ġenerużi mill-​Eġizzjani kienu barka mingħand Jehovah, u mhux mingħand il-​Fargħun. Ir-​rakkont divin jgħid: “U l-​Mulej għamel li l-​poplu jsib l-​appoġġ taʼ l-​Eġizzjani u tawhom kull ma talbuhom.”​—Eżodu 12:​35, 36.

Immaġina, mela, kif ħassewhom l-​Iżraelin. Kienu ilhom ġenerazzjonijiet sħaħ isofru l-​imrar tal-​jasar u mċaħħdin minn kollox. Issa kienu ħielsa u bir-​rikkezzi materjali f’idejhom. Kif kienu se jħossuhom meta jiġu biex jagħtu xi ftit minn dawn ir-​rikkezzi? Setgħu ħassewhom li kienu ħadmu għalihom u kien ħaqqhom iżommuhom. Madankollu, meta ntalbu jikkontribwixxu finanzjarjament bħala appoġġ għall-​qima vera, hekk għamlu; u dan m’għamluhx fuq qalbhom jew bix-​xeħħa! Ma nsewx li kien Jehovah li għamilha possibbli għalihom li jkollhom dawn l-​affarijiet materjali. B’hekk taw mill-​fidda u mid-​deheb u mill-​bhejjem tagħhom b’mod abbundanti. Kienu ‘mħajrin jagħtu minn qalbhom.’ Kull wieħed “ħass f’qalbu u tħajjar f’ruħu.” Kienet verament ‘offerta minn rajhom lill-​Mulej.’​—Eżodu 25:​1-9; 35:​4-9, 20-29; 36:​3-7.

Kienu Lesti li Jagħtu

Id-​daqs tal-​kontribuzzjoni mhux neċessarjament li jagħti stampa vera taʼ kemm hu ġeneruż dak li jagħti. Darba Ġesù qagħad jara n-​nies jixħtu l-​flus fil-​kaxxi tat-​teżor tat-​tempju. Kien hemm uħud li kienu sinjuri u li tefgħu ħafna muniti, imma Ġesù impressjona ruħu meta ra waħda armla fil-​bżonn titfaʼ żewġ muniti ċkejknin taʼ valur żgħir ferm. Hu qal: “Din l-​armla fqira tefgħet iktar minnhom ilkoll. . . . Fil-​faqar tagħha, tefgħet dak kollu li kellha biex tgħix.”​—Luqa 21:​1-4; Mark 12:​41-​44.

Il-kummenti taʼ Pawlu lill-​Korintin kienu fi qbil maʼ dan il-​ħsieb taʼ Ġesù. F’dak li għandu x’jaqsam maʼ l-​għoti taʼ kontribuzzjonijiet biex jiġu megħjunin l-​aħwa fit-​twemmin, Pawlu osserva: “Jekk il-​qalb tkun hemm, dak li jkun jingħoġob skond ma għandu, u mhux skond li ma għandux.” (2 Korintin 8:​12) Iva, il-​kontribuzzjonijiet m’humiex xi kwistjoni taʼ kompetizzjoni jew paragun. Dak li jkun jagħti skond m’għandu, u Jehovah jifraħ meta wieħed jagħti b’idejh miftuħa.

Għalkemm ħadd ma jistaʼ jagħmel lil Jehovah għani, la hu s-​sid taʼ kollox, l-​għoti taʼ kontribuzzjonijiet huwa privileġġ li jagħti l-​opportunità lil dawk li jqimuh biex juru mħabbithom lejh. (1 Kronaki 29:​14-​17) Meta l-​kontribuzzjonijiet jingħataw b’attitudni xierqa u biex javanzaw il-​qima vera, mhux għat-​turija tan-​nies jew b’xi motivi egoistiċi oħra, dawn iġibu l-​ferħ, u miegħu l-​barka t’Alla. (Mattew 6:​1-4) Ġesù qal: “Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu.” (Atti 20:35) Aħna jistaʼ jkollna sehem minn dan il-​ferħ billi nagħtu minn saħħitna għas-​servizz taʼ Jehovah u billi nwarrbu xi ħaġa mill-​ġid materjali tagħna biex nappoġġaw il-​qima vera u ngħinu lil dawk li jixirqilhom.—1 Korintin 16:1, 2.

