Kif Ikollok Suċċess fiż-Żgħożija Tiegħek
IR-RESIDENTI taʼ pajjiż Ewropew intalbu biex jagħżlu waħda minn tliet alternattivi: is-sbuħija, l-għana, jew iż-żgħożija. L-ewwel għażla kienet iż-żgħożija. Iva, nies taʼ kull età jqisu ż-żmien taʼ l-adolexxenza u s-snin taʼ ftit ’il fuq minn 20 sena bħala żmien speċjali fil-ħajja. U kulħadd irid li ż-żgħażagħ ikollhom suċċess hekk kif minn tfal isiru adulti. Imma kif?
Tistaʼ tkun t’għajnuna l-Bibbja? It-tweġiba mingħajr ebda dubju hija iva. Ejja neżaminaw żewġ aspetti li fihom il-Kelma t’Alla tistaʼ tkun t’għajnuna speċjali għaż-żgħażagħ, forsi iktar t’għajnuna għaż-żgħażagħ milli għal oħrajn taʼ età differenti.
Kif Tingwalaha m’Oħrajn
Jugend 2000 huwa rapport fuq stħarriġ estensiv li sar dwar l-attitudnijiet, il-valuri, u l-imġiba taʼ ’l fuq minn 5,000 żagħżugħ u żagħżugħa fil-Ġermanja. L-istħarriġ juri li meta ż-żgħażagħ jagħmlu xi attività fil-ħin liberu—bħal li jisimgħu l-mużika, jieħdu sehem f’xi sports, jew sempliċement joħorġu—huma kważi dejjem ikunu maʼ nies oħra. Forsi iktar minn persuni oħrajn taʼ età differenti, iż-żgħażagħ ikunu jridu joqogħdu maʼ dawk taʼ mparhom. Minħabba f’dan, wieħed mis-sigrieti tas-suċċess fiż-żgħożija huwa li tingwalaha m’oħrajn.
Imma mhux dejjem faċli li tingwalaha m’oħrajn. Tabilħaqq, iż-żgħażagħ jammettu li taʼ spiss ikollhom problemi fejn jidħlu r-relazzjonijiet umani. Hawnhekk il-Bibbja tistaʼ tkun t’għajnuna kbira. Il-Kelma t’Alla fiha gwida bażika għaż-żgħażagħ biex jibnu relazzjonijiet bilanċjati. X’tgħid il-Bibbja dwar dan?
Wieħed mill-iktar prinċipji importanti tar-relazzjonijiet umani huwa msejjaħ ir-Regola tad-Deheb: ‘Dak kollu li trid li l-bnedmin jagħmlu lilek, agħmlu wkoll int lilhom.’ Meta tittratta m’oħrajn b’rispett, dinjità, u qalb tajba tkun qed tinkuraġġihom biex jittrattawk bl-istess mod. Imġiba tajba tistaʼ ġġib fix-xejn nuqqas taʼ qbil u stress. Jekk tkun magħruf għall-qalb tajba li turi m’oħrajn, int x’aktarx li se tiġbed l-attenzjoni tagħhom u tiġi aċċettat minnhom. Ma jagħmlekx ferħan il-fatt li tkun aċċettat minn oħrajn?—Mattew 7:12.
Il-Bibbja twissik biex ‘tħobb lil għajrek bħalek innifsek.’ Trid tħobb lilek innifsek fis-sens li tieħu ħsieb tiegħek innifsek u li jkollok ammont raġunevoli taʼ rispett lejk innifsek, la żżejjed u lanqas ftit li xejn. Għala jgħin dan? Sewwa, jekk m’għandekx rispett lejk innifsek, għandek mnejn tikkritika żżejjed lil oħrajn, u dan ifixklek milli jkollok relazzjonijiet tajbin. Imma li jkollok rispett bilanċjat lejk innifsek huwa bażi li fuqu tistaʼ tibni ħbiberiji sodi.—Mattew 22:39.
Ladarba tiżviluppa ħbiberija, ikun hemm bżonn li tissaħħaħ permezz taʼ sforzi miż-żewġ naħat. Il-ħin li tinvesti fi ħbiberija għandu jġagħlek tħossok ferħan, ladarba “min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu.” Mod wieħed taʼ kif tagħti hu li taħfer. Dan jinvolvi li tagħlaq għajnejk għal xi żbalji żgħar u ma tistenniex il-perfezzjoni minn oħrajn. Il-Bibbja tgħidilna: “Il-ħlewwa tagħkom, ħa jkunu jafuha l-bnedmin kollha.” Tabilħaqq, “sakemm ikun ġej minnkom, għixu fil-paċi maʼ kulħadd.” Xi ngħidu jekk xi ħabib jipponta lejn xi dgħjufija li għandek? Kif tirreaġixxi? Ikkunsidra din it-twissija prattika mill-Bibbja: “Tħallix il-korla tikbes malajr f’qalbek,” ladarba “sinċier is-swat taʼ ħabib.” M’huwiex minnu li l-ħbieb jinfluwenzaw il-ħsieb, il-kliem, u l-imġiba tiegħek? Għaldaqstant, il-Bibbja twissi: “Il-ħbiberija ħażina tħassar id-drawwiet tajba.” Mill-banda l-oħra, “min jagħmilha maʼ l-għaref, isir għaref.”—Atti 20:35; Filippin 4:5; Rumani 12:17, 18; Koħèlet 7:9; Proverbji 13:20; 27:6, Saydon; 1 Korintin 15:33.
Marco jirrappreżenta lil ħafna żgħażagħ meta jgħid: “Il-prinċipji Bibliċi huma t’għajnuna kbira biex ningwalawha m’oħrajn. Xi nies li naf jgħixu biss għalihom infushom u għal dak li jistgħu jiksbu mill-ħajja. Il-Bibbja tgħallimna naħsbu, mhux fina nfusna, imma iktar fl-oħrajn. Safejn naf jien, dan hu l-aħjar mod biex ikollok relazzjonijiet tajbin m’oħrajn.”
Dak li ż-żgħażagħ bħal Marco jitgħallmu mill-Bibbja jgħinhom mhux biss fiż-żgħożija imma għal snin sħaħ fil-futur. U rigward il-futur, il-Bibbja tistaʼ tkun t’għajnuna speċjali għall-ġenerazzjoni żagħżugħa b’mod ieħor.
Ansjetà dwar il-Futur
Ħafna żgħażagħ huma kurjużi. Forsi iktar minn oħrajn taʼ età differenti, huma jkunu jridu jafu x’qed jiġri u għala. U l-Bibbja, iktar minn kwalunkwe ktieb ieħor, tispjega r-raġunijiet għala d-dinja tinsab f’din il-kundizzjoni u tgħidilna x’se nistennew fil-futur. Dan huwa propju dak li trid tkun taf il-ġenerazzjoni żagħżugħa. Għala nistgħu nkunu ċerti dwar dan?
Sewwa, għalkemm il-biċċa l-kbira min-nies jemmnu li ż-żgħażagħ jgħixu biss għall-preżent, xi studji li saru jagħtu ħarsa kemxejn differenti. Dawn juru li ż-żgħażagħ taʼ spiss jinnotaw sew dak li jkun qed jiġri madwarhom, u mbagħad jifformaw il-konklużjoni tagħhom dwar kif x’aktarx se tkun il-ħajja fil-futur. Bħala evidenza taʼ dan hemm il-fatt li 3 minn kull 4 żgħażagħ jaħsbu “spiss” jew “regolarment” dwar il-futur. Għalkemm iż-żgħażagħ ġeneralment huma ottimisti, il-biċċa l-kbira minnhom iħarsu lejn il-futur b’xi ftit ansjetà.
Għala hemm din l-ansjetà? Ħafna żgħażagħ taʼ llum diġà għandhom problemi bil-kriminalità, il-vjolenza, u l-abbuż tad-droga. Iż-żgħażagħ jinkwetaw dwar kif jistaʼ jkollhom xogħol stabbli f’soċjetà b’tant kompetizzjoni. Huma jħossuhom taħt pressjoni biex iġibu marki għoljin fl-iskola jew biex ikollhom suċċess kbir fuq ix-xogħol. Żagħżugħa taʼ 17-il sena tilmenta: “Aħna ngħixu f’soċjetà li hi bla ħniena u interessata biss fiha nfisha. Kulħadd irid li tgħaddi tiegħu. Dejjem trid tagħti prova taʼ dak li kapaċi tagħmel, u dan lili jkiddni.” Żagħżugħ ieħor li għandu 22 sena qal: “Dawk li jirnexxilhom jagħmlu suċċess ikomplu mexjin ’il quddiem fil-ħajja u jkunu jistgħu jgħixu komdi. Dawk li ċ-ċirkustanzi tagħhom ikunu kontrihom, li għal xi raġuni jew oħra ma jkollhomx l-istess suċċess, ikollhom sempliċement jibqgħu lura.” Għala hawn daqshekk kompetizzjoni fil-ħajja? Se nibqgħu dejjem ngħixu hekk?
Spjegazzjoni Realistika
Meta ż-żgħażagħ iħarsu konfużi u beżgħana lejn is-soċjetà, huma jkunu qegħdin jaqblu mal-Bibbja—sew jekk huma konxji taʼ dan il-fatt u sew jekk le. Il-Kelma t’Alla turi li “s-soċjetà li hi bla ħniena u interessata biss fiha nfisha” taʼ llum hija sinjal taż-żminijiet. F’ittra lil żagħżugħ jismu Timotju, l-appostlu Pawlu kiteb hekk dwar żmienna: “Żminijiet kritiċi li iebes biex issib tarfhom se jkunu hawnhekk.” (2 Timotju 3:1, NW) Għala huma kritiċi, u għala huwa iebes biex issib tarfhom? Għax bħalma kompla jikteb Pawlu, in-nies kellhom “jingħataw għall-imħabba tagħhom infushom u tal-flus; faħħarin, suppervi, . . . bla gratitudni, bla tjieba, . . . kiefra.” M’hijiex din deskrizzjoni eżatta taʼ kif inhuma ħafna nies illum?—2 Timotju 3:2, 3.
Il-Bibbja tistqarr li dawn iż-żminijiet kritiċi se jkunu “fl-aħħar jiem,” qabel ma jseħħu bidliet kbar fuq is-soċjetà umana kollha. Dawn il-bidliet se jeffettwaw lil kulħadd, kemm liż-żgħar u kemm lill-kbar. Liema xorta taʼ bidliet? Dalwaqt il-gvern tas-sema se jieħu post il-ħakma tal-bniedem, u s-sudditi se jgawdu “sliem kotran” kullimkien. “Il-ġusti jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.” Is-sentimenti t’ansjetà u biżaʼ se jkunu xi ħaġa tal-passat.—Salm 37:11, 29.
Il-Bibbja biss tagħti tagħrif taʼ min joqgħod fuqu għall-futur. Meta żagħżugħ ikun jaf x’se jiġri fi ftit snin oħra, ikun jistaʼ jipprepara għall-iżviluppi li jkunu se jsiru u jħossu fis-sigurtà u li jistaʼ jikkontrolla ħajtu aħjar. Dan ikun jistaʼ jgħinu jnaqqas l-istress u l-ansjetà. B’dan il-mod, il-bżonn speċjali tal-ġenerazzjoni żagħżugħa—biex jifhmu s-soċjetà u jkunu jafu x’hemm jistenniehom fil-futur—hu diskuss fil-Bibbja.
Suċċess fiż-Żgħożija
X’inhi l-bażi biex ikollok suċċess fiż-żgħożija? Edukazzjoni avanzata, ġid materjali, u ħafna ħbieb? Ħafna hekk jaħsbu. Iż-żmien taʼ l-adolexxenza u s-snin taʼ ftit ’il fuq minn 20 sena għandhom jagħtu bidu tajjeb għall-futur taʼ dak li jkun. Fi kliem ieħor, is-suċċess fiż-żgħożija jistaʼ jagħti indikazzjoni taʼ dak li jkun ġej iktar tard.
Bħalma rajna, il-Bibbja tistaʼ tgħin żagħżugħ biex ikollu suċċess f’żgħożitu. Ħafna żgħażagħ diġà skoprew kemm dan hu minnu f’ħajjithom stess. Huma jaqraw il-Kelma t’Alla kuljum u japplikaw dak li jitgħallmu. (Ara “Suġġeriment Utli minn Qaddej Żagħżugħ taʼ Jehovah,” f’paġna 6.) Tabilħaqq, il-Bibbja tassew hija ktieb għaż-żgħażagħ taʼ llum għax tistaʼ tgħinhom biex ‘ikunu perfetti [“kompetenti,” NW], imħejjijin għal kull ħidma tajba.’—2 Timotju 3:16, 17.
[Kumment f’paġna 5]
Wieħed mis-sigrieti tas-suċċess fiż-żgħożija huwa li tingwalaha m’oħrajn
[Kumment f’paġna 6]
Forsi iktar minn oħrajn taʼ età differenti, iż-żgħażagħ ikunu jridu jafu x’qed jiġri u għala
[Kaxxa f’paġna 6, 7]
Suġġeriment Utli minn Qaddej Żagħżugħ taʼ Jehovah
Alexander għandu 19-il sena. Hu trabba ġewwa familja tax-Xhieda taʼ Jehovah, u jieħu gost ħafna jipprattika l-fidi tiegħu b’qalbu kollha. Imma ma kienx dejjem hekk. Alexander jispjega:
“Forsi lanqas temmen imma jien kont ili nassoċja max-Xhieda taʼ Jehovah bħala żagħżugħ mhux mgħammed għal iktar minn sebaʼ snin. Matul dak iż-żmien, il-qima tiegħi kienet sempliċi rutina li kont nagħmel b’nofs qalb. Naħseb li sempliċement ma kellix il-kuraġġ li neżamina lili nnifsi onestament.”
Imbagħad l-attitudni t’Alexander inbidlet. Hu jkompli:
“Il-ġenituri u l-ħbieb tiegħi fil-kongregazzjoni baqgħu jħeġġuni biex naqra l-Bibbja kuljum, li nsir naf lil Jehovah personalment. Fl-aħħar iddeċidejt li nipprova. Għalhekk, naqqast il-ħin li kont inqattaʼ quddiem it-televixin u għamilt il-qari tal-Bibbja parti mill-iskeda tiegħi taʼ kull fil-għodu. Sa fl-aħħar bdejt nifhem x’inhu l-iskop tal-Bibbja. Rajt kif tistaʼ tgħinni bħala persuna. U—l-iktar ħaġa importanti—fhimt li Jehovah jridni nsir nafu. Malli tajt kas taʼ dan, ir-relazzjoni persunali miegħu bdiet tikber, u l-ħbiberiji ġewwa l-kongregazzjoni tjiebu. X’bidla sinifikanti għamlitli l-Bibbja f’ħajti! Jien nirrikkmanda lil kull qaddej żagħżugħ taʼ Jehovah biex jaqra l-Bibbja kuljum.”
Mad-dinja kollha, hemm miljuni taʼ żgħażagħ li jassoċjaw max-Xhieda taʼ Jehovah. Int wieħed minnhom? Tixtieq tibbenefika mill-qari regulari tal-Bibbja? Għax ma tiħux l-eżempju t’Alexander? Naqqas l-attivitajiet inqas importanti u agħmel il-qari tal-Bibbja parti mir-rutina tiegħek taʼ kuljum. Żgur li se tibbenefika.