Tħoss Int li Tiġi Mifhum Ħażin?
ANTONIO ħassu skurmentat. F’daqqa waħda u bla ma jaf għala, Leonardo, l-aqwa ħabib li kellu, beda jwarrbu.a Kien hemm diversi drabi meta Antonio sellimlu imma Leonardo ma tax kasu, u meta kienu flimkien, kien bħallikieku telaʼ ħajt bejniethom. Antonio beda jibżaʼ li bilfors kien għamel jew qal xi ħaġa li ħabibu setaʼ fehemha ħażin. Imma x’kienet?
Taʼ spiss jiġri li nifhmu lil xulxin ħażin. F’ħafna mill-każi dawn ikunu kwistjonijiet żgħar li malajr jistgħu jiġu rranġati. F’każi oħra tistaʼ tħossok skuraġġit ferm, speċjalment meta dawn l-opinjonijiet żbaljati ma tkunx tistaʼ teħles minnhom minkejja l-isforzi kollha biex tiċċarahom. Għala nifhmu lil xulxin ħażin? Dan kif jeffettwa lill-individwi li jkunu involuti? X’jistaʼ jsir meta tagħmel xi ħaġa u xi ħadd jifhmek ħażin? Fuq kollox jimporta verament x’jaħsbu oħrajn dwarek?
Realtà li Ma Tistax Taħrabha
Ladarba bnedmin bħalna m’humiex kapaċi jaqraw il-ħsibijiet u l-intenzjonijiet tagħna, xi darba jew oħra se jkun hemm min jinterpreta ħażin il-kliem jew l-azzjonijiet tagħna. Hemm ċans kbir li xi ħadd jifhimna ħażin jew li aħna nifhmu ħażin lil xi ħadd. Kultant jiġri li aħna sempliċement ma nesprimux ruħna b’mod ċar jew eżatt. Forsi l-ħsejjes jew dak li jkun għaddej madwarna jtellef lil oħrajn, u b’hekk ma jkunux attenti għal dak li nkunu qed ngħidulhom.
Ċerti modi u manjieri wkoll jistgħu jiġu interpretati ħażin. Per eżempju, xi ħadd mistħi għandu mnejn b’mod żbaljat jiġi timbrat bħala stramb, jew li ma jħobbx jitħallat, jew li hu supperv. Forsi xi esperjenzi persunali taʼ l-imgħoddi jġagħlu lil xi wħud, f’ċerti sitwazzjonijiet, iħallu l-emozzjonijiet jiġru bihom minflok ma jkunu raġunevoli. Id-differenzi fil-lingwa u fil-kultura juru kemm ma tridx tiħodha bi kbira li jkun hemm min jifhem lil ħaddieħor ħażin. Barra minn hekk, jistaʼ jkun hemm rapporti mhux eżatti u tqasqis, għalhekk m’hijiex xi ħaġa kbira li t-tifsira taʼ l-affarijiet li jingħadu jew isiru xi kultant tkun differenti minn dik li kienet intenzjonata fil-bidu. M’għandniex xi ngħidu, dan kollu ma tantx jikkonsla lil dawk li jkunu qed iħossu li l-intenzjonijiet tagħhom ġew interpretati ħażin.
Per eżempju, Anna bla ħsieb taʼ xejn għaddiet kumment dwar kemm kienet popolari l-ħabiba tagħha li ma kinitx preżenti. Xi ħadd irrepeta dan il-kumment però ma qalx il-fatti kollha. Għalhekk, Anna tgħidx kif baqgħet miblugħa u xxokkjata x’ħin il-ħabiba tagħha b’rabja kbira fuqha akkużatha quddiem kulħadd li kienet qed tgħir għaliha għax wieħed minn sħabhom wera interess fiha u mhux f’Anna. Il-kumment t’Anna ġie interpretat kompletament ħażin, u kien kollu għalxejn li hi pprovat kemm felħet biex taċċerta lill-ħabiba tagħha li dak li qalet ma qalitux b’sens ħażin. Din is-sitwazzjoni kkaġunat ħafna wġigħ taʼ qalb, u għadda ħafna żmien qabel m’Anna setgħet tiċċara kompletament dak li kien ġara.
L-opinjoni li oħrajn jifformaw dwarek spiss tiddependi minn kif jifhmu l-intenzjonijiet tiegħek. Għalhekk, huwa naturali li jiddispjaċik meta xi ħadd jinterpreta l-motiv tiegħek b’mod żbaljat. Forsi tirrabja, għax tħoss li m’hemm ebda raġuni għala xi ħadd għandu jinterpretak ħażin. Dawn l-opinjonijiet int tħoss li huma preġudikati, mimlijin kritika, jew kompletament żbaljati, u tgħidx kemm jistgħu jweġġgħuk, partikolarment jekk ikun jimpurtak mill-opinjoni taʼ min ikun qed jgħid dawn l-affarijiet inġusti.
Għalkemm forsi tiddejjaq minħabba l-mod kif in-nies jaqbdu u jiġġudikawk, xorta waħda jkun xieraq li tirrispetta l-opinjoni taʼ ħaddieħor. Ma jkunx att Kristjan li tinjora x’jaħseb ħaddieħor, u qatt ma rridu li bil-kliem jew bl-azzjonijiet tagħna nagħmlu ħsara lil nies oħrajn. (Mattew 7:12; 1 Korintin 8:12) Għalhekk, xi drabi forsi jkollok bżonn tagħmel sforz biex tikkoreġi l-opinjoni żbaljata li xi ħadd ikollu tiegħek. Madankollu, jekk tiffissa fuq li tkun approvat dan se jaħdem kontrik, u se jwasslek biex titlef ir-rispett tiegħek innifsek jew tħossok imwarrab minn kulħadd. Wara kollox, il-valur veru tiegħek ma jiddependix fuq dak li jaħsbu l-oħrajn.
Mill-banda l-oħra, forsi tinduna li l-kritika li saritlek hija flokha. Dan ukoll jistaʼ jweġġgħek, imma jekk minn jeddek u b’mod onest tirrikonoxxi l-imperfezzjonijiet tiegħek stess, dawn l-esperjenzi jistgħu jkunu pożittivi, għax iqanqluk tagħmel il-bidliet meħtieġa.
Konsegwenzi Negattivi
Mhux dejjem ikun hemm konsegwenzi serji meta xi ħadd jifhmek ħażin. Per eżempju, jekk tismaʼ raġel jitkellem b’leħen għoli f’xi restorant, tistaʼ jew tgħid li hu fuq ruħu, jew inkella fanfarun. Forsi jkollok żball. Forsi l-individwu li qed jitkellem miegħu ma tantx jismaʼ. Jew forsi tmur tixtri u l-persuna li taqdik ma tantx tidher dħulija, imma min jaf, forsi tkun xi daqsxejn ma tiflaħx. Għalkemm sitwazzjonijiet bħal dawn iwasslu biex wieħed jieħu impressjoni żbaljata taʼ dak li jkun, dawn x’aktarx li m’humiex se jkollhom konsegwenzi serji jew dejjiema. Iżda xi drabi, il-fatt li xi ħadd jifhem ħażin jistaʼ jikkaġuna diżastru sħiħ. Ikkunsidra żewġ episodji fl-istorja taʼ Iżrael tal-qedem.
Meta miet Naħas, is-sultan taʼ Għammon, David bagħat messaġġiera biex ifarrġu lil ibnu Ħanun, li kien beda jsaltan minflok missieru. Madankollu, xi wħud interpretaw ħażin iż-żjara tal-messaġġiera billi bdew jgħidu li dawn ġew biex jitkixxfu kemm jistgħu dwar it-territorju taʼ l-Għammonin. Dan qanqal lil Ħanun biex l-ewwel jumilja lill-messaġġiera u mbagħad jagħmel gwerra kontra Iżrael. B’riżultat taʼ dan, mietu minn taʼ l-inqas 47,000 ruħ, u dan kollu minħabba li intenzjonijiet tajbin ġew interpretati ħażin.—1 Kronaki 19:1-19.
Iktar kmieni fl-istorja taʼ Iżrael, kien hemm każ ieħor fejn xi ħadd fehem ħażin, imma dan ġie solvut b’mod differenti ferm. It-tribujiet taʼ Ruben u Gad u nofs it-tribù taʼ Manassi bnew artal kbir li kien jidher sew ħdejn ix-Xmara Ġordan. Għall-bqija taʼ Iżrael dan deher bħala nuqqas taʼ fedeltà, ribelljoni kontra Jehovah. Għalhekk, huma nġabru biex jiggwerraw kontrihom. Qabel ma ħadu dawn il-passi drastiċi, l-Iżraelin bagħtu messaġġiera biex juru kemm kienu rrabjati għal dan l-att li deher bħala nuqqas taʼ fedeltà. Imn’Alla għamlu hekk, għax dawk li bnew l-artal wieġbu li ma kellhom ebda intenzjoni li jwarrbu mill-qima pura. Anzi għall-kuntrarju, l-artal kellu jservi bħala monument biex ifakkarhom dwar il-fedeltà tagħhom lejn Jehovah. Din l-interpretazzjoni żbaljata tal-fatti setgħet ikkaġunat massakru sħiħ, imma permezz taʼ l-għerf dawn il-konsegwenzi koroh setgħu jiġu evitati.—Ġożwè 22:10-34.
Iċċara l-Affarijiet bi Spirtu taʼ Mħabba
Nitgħallmu ħafna meta nqabblu dawn ir-rakkonti. Ovvjament, l-iktar ħaġa għaqlija li wieħed jistaʼ jagħmel hi li jiċċara l-affarijiet. Fl-episodju li għadna kif iddiskutejna, min jaf kemm ħajjiet ġew salvati sempliċement għax iż-żewġ partijiet tkellmu flimkien! Ġeneralment, m’int se toqtol lil ħadd jekk ma tifhimx x’inhuma l-intenzjonijiet veri taʼ dak li jkun, imma l-ħbiberija tistaʼ toqtolha. Għalhekk, jekk tħoss li xi ħadd aġixxa ħażin miegħek, ċert int li qed tifhem eżatt kif verament huma l-affarijiet, jew qiegħed tinterpretahom ħażin? Liema motivi kellha l-persuna l-oħra? Staqsiha. Tħoss li qed tiġi mifhum ħażin? Tkellem magħha. Iżżommx lura minħabba l-kburija.
Ġesù tana inċentiv mill-aqwa biex niċċaraw l-affarijiet f’każ li nifhmu lil xulxin ħażin: “Mela jekk tkun qiegħed ittallaʼ l-offerta tiegħek fuq l-artal u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, ħalli l-offerta tiegħek hemmhekk quddiem l-artal u mur l-ewwel irranġa maʼ ħuk, u mbagħad ejja tallaʼ l-offerta tiegħek.” (Mattew 5:23, 24) Għalhekk, l-aħjar ħaġa hi li tmur u titkellem mal-persuna l-oħra, ras imb’ras, mingħajr ma tinvolvi lil ħaddieħor. Ikun agħar jekk dak li offendiek jismaʼ mingħand xi ħaddieħor bl-ilmenti tiegħek qabel ma tgħidhomlu int. (Proverbji 17:9) Il-mira tiegħek għandha tkun li fi spirtu taʼ mħabba taħdem biex iżżomm il-paċi. Bil-kalma kollha uri x’inhi l-problema bi kliem ċar, sempliċi, u mingħajr ma takkuża lil ħadd. Spjega kif qed tħossok minħabba din is-sitwazzjoni. Imbagħad ismaʼ mingħajr preġudizzju kif taħsibha l-persuna l-oħra. Tgħaġġilx biex tgħid li din kellha motivi ħżiena. Kun lest li turi fiduċja f’din il-persuna billi taħseb li dak li għamlet għamlitu bla ħsieb taʼ xejn. Ftakar li l-imħabba “kollox temmen.”—1 Korintin 13:7.
M’għandniex xi ngħidu, anki meta jiġu ċċarati l-affarijiet, għandu mnejn li dak li jkun xorta jistaʼ jibqaʼ jħossu mweġġaʼ jew ikollu jissaporti xi konsegwenzi negattivi. X’jistaʼ jsir? Fejn ikun hemm bżonn, huwa xieraq li dak li jkun jiskuża ruħu b’mod sinċier, u jieħu l-passi meħtieġa biex jirranġa l-affarijiet kemm jistaʼ jkun. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, min iħossu mweġġaʼ jagħmel tajjeb li jsegwi dan il-parir imnebbaħ: “Stabru b’xulxin, u, jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid maʼ ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll. U fuq kollox ilbsu l-imħabba, li hi [“rabta perfetta li tgħaqqad,” NW].”—Kolossin 3:13, 14; 1 Pietru 4:8.
Sakemm għadna imperfetti, se jkun hemm drabi fejn nifhmu lil xulxin ħażin u nweġġgħu s-sentimenti taʼ xulxin. Kulħadd jistaʼ jiżbalja jew jgħid xi kelma li tinstemaʼ ħarxa jew li tweġġaʼ. Il-Bibbja turina: “Aħna lkoll niżbaljaw, u taʼ sikwit; jekk xi ħadd ma jiżbaljax f’dak li jgħid, dan ikun perfett, kapaċi jrażżan ġismu kollu.” (Ġakbu 3:2) Minħabba li Alla Jehovah dan jafu tajjeb, hu pprovdielna dawn l-istruzzjonijiet: “Tħallix il-korla tikbes malajr f’qalbek, għax f’qalb il-boloh tbejjet il-korla. Ħaġ’oħra: tagħtix widen għall-għajdut kollu tan-nies li ma tmurx tismaʼ l-qaddej tiegħek jidgħilek ħażin fuqek, għax qalbek stess tgħidlek li kemm-il darba int ukoll dgħajt lil ħaddieħor.”—Koħèlet 7:9, 21, 22.
‘Il-Mulej Qed Jiżen il-Qlub’
Xi ngħidu jekk ikun jidher impossibbli li tbiddel l-opinjoni ħażina li xi ħadd ikollu tiegħek? Taqtax qalbek. Kompli agħmel l-aħjar tiegħek biex tikkultiva u turi l-kwalitajiet Kristjani. Itlob lil Jehovah biex jgħinek titjieb fejn għandek bżonn. Il-valur veru tiegħek bħala persuna, fl-aħħar mill-aħħar, m’huwiex determinat minn xi bniedem ieħor. Jehovah biss jistaʼ ‘jiżen il-qlub’ b’mod eżatt. (Proverbji 21:2) Anki Ġesù xejn ma kien stmat u kien ukoll mibgħud mill-bnedmin, imma dan m’effettwax il-mod kif kien iqisu Jehovah. (Isaija 53:3) Għalkemm xi wħud jistgħu jiġġudikawk ħażin, int tistaʼ ‘tiftaħ qalbek’ maʼ Jehovah, b’fiduċja sħiħa li hu se jifhmek, “għax il-Mulej ma jarax bħalma jara l-bniedem, dak biss li jidher fl-għajn, imma l-qalb.” (Salm 62:9 [62:8, NW]; 1 Samwel 16:7) Jekk ma taqtax qalbek u tkompli tagħmel dak li hu sewwa, dawk li ħadu impressjoni ħażina tiegħek, maż-żmien, jistgħu jirrealizzaw li kienu żbaljati u jbiddlu l-opinjoni tagħhom.—Galatin 6:9; 2 Timotju 2:15.
Tiftakru lil Antonio, dak li semmejna fil-bidu taʼ dan l-artiklu? Hu għamel kuraġġ biex isegwi l-parir Skritturali, u tkellem maʼ ħabibu Leonardo, billi staqsieh jekk kienx għamillu xi ħaġa. Ir-riżultat? Leonardo baqaʼ ċċassat. Hu wieġeb li Antonio ma kien għamillu xejn u aċċertah li ma kellu ebda intenzjoni li jaġixxi b’mod differenti miegħu. Jekk deher li ma tax kasu, dan kien x’aktarx minħabba li kien inkwetat fuq xi ħaġa. Leonardo skuża ruħu talli mingħajr ma kien jaf weġġaʼ s-sentimenti taʼ ħabibu u rringrazzjah talli ġibidlu l-attenzjoni. Hu żied li fil-futur kien se joqgħod iktar attent biex ma jagħtix l-istess impressjoni lil xi ħaddieħor. It-tensjoni sempliċement għosfrot, u ż-żewġt iħbieb saru eqreb minn qatt qabel.
Qatt m’hu pjaċevoli li tħossok li qed tiġi mifhum ħażin. Madankollu, jekk tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tiċċara l-affarijiet u tapplika l-prinċipji Skritturali taʼ l-imħabba u l-maħfra, iktar iva milli le, int ukoll se tikseb l-istess riżultati tajbin.
[Nota taʼ taħt]
a Xi ismijiet f’dan l-artiklu ġew mibdulin.
[Stampi f’paġna 23]
Meta tiċċara l-affarijiet bi spirtu taʼ mħabba u maħfra tikseb riżultati taʼ ferħ