Lesti li Jagħtu Llum

Illum, ix-​Xhieda taʼ Jehovah jħossuhom se jtiru bil-​ferħ bil-​progress li qed jaraw mad-​dinja kollha fl-​ippridkar taʼ “dan l-​Evanġelju tas-​Saltna.” (Mattew 24:14) Matul l-​aħħar għaxar snin tas-​seklu 20 kien hemm iktar minn 3,000,000 ruħ li tgħammdu biex jissimbolizzaw id-​dedikazzjoni tagħhom lil Alla Jehovah, u ġew ifformati mat-​30,000 kongregazzjoni ġdida. Tabilħaqq, terz mill-​kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah li jeżistu llum ġew ifformati matul dawn l-​aħħar għaxar snin! Il-​biċċa l-​kbira taż-​żjieda ġiet b’riżultat tax-​xogħol iebes li sar minn irġiel u nisa Kristjani sinċieri li taw mill-​ħin u mill-​enerġija tagħhom sabiex iżuru lill-​ġirien tagħhom u jgħidulhom dwar l-​iskopijiet taʼ Jehovah. Parti miż-​żjieda hija b’riżultat tax-​xogħol tal-​missjunarji, li jitilqu djarhom u jivvjaġġaw f’artijiet ’il bogħod biex hemmhekk jagħtu l-​għajnuna tagħhom fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna. Iż-​żjieda ġabet magħha organizzar taʼ circuits ġodda, u għalhekk kien hemm il-​bżonn li jinħatru iktar indokraturi tas-​circuit. Iktar minn hekk, kien hemm bżonn taʼ ħafna Bibbji biex jintużaw fl-​ippridkar u fl-​istudju persunali. Kien hemm ħtieġa taʼ iktar letteratura stampata. U f’pajjiż wara l-​ieħor, il-​bini tal-​fergħat kellu jiġi mkabbar jew mibdul b’faċilitajiet akbar. Dawn il-​ħtiġijiet miżjuda kollha ġew provduti bl-​għajnuna taʼ kontribuzzjonijiet volontarji min-​nies taʼ Jehovah.

Ħtieġa għal Swali tas-​Saltna

Biż-​żjieda fl-​għadd tax-​Xhieda taʼ Jehovah jidher ċar li hemm ħtieġa li tispikka għal iktar Swali tas-​Saltna. Stħarriġ li sar fil-​bidu tas-​sena 2000 juri li hemm bżonn taʼ iktar minn 11,000 Sala tas-​Saltna f’pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, fejn ma tantx għandhom flus. Aħseb ftit dwar l-​Angola. Minkejja snin taʼ gwerra ċivili, dan il-​pajjiż qed ikollu żjieda taʼ madwar 10 fil-​mija kull sena fl-​għadd tal-​pubblikaturi tas-​Saltna. Madankollu, minn 675 kongregazzjoni f’dan il-​pajjiż kbir ġewwa l-​Afrika, il-​maġġuranza jiltaqgħu fl-​apert. Fil-​pajjiż kollu hemm biss 22 Sala tas-​Saltna, u minn dawn 12 biss għandhom xi tip taʼ saqaf.

Sitwazzjoni simili teżisti fir-​Repubblika Demokratika tal-​Kongo. Għalkemm hemm kważi 300 kongregazzjoni fil-​belt kapitali Kinxasa, kulma għandhom huma għaxar Swali tas-​Saltna. Mal-​pajjiż kollu, hemm ħtieġa immedjata taʼ iktar minn 1,500 Sala tas-​Saltna. Minħabba ż-​żjieda mgħaġġla fil-​pajjiżi taʼ l-​Ewropa tal-​Lvant, ir-​Russja u l-​Ukraina jirrapportaw li bejniethom għandhom bżonn taʼ mijiet taʼ Swali tas-​Saltna. Iż-​żjieda enormi li qed tgawdi l-​Amerika Latina tidher sew fil-​Brażil, fejn hemm iktar minn nofs miljun Xhud u hemm ħtieġa kbira għal iktar Swali tas-​Saltna.

Biex ilaħħqu mal-​bżonnijiet f’pajjiżi bħal dawn, ix-​Xhieda taʼ Jehovah qed jorganizzaw programm mgħaġġel taʼ bini taʼ Swali tas-​Saltna. Il-​fondi għal dan il-​programm ġejjin mill-​kontribuzzjonijiet ġenerużi taʼ l-​aħwa mad-​dinja kollha, biex saħansitra l-​iktar kongregazzjonijiet foqra se jkunu jistgħu jkollhom ċentru xieraq għall-​qima.

