LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 3/15 pp. 8-13
  • Hija t-Tmexxija taʼ Kristu Reali Għalik?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Hija t-Tmexxija taʼ Kristu Reali Għalik?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Żgħażagħ—‘Ibqgħu Ikbru fl-​Għerf’
  • “Oqogħdu għal Xulxin”
  • ‘Ibqgħu Fittxu l-​Ewwel is-​Saltna’
  • Tmexxija Tajba Fejn Nistgħu Nsibuha?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Insegwu lil Kristu, il-Mexxej Perfett
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Kristu Jmexxi l-Kongregazzjoni Tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Kif Tistaʼ Tagħmel il-​Ħajja tal-​Familja Tiegħek Hienja
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 3/15 pp. 8-13

Hija t-​Tmexxija taʼ Kristu Reali Għalik?

“Tħallux min isejjħilkom mexxejja, għax il-​mexxej tagħkom wieħed hu, il-​Messija.”—MATTEW 23:10.

1. Min huwa l-​uniku Mexxej tal-​Kristjani veri?

KIEN it-​Tlieta, 11 taʼ Nisan. Tlett ijiem wara, Ġesù Kristu kien se jiġi maqtul. Din kienet l-​aħħar żjara tiegħu fit-​tempju. Dak in-​nhar, Ġesù għallem xi ħaġa importanti lid-​dixxipli tiegħu u lill-​folla li kienet inġemgħet hemmhekk. Hu qal: “Tħallux min isejjħilkom Rabbi, għax l-​Imgħallem tagħkom wieħed hu, u intom ilkoll aħwa. U ssejjħu lil ħadd missierkom fuq din l-​art, għax il-​Missier tagħkom wieħed hu, dak li hu fis-​smewwiet. Hekk ukoll tħallux min isejjħilkom mexxejja, għax il-​mexxej tagħkom wieħed hu, il-​Messija.” (Mattew 23:​8-10) Jidher ċar, li Ġesù Kristu huwa l-​Mexxej tal-​Kristjani veri.

2, 3. Xi jkun l-​effett f’ħajjitna meta nisimgħu minn Jehovah u naċċettaw il-​Mexxej maħtur tiegħu?

2 Kemm nibbenefikaw mit-​tmexxija taʼ Ġesù meta naċċettawha! Waqt li kien qed ibassar il-​miġja taʼ dan il-​Mexxej, Alla Jehovah iddikjara permezz tal-​profeta Isaija: “Intom li bikom l-​għatx, ejjew għall-​ilma; intom ukoll li m’għandkomx flus. Ejjew, ixtru u kulu b’xejn, nbid u ħalib bla ħlas. . . . Isimgħu minni, u tieklu tajjeb, u ruħkom titpaxxa b’ikel bnin. . . . Ara, jien qegħedtu xhud fost il-​ġnus, [“mexxej u kmandant,” KŻ] fuq il-​popli.”—Isaija 55:​1-4.

3 Isaija uża likwidi komuni—ilma, ħalib, u nbid—bħala metafori biex juri kif il-​ħajja persunali tagħna tiġi effettwata meta nisimgħu minn Jehovah u nimxu wara l-​Mexxej u l-​Kmandant li tana. Ir-​riżultat huwa wieħed rifreskanti. Hu bħal meta tixrob tazza ilma kiesaħ f’ġurnata sħuna. L-​għatx li għandna għall-​verità u t-​tjieba jinqatgħalna. Bħalma l-​ħalib isaħħaħ lit-​trabi u jgħinhom jikbru, ‘il-​ħalib tal-​kelma’ (KŻ) jsaħħaħna u jgħinna nikbru spiritwalment fir-​relazzjoni tagħna m’Alla. (1 Pietru 2:​1-3) U min jistaʼ jiċħad li l-​inbid iġib il-​ferħ f’okkażjonijiet festivi? Bl-​istess mod, meta nqimu lil dak Alla veru u nimxu fil-​passi tal-​Mexxej maħtur tiegħu ‘nkunu tassew ferħanin.’ (Dewteronomju 16:15) Mela, huwa vitali li lkoll kemm aħna—żgħar u kbar, irġiel u nisa—nuru li t-​tmexxija taʼ Kristu hija reali għalina. Iżda, kif nistgħu nuru fil-​ħajja tagħna taʼ kuljum li l-​Messija huwa l-​Mexxej tagħna?

Żgħażagħ—‘Ibqgħu Ikbru fl-​Għerf’

4. (a) X’ġara meta Ġesù kellu 12-il sena u mar Ġerusalemm fi żmien il-​Qbiż? (b) Ġesù x’għarfien kellu fl-​età tenera taʼ 12-il sena?

4 Ikkunsidra l-​eżempju li l-​Mexxej tagħna ħalla biex iż-​żgħażagħ jimxu fuqu. Għalkemm ftit li xejn nafu dwar it-​tfulija taʼ Ġesù, hemm ġrajja li tgħidilna ħafna affarijiet. Meta Ġesù kellu 12-il sena, il-​ġenituri tiegħu ħaduh magħhom Ġerusalemm, fejn kienu jitilgħu kull sena sabiex jiċċelebraw il-​Qbiż. F’din l-​okkażjoni Ġesù kien mitluf f’diskussjoni fuq l-​Iskrittura, u mingħajr ma induna ħadd, il-​familja tiegħu telqet mingħajru. Tlett ijiem wara, il-​ġenituri tiegħu, Ġużeppi u Marija, li kienu inkwetati ferm, sabuh fit-​tempju “bil-​qiegħda f’nofs l-​għalliema, jismagħhom u jistaqsihom.” Iktar minn hekk, “kull min semgħu baqaʼ mistagħġeb bid-​dehen u t-​tweġibiet tiegħu.” Immaġina ftit, fl-​età tenera taʼ 12-il sena, Ġesù mhux biss kien kapaċi jqajjem mistoqsijiet dwar affarijiet spiritwali b’mod li jġagħlek taħseb, imma wkoll jagħti tweġibiet intelliġenti! Mingħajr ebda dubju, hu kien megħjun jagħmel dan bit-​taħriġ li tawh il-​ġenituri tiegħu.—Luqa 2:​41-50.

5. Iż-​żgħażagħ kif jistgħu jeżaminaw l-​attitudni tagħhom lejn l-​istudju tal-​Bibbja bħala familja?

5 Forsi int żagħżugħ. Jekk il-​ġenituri tiegħek huma qaddejja devoti t’Alla, x’aktarx li d-​dar issegwu programm regulari taʼ studju tal-​Bibbja bħala familja. Int kif tħares lejh l-​istudju tal-​familja? Għala ma tirriflettix fuq mistoqsijiet bħal: ‘Qed nappoġġa jien b’qalbi kollha l-​arranġament tal-​familja tiegħi għall-​istudju tal-​Bibbja? Nikkoopera billi ma nagħmel xejn li jistaʼ jfixkel dan l-​arranġament?’ (Filippin 3:16) ‘Nipparteċipa b’mod attiv fl-​istudju? Meta jkun xieraq, nistaqsi mistoqsijiet dwar il-​materjal li nkunu qed nistudjaw u nikkummenta dwar kif nistgħu napplikawh? Hekk kif nimxi ’l quddiem spiritwalment, qiegħed jien inkompli niżviluppa xenqa għall-​“ikel sħiħ” li hu tan-​nies maturi?’—Lhud 5:​13, 14.

6, 7. Kemm jistaʼ jiswielhom liż-​żgħażagħ li jkollhom skeda biex jaqraw il-​Bibbja kuljum?

6 Barra minn hekk, huwa imprezzabbli li jkollok skeda biex taqra l-​Bibbja kuljum. Is-​salmista kanta: “Hieni l-​bniedem li ma jimxix fuq il-​parir tal-​ħżiena, . . . imma fil-​liġi tal-​Mulej hi l-​għaxqa tiegħu, lejl u nhar jaħseb fil-​liġi tiegħu.” (Salm 1:​1, 2) Ġożwè, is-​suċċessur taʼ Mosè, ‘kien jaħseb fuq il-​ktieb tal-​liġi lejl u nhar.’ Dan għenu biex jaġixxi bil-​għaqal u jirnexxi fit-​twettiq taʼ l-​inkarigu li tah Alla. (Ġożwè 1:8) Il-​Mexxej tagħna, Ġesù Kristu, qal: “Hemm miktub, ‘Il-​bniedem mhux bil-​ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.’” (Mattew 4:4) Jekk kuljum għandna bżonn nieklu fiżikament, kemm iktar għandna bżonn li nieklu spiritwalment fuq bażi regulari!

7 Taʼ 13-il sena, Nicole għarfet il-​bżonn spiritwali tagħha u bdiet taqra l-​Bibbja kuljum.a Issa li għandha 16-il sena, diġà qrat il-​Bibbja kollha darba u diġà kważi reġgħet qrat nofsha. Il-​metodu tagħha huwa sempliċi. “Jien determinata li naqra minn taʼ l-​inqas kapitlu kuljum,” tgħid hi. Kif għenha l-​fatt li taqra l-​Bibbja kuljum? Hi twieġeb: “Illum hawn ħafna influwenzi ħżiena. Il-​fidi tiegħi tkun taħt prova kuljum fl-​iskola jew xi mkien ieħor. Il-​qari tal-​Bibbja taʼ kuljum jgħinni niftakar iktar malajr f’dawk il-​kmandi u l-​prinċipji tal-​Bibbja li jinkuraġġuni biex nirreżisti għal dawn il-​pressjonijiet. Bħala riżultat, inħossni iktar qrib taʼ Jehovah u taʼ Ġesù.”

8. X’kienet id-​drawwa taʼ Ġesù fis-​sinagoga, u ż-​żgħażagħ kif jistgħu jimitawh?

8 Ġesù kellu d-​drawwa li jismaʼ u jipparteċipa fil-​qari taʼ l-​Iskrittura fis-​sinagoga. (Luqa 4:16; Atti 15:21) Kemm huwa taʼ benefiċċju għaż-​żgħażagħ li jimxu fuq dak l-​eżempju billi jattendu regolarment għal-​laqgħat Kristjani, fejn isir qari u studju tal-​Bibbja! Richard, li għandu 14-il sena, jgħid hekk biex jesprimi l-​apprezzament tiegħu għal dawn il-​laqgħat: “Il-​laqgħat huma importanti ħafna għalija. Hemmhekk niġi mfakkar il-​ħin kollu dwar x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, x’inhu morali u immorali, x’kien jagħmel u x’ma kienx jagħmel Kristu. M’għandix għalfejn nitgħallem dan b’xi esperjenza qarsa.” Iva, “il-​liġi . . . tal-​Mulej hi sewwa, u tgħallem lil min ma jafx.” (Salm 19:8 [19:​7, NW]) Nicole wkoll tagħmilha l-​mira tagħha li tattendi l-​ħames laqgħat tal-​kongregazzjoni kull ġimgħa. Barra minn hekk, hi tqattaʼ bejn sagħtejn jew tliet sigħat tipprepara għalihom.—Efesin 5:​15, 16.

9. Iż-​żgħażagħ kif jistgħu jkomplu ‘jikbru fl-​għerf’?

9 Iż-​żgħożija hija żmien tajjeb biex wieħed jikseb għarfien eżatt dwar l-​uniku Alla veru u dwar il-​wieħed li hu bagħat, Ġesù Kristu. (Ġwann 17:3) Forsi taf b’xi żgħażagħ li jqattgħu ħafna ħin jaqraw il-​komiks, jaraw it-​televixin, jilagħbu fuq il-​kompjuter, jew iqallbu fl-​Internet. Għala għandek timita lil dawn meta tistaʼ timxi fuq l-​eżempju perfett tal-​Mexxej tagħna? Meta kien għadu tifel, kienet l-​għaxqa tiegħu jitgħallem dwar Jehovah. U x’kien ir-​riżultat? Minħabba l-​imħabba li kellu għall-​affarijiet spiritwali, “Ġesù baqaʼ jikber fl-​għerf.” (Luqa 2:52) U hekk tistaʼ tagħmel int.

“Oqogħdu għal Xulxin”

10. X’se jgħin biex il-​ħajja fil-​familja tkun sors taʼ paċi u ferħ?

10 Id-​dar tistaʼ tkun post taʼ sigurtà fejn jirrenjaw il-​paċi u l-​kuntentizza, jew inkella kamp tal-​battalja mimli ġlied u inkwiet. (Proverbji 21:19; 26:21) Jekk naċċettaw it-​tmexxija taʼ Kristu se jkollna iktar paċi u ferħ fil-​familja. Fil-​fatt, l-​eżempju taʼ Ġesù huwa mudell fuqiex infasslu r-​relazzjonijiet fil-​familja. L-​Iskrittura tgħid: “Oqogħdu għal xulxin fil-​biżaʼ taʼ Kristu. Intom in-​nisa oqogħdu għal żwieġkom bħallikieku għall-​Mulej, għax ir-​raġel hu ras il-​mara, bħalma Kristu hu ras il-​Knisja [“kongregazzjoni,” NW], is-​salvatur tal-​Ġisem tiegħu. . . . Intom, l-​irġiel, ħobbu n-​nisa tagħkom, kif Kristu ħabb il-​Knisja [“kongregazzjoni,” NW] u ta ħajtu għaliha.” (Efesin 5:​21-25) L-​appostlu Pawlu kiteb lill-​kongregazzjoni tal-​Kolossin: “Intom, tfal, isimgħu mill-​ġenituri tagħkom f’kollox, għax dan hu li jogħġob lill-​Mulej.”—Kolossin 3:​18-20.

11. Ir-​raġel kif jistaʼ juri li t-​tmexxija taʼ Kristu hi reali għalih?

11 Dan il-​parir ifisser li r-​raġel għandu jkun il-​wieħed li jmexxi l-​familja tiegħu, il-​mara għandha tappoġġah lealment, u t-​tfal għandhom jobdu ’l-ġenituri tagħhom. Madankollu, l-​istat taʼ kap tar-​raġel iġib il-​ferħ biss jekk jiġi użat b’mod xieraq. Raġel għaqli jrid jitgħallem kif jeżerċita l-​istat taʼ kap billi jimita l-​Kap u l-​Mexxej tiegħu stess, Kristu Ġesù. (1 Korintin 11:3) Għalkemm Ġesù iktar tard sar il-​kap fuq l-​affarijiet kollha tal-​kongregazzjoni, meta ġie fuq l-​art, hu “ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi.” (Efesin 1:22; Mattew 20:28) Bl-​istess mod, raġel Kristjan jeżerċita l-​istat taʼ kap tiegħu mhux għall-​vantaġġi persunali, imma biex jieħu ħsieb il-​bżonnijiet taʼ martu u wliedu—iva, il-​familja kollha tiegħu. (1 Korintin 13:​4, 5) Hu jfittex li jimita l-​kwalitajiet divini tal-​kap tiegħu, Ġesù Kristu. Bħal Ġesù, hu “taʼ qalb ħelwa u umli.” (Mattew 11:​28-30) Ma jsibhiex bi tqila biex meta jiżbalja jgħid kliem bħal “jiddispjaċini” jew “għandek raġun.” L-​eżempju mill-​aħjar tiegħu jagħmilha eħfef għal martu biex tkun t’għajnuna, kompliment, u sieħba għalih, titgħallem mingħandu u taħdem id f’id miegħu.—Ġenesi 2:20; Malakija 2:14.

12. X’se jgħin lill-​mara toqgħod għall-​prinċipju taʼ l-​istat taʼ kap?

12 Il-​mara, min-​naħa tagħha, trid tkun sottomessa lejn żewġha. Madankollu, jekk tiġi effettwata mill-​ispirtu tad-​dinja, dan jistaʼ jibda jdgħajfilha l-​ħarsa tagħha lejn il-​prinċipju taʼ l-​istat taʼ kap, u l-​idea li tkun sottomessa għar-​raġel tagħha ma tibdiex togħġobha. L-​Iskrittura ma tissuġġerix li r-​raġel għandu jkun dominanti, imma huwa fatt li n-​nisa tgħidilhom biex ikunu sottomessi lejn żwieġhom. (Efesin 5:24) Barra minn hekk, il-​Bibbja żżomm lir-​raġel jew il-​missier responsabbli, u meta l-​pariri li nsibu fiha jiġu applikati, dan iwassal għall-​paċi u l-​ordni fil-​familja.—Filippin 2:5.

13. Ġesù liema eżempju taʼ sottomissjoni tahom lit-​tfal?

13 It-​tfal għandhom jobdu lill-​ġenituri tagħhom. F’dan ir-​rigward, Ġesù ħallilna eżempju eċċellenti. Wara dik id-​darba fit-​tempju, meta bħala tifel taʼ 12-il sena ntilef u damu tlett ijiem biex sabuh, Ġesù “niżel [mal-ġenituri tiegħu] u raġaʼ mar Nazaret; u kien jobdihom.” (Luqa 2:51) Is-​sottomissjoni tat-​tfal lejn il-​ġenituri tagħhom iġġib il-​paċi u l-​armonija fil-​familja. Meta kulħadd fil-​familja joqgħod għat-​tmexxija taʼ Kristu, ir-​riżultat se jkun familja ferħana.

14, 15. X’se jgħinna nirnexxu meta nħabbtu wiċċna maʼ sitwazzjoni diffiċli fil-​familja? Agħti eżempju.

14 Saħansitra meta jqumu sitwazzjonijiet diffiċli fil-​familja, iċ-​ċavetta għas-​suċċess hi li nimitaw lil Ġesù u naċċettaw il-​gwida tiegħu. Per eżempju, iż-​żwieġ bejn Jerry, li għandu 35 sena, u Lana, omm tfajla adolexxenti, ħoloq problema li lanqas biss kienu ħolmuha qabel. Jerry jispjega: “Kont naf li biex inkun kap tajjeb ridt napplika l-​istess prinċipji Bibliċi li jirnexxu f’familji oħrajn. Imma ma domtx ma skoprejt li kelli napplikahom b’iżjed għerf u dehen.” Bintu tar-​rispett kienet tħares lejh bħala wieħed li daħal bejnha u bejn ommha u ħaditu fuq demm id-​dars. Jerry kellu bżonn id-​dehen biex jagħraf li din l-​attitudni kienet qed teffettwa kulma kienet tgħid u tagħmel it-​tifla. Kif ittrattaha s-​sitwazzjoni? Jerry iwieġeb: “Jien u Lana qbilna li għall-​ewwel tkun Lana li tieħu ħsieb id-​dixxiplina, filwaqt li jien nagħmel l-​almu tiegħi biex nibni relazzjoni tajba maʼ binti tar-​rispett. Maż-​żmien, dan ġab riżultati tajbin.”

15 Meta nħabbtu wiċċna maʼ sitwazzjonijiet diffiċli fil-​familja, ikollna bżonn id-​dehen biex nifhmu għala l-​membri tal-​familja jitkellmu u jaġixxu b’ċertu mod. Għandna bżonn ukoll l-​għerf sabiex napplikaw tajjeb il-​prinċipji divini. Per eżempju, Ġesù fehem ċar għala l-​mara li kienet tbati bit-​tnixxija tad-​demm messitu, u hu ttrattaha b’għerf u b’mogħdrija. (Levitiku 15:​25-​27; Mark 5:​30-​34) L-​għerf u d-​dehen huma karatteristiċi tal-​Mexxej tagħna. (Proverbji 8:12) Aħna nkunu ferħanin jekk naġixxu bil-​mod kif kien jaġixxi hu.

‘Ibqgħu Fittxu l-​Ewwel is-​Saltna’

16. X’għandu jkun iċ-​ċentru taʼ ħajjitna, u Ġesù kif wera dan bl-​eżempju tiegħu?

16 Ġesù ma ħallielna l-​ebda dubju fuqiex għandhom jiċċentraw ħajjithom dawk li jaċċettaw it-​tmexxija tiegħu. Hu qal: “Fittxu l-​ewwel is-​Saltna u l-​ġustizzja taʼ Alla.” (Mattew 6:33) U bl-​eżempju tiegħu, hu wriena kif nagħmlu dan. Wara li tgħammed u għamel 40 jum isum, jimmedita, u jitlob, Ġesù ġie ttantat. Satana x-​Xitan offrielu l-​ħakma fuq “is-​saltniet kollha tad-​dinja.” Immaġina l-​ħajja li setaʼ kellu Ġesù kieku aċċetta l-​offerta tax-​Xitan! Madankollu, Kristu kien dejjem iffokat f’li jagħmel ir-​rieda taʼ Missieru. Hu għaraf ukoll li ħajja bħal din fid-​dinja taʼ Satana kienet se tkun għomorha qasir. Hu mill-​ewwel irrifjuta l-​offerta tax-​Xitan, u qal: “Hemm miktub, ‘Lill-​Mulej, Alla tiegħek, għandek tadura, u lilu biss taqdi.’” Ftit wara, Ġesù “beda jxandar u jgħid: ‘Indmu għax is-​Saltna tas-​Smewwiet waslet.’” (Mattew 4:​2, 8-10, 17) Għall-​bqija taʼ ħajtu fuq l-​art, Kristu kien proklamatur full-time tas-​Saltna t’Alla.

17. Kif nistgħu nuru li l-​interessi tas-​Saltna huma fl-​ewwel post f’ħajjitna?

17 Nagħmlu tajjeb li nimitaw il-​Mexxej tagħna u ma nħallux id-​dinja taʼ Satana tħajjarna biex nagħmlu xi karriera li trendi ħafna flus il-​mira ewlenija f’ħajjitna. (Mark 1:​17-​21) Xi bluha tkun jekk inħallu lilna nfusna nitħabblu fix-​xibka taʼ miri dinjin u nħallu l-​interessi tas-​Saltna jaqgħu fit-​tieni post! Ġesù fdana bix-​xogħol taʼ l-​ippridkar dwar is-​Saltna u li nagħmlu dixxipli. (Mattew 24:14; 28:​19, 20) Iva, forsi għandna familja jew xi responsabbiltajiet oħrajn li rridu nieħdu ħsiebhom, iżda m’aħniex ferħanin aħna li nistgħu nwettqu r-​responsabbiltà Kristjana tagħna li nippridkaw u ngħallmu fil-​għaxijiet u fi tmiem il-​ġimgħa? U kemm huwa inkuraġġanti li nkunu nafu li matul is-​sena taʼ servizz 2001, xi 780,000 setgħu jaqdu bħala ministri full-time, jew pijunieri!

18. X’jgħinna jkollna l-​ferħ fil-​ministeru?

18 Ir-​rakkonti taʼ l-​Evanġelju jiddeskrivu lil Ġesù bħala bniedem t’azzjoni u li kellu wkoll sentimenti teneri. Meta ra l-​bżonnijiet spiritwali tan-​nies taʼ madwaru, hu tħassarhom u kollu ħerqan offra li jgħinhom. (Mark 6:​31-34) Aħna jistaʼ jkollna l-​ferħ fil-​ministeru tagħna meta nieħdu sehem fih għax inkunu mqanqlin mill-​imħabba għan-​nies u minn xewqa sinċiera li ngħinuhom. Imma kif nistgħu niksbu xewqa bħal din? “Meta kont adolexxent,” jgħid żagħżugħ jismu Jayson, “ma tantx kont nieħu pjaċir fil-​ministeru.” X’għenu jiżviluppa mħabba għal dan ix-​xogħol? Jayson iwieġeb: “Il-​familja tiegħi dejjem kienet tħalli s-​Sibt fil-​għodu għas-​servizz taʼ l-​għalqa. Dan kien tajjeb għalija għax iktar ma kont noħroġ fil-​ministeru, iktar stajt nara kemm joħroġ ġid minnu u iktar bdejt nieħu pjaċir.” Aħna wkoll għandna nieħdu sehem fil-​ministeru b’mod regulari u b’ħeġġa kbira.

19. X’għandha tkun id-​determinazzjoni tagħna rigward it-​tmexxija taʼ Kristu?

19 Li naċċettaw it-​tmexxija taʼ Kristu huwa tabilħaqq rifreskanti u premjanti. Meta nagħmlu hekk, iż-​żgħożija tkun żmien biex nimxu ’l quddiem fl-​għarfien u fl-​għerf. Il-​ħajja tal-​familja tkun sors taʼ paċi u hena, u l-​ministeru jkun attività li ġġib il-​ferħ u s-​sodisfazzjon. Ċertament, mela, ejja nkunu determinati li nuru li t-​tmexxija taʼ Kristu hija reali għalina fil-​ħajja tagħna taʼ kuljum u fid-​deċiżjonijiet li nagħmlu. (Kolossin 3:​23, 24) Iżda, Ġesù Kristu huwa l-​Mexxej tagħna f’aspett ieħor—il-​kongregazzjoni Kristjana. L-​artiklu li jmiss se jiddiskuti kif nistgħu nibbenefikaw minn dan l-​arranġament.

[Nota taʼ taħt]

a Xi ismijiet ġew mibdulin.

X’Tiftakar?

• Kif nibbenefikaw jekk nimxu wara l-​Mexxej maħtur t’Alla?

• Iż-żgħażagħ kif juru li jridu jimxu taħt it-​tmexxija taʼ Ġesù?

• X’effett għandha t-​tmexxija taʼ Kristu fil-​ħajja tal-​familja taʼ dawk li jissottomettu ruħhom għaliha?

• Il-ministeru tagħna kif jistaʼ juri li t-​tmexxija taʼ Kristu hi reali għalina?

[Stampi f’paġna 9]

Iż-​żgħożija hija żmien tajjeb biex niksbu l-​għarfien dwar Alla u l-​Mexxej maħtur tagħna

[Stampa f’paġna 10]

Is-​sottomissjoni għat-​tmexxija taʼ Kristu ġġib il-​ferħ fil-​familja

[Stampi f’paġna 12]

Ġesù fittex l-​ewwel is-​Saltna. Int hekk tagħmel?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja