Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Mara Kristjana li hi leali sa liema punt għandha topponi azzjoni għal divorzju mibdija mis-sieħeb tagħha?
Fil-bidu, meta Alla ħalaq iż-żwieġ uman, hu qal li raġel u mara kellhom ‘jingħaqdu’ flimkien. (Ġenesi 2:18-24) Il-bnedmin saru imperfetti, u b’riżultat taʼ dan inħolqu problemi f’ħafna żwiġijiet, imma x-xewqa t’Alla hi li anki llum l-imseħbin għandhom jibqgħu magħqudin flimkien. L-appostlu Pawlu kiteb: “Lil dawk li huma miżżewwġin nordnalhom, mhux jien, iżda l-Mulej, li l-mara ma għandhiex tħalli lil żewġha – jekk tiġi li tħallih, għandha tibqaʼ bla tiżżewweġ jew terġaʼ tagħmel paċi maʼ żewġha – u r-raġel ma għandux jitlaq lil martu.”—1 Korintin 7:10, 11.
Dan il-kliem jirrikonoxxi li fost bnedmin imperfetti jistaʼ jiġri li xi ħadd li jkun miżżewweġ jiddeċiedi li jitlaq. Per eżempju, Pawlu qal li jekk jitlaq xi ħadd minnhom, iż-żewġ partijiet kellhom ‘jibqgħu bla ma jiżżewġu.’ Għala? Sewwa, xi ħadd minnhom telaq, imma t-tnejn li huma baqgħu marbutin maʼ xulxin f’għajnejn Alla. Pawlu setaʼ jgħid dan għaliex Ġesù kien stabbilixxa l-livell għaż-żwieġ Kristjan: “Kull min ikeċċi lil martu, ħlief minħabba ż-żena [Grieg, por·neiʹa], u jiżżewweġ oħra, jagħmel adulterju.” (Mattew 19:9, KŻ) Iva, l-unika bażi għal divorzju li jtemm żwieġ Skritturalment hija “ż-żena,” jiġifieri, l-immoralità sesswali. Jidher ċar li fil-każ li rrefera għalih Pawlu, ħadd mill-imseħbin ma kien immorali, u għalhekk meta r-raġel jew il-mara telqu ’l xulxin, iż-żwieġ ma ntemmx f’għajnejn Alla.
Pawlu mbagħad tkellem dwar is-sitwazzjoni li fiha Kristjan veru għandu sieħba li m’hijiex taʼ l-istess twemmin. Ikkunsidra d-direzzjonijiet mogħtijin minn Pawlu: “Jekk imbagħad min mit-tnejn ma jemminx, ħa, jitlaq; l-aħwa nsara, rġiel jew nisa, f’dan il-każ m’humiex marbuta. Għax Alla sejjħilkom biex tgħixu fis-sliem.” (1 Korintin 7:12-16) X’tistaʼ tagħmel mara leali jekk żewġha li ma jemminx bħalha jitlaqha, u saħansitra jfittex divorzju legali minn magħha?
Jistaʼ jkun li hi tippreferi li hu jibqaʼ magħha. Forsi għadha tħobbu, hi konxja tal-ħtiġijiet emozzjonali u sesswali tagħhom it-tnejn, u taf li kemm hi u kemm it-tfal taʼ taħt l-età li forsi għandha jeħtieġu l-għajnuna materjali. Għandha mnejn tittama wkoll li, maż-żmien, żewġha jaċċetta t-twemmin u jsalva. Madankollu, jekk hu jieħu l-passi biex itemm iż-żwieġ (fuq xi bażi mhix skritturali), il-mara tistaʼ ‘tħallih jitlaq,’ bħalma kiteb Pawlu. L-istess prinċipju japplika jekk raġel taʼ l-istess twemmin jinjora l-ħarsa t’Alla lejn iż-żwieġ u jinsisti li jitlaq.
Iżda, f’sitwazzjoni bħal din, hi għandha mnejn ikollha bżonn tipproteġi lilha nfisha u lil uliedha. Kif? Tkun trid li żżomm taħt il-kustodja tagħha lill-maħbubin uliedha sabiex tkun tistaʼ tkompli turihom l-imħabba taʼ omm, tħarriġhom moralment, u trawwem fihom fidi bbażata fuq tagħlim Bibliku mill-aħjar. (2 Timotju 3:15) Id-divorzju jistaʼ forsi jipperikolalha d-drittijiet li jkollha. Għaldaqstant, għandha mnejn tieħu xi passi biex tkun rappreżentata b’mod xieraq quddiem l-awtoritajiet sabiex tipproteġi d-dritt tagħha li żżomm lil uliedha u biex taċċerta ruħha li żewġha jiġi obbligat li jmantni lill-familja li jkun qed jabbanduna. F’xi postijiet, mara li topponi divorzju tistaʼ tiffirma xi dokumenti legali li permezz tagħhom tikseb il-kustodja tat-tfal kif ukoll għajnuna finanzjarja, mingħajr ma taqbel mad-divorzju mfittex minn żewġha. F’postijiet oħrajn, il-kliem tad-dokumenti jindika li hi taqbel mad-divorzju; b’hekk, jekk żewġha jkun ħati taʼ adulterju, il-fatt li l-mara tiffirmahom ikun ifisser li qed tirrifjutah.
Il-biċċa l-kbira tan-nies fil-komunità u fil-kongregazzjoni ma jkunux jafuhom id-dettalji, bħal per eżempju jekk id-divorzju nkisibx fuq bażi Skritturali. Għalhekk, qabel ma l-affarijiet jaslu sa dan il-punt, ikun xieraq li l-mara tinforma lill-indokratur li jippresiedi u lil xi anzjan ieħor fil-kongregazzjoni dwar is-sitwazzjoni. Dan l-aħjar li jsir bil-miktub. B’dan il-mod il-fatti jkunu disponibbli fil-każ li tqum xi mistoqsija—issa jew iktar tard.
Ejja mmorru lura lejn il-kumment taʼ Ġesù: “Kull min ikeċċi lil martu, ħlief minħabba ż-żena, u jiżżewweġ oħra, jagħmel adulterju.” Jekk raġel ikun attwalment ħati taʼ immoralità sesswali imma jkun irid jibqaʼ miżżewweġ lil martu, hi (l-innoċenti fl-eżempju taʼ Ġesù) trid tagħżel jew li taħfirlu u tkompli torqod miegħu jew li tirrifjutah. Jekk tkun lesta li taħfirlu u tkompli tgħix maʼ dak li legalment hu żewġha, hi ma tkunx imtebbaʼ moralment għax tagħmel hekk.—Hosegħa 1:1-3; 3:1-3.
F’każ li raġel immorali jfittex id-divorzju, jistaʼ jkun li l-mara xorta tkun lesta li taħfirlu, bit-tama li takkwistah lura. Hi trid tiddeċiedi, fuq il-bażi tal-kuxjenza u s-sitwazzjoni tagħha, jekk topponix l-azzjoni tiegħu għal divorzju jew le. F’xi postijiet, mara li topponi divorzju ġieli tkun tistaʼ tiffirma xi dokumenti li permezz tagħhom tikseb il-kustodja tat-tfal kif ukoll għajnuna finanzjarja mingħajr ma tindika li tkun qed taqbel mad-divorzju; il-fatt li tiffirma dawn il-karti fih innifsu ma jindikax li tkun qegħda tirrifjuta lil żewġha. Madankollu, f’postijiet oħrajn, mara li qed topponi divorzju jistaʼ jkun li tintalab tiffirma xi dokumenti li jindikaw li hi taqbel mad-divorzju; il-fatt li tiffirmahom juri espressament li hi qed tirrifjuta lil żewġha li hu ħati.
Biex tiġi evitata l-possibbiltà li tinftiehem ħażin, ikun xieraq f’dan il-każ ukoll li l-mara tagħti ittra lir-rappreżentanti tal-kongregazzjoni li fiha tispjega x’passi qed jittieħdu u l-attitudnijiet li bihom qed tasal għal dawn il-passi. Tistaʼ tistqarr li lil żewġha qaltlu li kienet lesta li taħfirlu u li tkun martu. Dan ikun ifisser li d-divorzju kien qed jinkiseb kontra dak li xtaqet hi; minflok ma tirrifjuta lil żewġha, hi xorta waħda kienet lesta li taħfirlu. Wara li b’hekk tkun għamlitha ċara li hi kienet lesta li taħfirlu u tibqaʼ miżżewġa, il-fatt li tiffirma karti li sempliċement jindikaw kif għandhom jiġu rranġati l-affarijiet finanzjarji u/jew taʼ kustodja ma jindikax li tkun qed tirrifjuta lil żewġha.a
Wara li tkun stabbiliet li lesta taħfirlu saħansitra wara d-divorzju, la hi u lanqas żewġha ma jkunu ħelsin li jiżżewġu lil ħaddieħor. Jekk is-sieħba innoċenti riedet taħfer u din il-maħfra ma ġietx milqugħa, tistaʼ iktar ’il quddiem tiddeċiedi li tirrifjutah minħabba l-immoralità tiegħu. F’dan il-każ, it-tnejn li huma jkunu ħelsin. Ġesù wera li l-parti innoċenti għandha dritt li tasal għal din id-deċiżjoni.—Mattew 5:32; 19:9, KŻ; Luqa 16:18.
[Nota taʼ taħt]
a Proċeduri u karti legali jvarjaw minn post għal ieħor. Qabel ma jiffirma, wieħed għandu jifli bir-reqqa t-termini tad-divorzju miktubin fid-dokumenti legali. Jekk il-parti innoċenti tiffirma karti li jindikaw li hi (jew hu) ma toġġezzjonax għad-divorzju li tkun qed tikseb il-parti l-oħra, dan ikun jindika li qed tirrifjuta lis-sieħeb.—Mattew 5:37.