Bħal fi żmien Iżrael tal-​qedem, hemm ħafna x’jistaʼ jitwettaq peress li hemm Kristjani sinċieri li qed ‘iweġġħu lill-​Mulej b’ġidhom.’ (Proverbji 3:​9, 10) Il-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Jehovah tixtieq tieħu din l-​opportunità biex tesprimi gratitudni profonda lil kulmin qalbu qanqlitu biex ikollu sehem f’dan l-​għoti volontarju. U nistgħu nserrħu rasna li l-​ispirtu taʼ Jehovah se jkompli jqanqal il-​qlub tan-​nies tiegħu biex jappoġġaw il-​bżonnijiet tax-​xogħol tas-​Saltna li dejjem qed jiżdied.

Waqt li tissokta tikber din iż-​żjieda mad-​dinja kollha, jalla nkomplu nfittxu opportunitajiet biex nuru kemm aħna pronti u ferħanin li nagħtu mis-​saħħa, mill-​ħin u mir-​riżorsi tagħna. U jalla nġarrbu dak il-​ferħ veru li jiġi minn spirtu ġeneruż bħal dan.

[Kaxxa f’paġna 29]

“UŻAWAHOM BIL-​GĦAQAL!”

“Jien għandi għaxar snin. Qed nibagħtilkom dawn il-​flus biex tkunu tistgħu tixtru l-​karti jew dak li għandkom bżonn biex tagħmlu l-​kotba.”​—Cindy.

“Qed nieħu pjaċir nibgħat dawn il-​flus biex tagħmlulna iktar kotba. Dawn il-​flus ġemmajthom għax qgħadt ngħin lil missieri. Mela użawhom bil-​għaqal!”​—Pam, li għandha sebaʼ snin.

“Iddispjaċieni dwar l-​uragan. Nispera li intom qawwijin u sħaħ. Dawn [is-76ċ] huma l-​flus kollha li għandi fil-​bank.”​—Allison, li għandha erbaʼ snin.

“Jisimni Rudy u għandi 11-il sena. Ħija Ralph għandu sitt snin u oħti Judith għandha sentejn u nofs. Ilna nġemmgħu mill-​pocket money tagħna tliet xhur biex ngħinu lil ħutna f’[post fejn hemm il-​gwerra]. Irnexxielna nġemmgħu Lm7.60, u issa qed nibagħtuhomkom.”

“Jiddispjaċini għall-​aħwa [li ntlaqtu mill-​uragan]. Jien qlajt Lm6.50 għax mort naħdem maʼ missieri. Mhux qed nibgħathomkom għal xi ħaġa partikulari, u allura nħalli f’idejkom biex tiddeċiedu intom.”​—Maclean, li għandu tmien snin.

[Kaxxa f’paġna 31]

Modi Kif Xi Wħud Jagħżlu li Jagħtu

KONTRIBUZZJONIJIET GĦAX-​XOGĦOL MAD-​DINJA KOLLHA

Ħafna jwarrbu, jew ifaddlu, ammont li jitfgħuh fil-​kaxxi tal-​kontribuzzjoni msejħin “Kontribuzzjonijiet għax-​Xogħol tas-​Soċjetà mad-​Dinja Kollha -Mattew 24:14.” Kull xahar il-​kongregazzjonijiet jibagħtu dawn l-​ammonti jew lill-​kwartieri ġenerali dinjin fi Brooklyn, New York, jew lill-​uffiċċju lokali.

Donazzjonijiet volontarji taʼ flus jistgħu wkoll jintbagħtu direttament lil IBSA House, Triq il-​Waqqafa, Mosta, MST 02. Ġojjelli jew affarijiet prezzjużi oħrajn jistgħu jingħataw bħala donazzjoni wkoll. Maʼ dawn il-​kontribuzzjonijiet għandha tintbagħat ittra qasira li tistqarr li din hija għotja għalkollox.

ARRANĠAMENT GĦAL DONAZZJONI B’KUNDIZZJONI

Jistgħu jingħataw flus Iill-Watch Tower Society b’arranġament speċjali li bih id-​donazzjoni tingħata lura lid-​donatur, f’każ li jiġi bżonnha personalment. Għal iktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja l-​indirizz imniżżel hawn fuq.

IPPJANAR KARITATTIV

Minbarra l-​għotjiet taʼ flus għalkollox u donazzjonijiet taʼ flus b’kundizzjoni, hemm metodi oħrajn kif wieħed jagħmel għotjiet li jkunu taʼ benefiċċju għas-​servizz tas-​Saltna mad-​dinja kollha. Dawn jinkludu:

Assigurazzjoni: Il-​Watch Tower Society tistaʼ tiġi intitolata bħala l-​benefiċjarja tal-​polza t’assigurazzjoni fuq il-​ħajja jew fi pjan taʼ pensjoni jew irtirar mix-​xogħol.

Kontijiet Bankarji: Kontijiet bankarji, ċertifikati taʼ depożitu, jew kontijiet individwali taʼ rtirar mix-​xogħol jistgħu jitpoġġew b’fedekommess għall-​Watch Tower Society jew jintgħamlu pagabbli mal-​mewt lilha, fi qbil mal-​ħtiġijiet lokali tal-​bank.

Ishma u Titoli: jistgħu jingħataw ishma u titoli bħala donazzjoni lill-​Watch Tower Society bħala għotja.

Proprjetà Immobbli: Proprjetà immobbli li tistaʼ tinbiegħ tistaʼ tingħata bħala donazzjoni lill-​Watch Tower Society jew billi ssir għotja għalkollox, jew billi l-​proprjetà tinżamm tul il-​ħajja tad-​donatur, li jkun jistaʼ jkompli jgħix fiha matul ħajtu. Dak li jkun għandu jikkuntattja Iis-Soċjetà qabel ma jagħmel xi kuntratt biex jagħti l-​proprjetà immobbli lis-​Soċjetà.

Testmenti u Fedekommessi: jistgħu jitħallew b’testment xi proprjetà jew flus Iill-Watch Tower Society permezz taʼ testment effettwat bil-​liġi, jew is-​Soċjetà tistaʼ tissejjaħ bħala benefiċjarja taʼ ftehim fedekommess. Fedekommess li jkun taʼ benefiċċju għal organizzazzjoni reliġjuża jistaʼ jipprovdi ċerti vantaġġi mit-​taxxi.

Bħalma jimplika t-​terminu “ppjanar karitattiv,” dawn it-​tipi taʼ donazzjonijiet jirrikjedu tipika ment xi ppjanar min-​naħa tad-​donatur. Is-​Soċjetà ħejjiet browxer bi-Ingliż intitolat Charitable Planning to Benefit Kingdom Service Worldwide biex tgħin lil individwi li jkunu jixtiequ jagħmlu xi forma taʼ ppjanar karitattiv għall-​benefiċċju tas-​Soċjetà. Il-​browxer inkiteb sabiex iwieġeb il-​ħafna mistoqsijiet li waslu għand is-​Soċjetà rigward għotjiet, testmenti, u fedekommessi. Fih ukoll iktar informazzjoni utli dwar ippjanar taʼ proprjetà, finanzi, u taxxi. U huwa disinjat biex jgħin lil individwi fl-​Istati Uniti li qed jippjanaw biex jagħmlu għotja speċjali lis-​Soċjetà issa jew li jħallu testment mal-​mewt, biex jintgħażel l-​iktar metodu vantaġġuż u effiċjenti billi jiġu kunsidrati ċ-​ċirkustanzi tal-​familja tagħhom u dawk persunali. Dan il-​browxer jistaʼ jinkiseb billi titlob kopja direttament miċ-​Charitable Planning Office.

Wara li qraw il-​browxer u kkonsultaw maċ-​Charitable Planning Office, ħafna setgħu jassistu lis-​Soċjetà u fl-​istess ħin jieħdu l-​massimu mill-​benefiċċji marbutin mat-​taxxi talli għamlu dan. lċ-Charitable Planning Office għandu jiġi informat bi kwalunkwe dokument rilevanti li jkollu x’jaqsam maʼ xi arranġament minn dawn u jirċievi kopja tiegħu. jekk int interessat f’xi wieħed minn dawn l-​arranġamenti taʼ ppjanar karitattiv, għandek tikkuntattja Iiċ-Charitable Planning Office, jew b’ittra jew bit-​telefon, fl-​indirizz t’hawn taħt jew taʼ l-​uffiċċju tas-​Soċjetà li jservi lil pajjiżek.

CHARITABLE PLANNING OFFICE

Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania

100 Watchtower Drive, Patterson, New York 12563-9204

Telefon: (845) 306-0707

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja