LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 3/15 pp. 13-18
  • Kristu Jmexxi l-Kongregazzjoni Tiegħu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kristu Jmexxi l-Kongregazzjoni Tiegħu
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Is-​Sid Għandu Lsir Leali
  • ‘Oqogħdu Għalihom u Obduhom’
  • Kif l-​Anzjani Joqogħdu għat-​Tmexxija taʼ Kristu
  • Ibqaʼ taħt it-​Tmexxija taʼ Kristu
  • Ibqgħu Mexjin Bħalma Mexa Ġesù Kristu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Kunu Ubbidjenti Lejn Dawk li Jieħdu t-Tmexxija
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Nissottomettu Ruħna bl-Umiltà Lejn Rgħajja Kollhom Imħabba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • “Wieħed Hu l-Mexxej Tagħkom, il-Kristu”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 3/15 pp. 13-18

Kristu Jmexxi l-​Kongregazzjoni Tiegħu

“Ara, jiena magħkom dejjem, sa l-​aħħar taż-​żmien.”—MATTEW 28:20.

1, 2. (a) Meta Ġesù rxoxtat ikkmanda lis-​segwaċi tiegħu biex jagħmlu dixxipli, liema wegħda għamlilhom? (b) Ġesù kif mexxa b’mod attiv il-​kongregazzjoni Kristjana tal-​bidu?

QABEL ma telaʼ s-​sema, Ġesù Kristu, il-​Mexxej irxoxtat tagħna, deher lid-​dixxipli tiegħu u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-​sema u fl-​art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-​ġnus kollha, u għammduhom fl-​isem tal-​Missier u taʼ l-​Iben u taʼ l-​Ispirtu s-​Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-​aħħar taż-​żmien.”—Mattew 23:10; 28:​18-20.

2 Ġesù mhux biss inkariga lid-​dixxipli tiegħu bix-​xogħol vitali li jagħmlu iktar dixxipli imma wegħedhom ukoll li kien se jkun magħhom. L-​istorja taʼ l-​ewwel Kristjani, bħalma hi mniżżla fil-​ktieb Bibliku taʼ l-​Atti, mingħajr ebda dubju turi li Kristu uża l-​awtorità li ngħatatlu biex imexxi l-​kongregazzjoni li kienet għadha kemm ġiet ifformata. Lis-​segwaċi tiegħu bagħtilhom l-​għajnuna li kien wegħedhom—l-​ispirtu qaddis—biex isaħħaħhom u jiggwida l-​isforzi tagħhom. (Ġwann 16:7; Atti 2:​4, 33; 13:​2-4; 16:​6-​10) Ġesù rxoxtat uża wkoll l-​anġli tiegħu biex jappoġġa lid-​dixxipli tiegħu. (Atti 5:​19; 8:​26; 10:​3-8, 22; 12:​7-​11; 27:​23, 24; 1 Pietru 3:​22) Iktar minn hekk, il-​Mexxej tagħna pprovda direzzjoni lill-​kongregazzjoni billi rranġa biex ikun hemm irġiel kwalifikati li jaqdu bħala ġemgħa li tiggverna.—Atti 1:​20, 24-​26; 6:​1-6; 8:​5, 14-​17.

3. Liema mistoqsijiet se jiġu kunsidrati f’dan l-​artiklu?

3 Iżda, xi ngħidu għaż-​żmien tagħna, “l-​aħħar taż-​żmien”? Ġesù Kristu kif qed imexxi l-​kongregazzjoni Kristjana llum? U kif nistgħu nuru li aħna naċċettaw din it-​tmexxija?

Is-​Sid Għandu Lsir Leali

4. (a) Min jifforma “l-​ilsir leali u diskret”? (b) Is-​Sid x’ħalla f’idejn l-​ilsir tiegħu?

4 Meta kien qed jagħti l-​profezija dwar is-​sinjal tal-​preżenza tiegħu, Ġesù qal: “Min tgħidu li hu [“l-​ilsir leali u diskret,” NW]? Min hu dak li s-​sid iqiegħdu fuq niesu biex jagħtihom jieklu fil-​ħin? Hieni dak [“l-​ilsir,” NW] li sidu jiġi u jsibu jaqdi dmiru. Tassew, ngħidilkom, li jafdalu ġidu kollu f’idejh.” (Mattew 24:​45-47) Is-​“sid” huwa l-​Mexxej tagħna, Ġesù Kristu, u dan ħatar lill-​“ilsir leali u diskret”—il-​ġemgħa taʼ Kristjani midlukin fuq l-​art—biex jieħu ħsieb l-​interessi tiegħu fuq l-​art.

5, 6. (a) Fil-viżjoni li rċieva l-​appostlu Ġwanni, x’jirrappreżentaw “is-​sebaʼ kandelabri tad-​deheb” u “s-​sebaʼ kwiekeb”? (b) X’jindika l-​fatt li “s-​sebaʼ kwiekeb” qegħdin fl-​id il-​leminija taʼ Ġesù?

5 Il-​ktieb Bibliku taʼ l-​Apokalissi juri li l-​ilsir leali u diskret qiegħed taħt il-​kontroll dirett taʼ Ġesù Kristu. Fil-​viżjoni dwar “jum il-​Mulej,” l-​appostlu Ġwanni ra “sebaʼ kandelabri tad-​deheb, u f’nofs il-​kandelabri kien hemm wieħed qisu Iben taʼ bniedem” li “f’idu l-​leminija kellu sebaʼ kwiekeb.” Meta spjega l-​viżjoni lil Ġwanni, Ġesù qal: “Dwar il-​misteru moħbi fis-​sebaʼ kwiekeb li rajtli f’idi l-​leminija u fis-​sebaʼ kandelabri tad-​deheb, kun af li s-​sebaʼ kwiekeb huma s-​sebaʼ anġli tas-​sebaʼ [“kongregazzjonijiet,” NW] u s-​sebaʼ kandelabri huma s-​sebaʼ [“kongregazzjonijiet,” NW].”—Apokalissi 1:​1, 10-20.

6 “Is-​sebaʼ kandelabri tad-​deheb” jagħtu stampa tal-​kongregazzjonijiet kollha tal-​Kristjani veri “f’jum il-​Mulej,” li beda fl-​1914. Imma xi ngħidu għas-​“sebaʼ kwiekeb”? Qabel xejn, dawn kienu jissimbolizzaw l-​indokraturi kollha mnisslin u midlukin bl-​ispirtu li kienu jieħdu ħsieb il-​kongregazzjonijiet taʼ l-​ewwel seklu.a L-​indokraturi kienu fl-​id il-​leminija taʼ Ġesù—taħt il-​kontroll u d-​direzzjoni tiegħu. Iva, Kristu Ġesù mexxa l-​klassi taʼ l-​ilsir bħala grupp. Madankollu, issa l-​indokraturi midlukin huma ftit fin-​numru. It-​tmexxija taʼ Kristu kif tistaʼ tilħaq lil iktar minn 93,000 kongregazzjoni tax-​Xhieda taʼ Jehovah madwar il-​globu?

7. (a) Ġesù kif juża l-​Ġemgħa li Tiggverna biex imexxi l-​kongregazzjonijiet madwar id-​dinja? (b) Għala nistgħu ngħidu li l-​indokraturi Kristjani jiġu maħturin mill-​ispirtu qaddis?

7 L-​istess bħalma ġara fl-​ewwel seklu, illum għandna grupp żgħir taʼ rġiel kwalifikati minn fost l-​indokraturi midlukin li jaqdu bħala l-​Ġemgħa li Tiggverna. Din tirrappreżenta lill-​klassi komposta taʼ l-​ilsir leali u diskret. Il-​Mexxej tagħna juża lil din il-​Ġemgħa li Tiggverna biex taħtar irġiel kwalifikati—midlukin bl-​ispirtu u m’humiex—bħala anzjani fil-​kongregazzjonijiet lokali. F’dan ir-​rigward, l-​ispirtu qaddis, li Ġesù għandu l-​awtorità minn Jehovah biex jużah kif irid, għandu parti importanti ħafna. (Atti 2:​32, 33) L-​ewwelnett, dawn l-​indokraturi jridu jilħqu l-​kwalifiki li hemm imniżżlin fil-​Kelma t’Alla, li ġiet ispirata bl-​ispirtu qaddis. (1 Timotju 3:​1-7; Titu 1:​5-9; 2 Pietru 1:​20, 21) Imbagħad, ir-​rakkomandazzjonijiet u l-​ħatriet isiru bit-​talb u taħt il-​gwida taʼ l-​ispirtu qaddis. Barra minn hekk, l-​individwi li jiġu maħturin iridu jkunu qed juru biċ-​ċar il-​frott taʼ l-​spirtu bl-​għemejjel tagħhom. (Galatin 5:​22, 23) Mela, il-​parir taʼ Pawlu japplika bl-​istess qawwa għall-​anzjani kollha, sew jekk midlukin u sew jekk m’humiex: “Ħudu ħsieb tagħkom infuskom u tal-​merħla kollha li l-​Ispirtu s-​Santu għamilkom għassiesa [“indokraturi,” NW] tagħha.” (Atti 20:28) Dawn l-​irġiel maħturin jirċievu direzzjoni mill-​Ġemgħa li Tiggverna u jirgħu l-​kongregazzjoni minn qalbhom. Huwa b’dan il-​mod li Kristu qiegħed magħna bħalissa u qed imexxi b’mod attiv il-​kongregazzjoni.

8. Kristu kif juża l-​anġli biex imexxi lis-​segwaċi tiegħu?

8 Illum, Ġesù juża wkoll anġli letterali biex imexxi lis-​segwaċi tiegħu. Skond it-​tixbiha tal-​qamħ u s-​sikrana, iż-​żmien tal-​ħsad se jkun “fi tmiem id-​dinja.” Lil min se juża s-​Sid biex jagħmel ix-​xogħol tal-​ħsad? “Il-​ħassada [huma] l-​anġli,” qal Kristu. Hu kompla: “Bin il-​bniedem jibgħat l-​anġli tiegħu, u huma jiġbru barra mis-​Saltna tiegħu kull ma jġib it-​tfixkil u kull min jagħmel il-​ħażen.” (Mattew 13:​37-41) Iktar minn hekk, sewwa sew bħalma kien hemm anġlu li dderieġa lil Filippu biex isib lill-​ewnuku Etjopjan, illum hemm ħafna evidenza li turi li Kristu juża l-​anġli tiegħu biex jidderieġi lill-​Kristjani veri fix-​xogħol tagħhom biex isibu wħud taʼ qalb onesta.—Atti 8:​26, 27; Apokalissi 14:6.

9. (a) X’juża Kristu biex imexxi l-​kongregazzjoni Kristjana llum? (b) Liema mistoqsija għandna nikkunsidraw jekk irridu nibbenefikaw mit-​tmexxija taʼ Kristu?

9 Kemm jassigurana li nkunu nafu li Ġesù Kristu jipprovdi tmexxija lid-​dixxipli tiegħu llum permezz tal-​Ġemgħa li Tiggverna, l-​ispirtu qaddis, u l-​anġli! Anki jekk xi wħud mill-​adoraturi taʼ Jehovah ikollhom jinqatgħu għal xi żmien mill-​Ġemgħa li Tiggverna minħabba l-​persekuzzjoni jew xi ħaġa oħra, Kristu xorta jistaʼ jipprovdi tmexxija permezz taʼ l-​ispirtu qaddis u l-​appoġġ anġeliku. Madankollu, l-​uniku mod kif nistgħu nibbenefikaw mit-​tmexxija tiegħu huwa billi naċċettawha. Kif nistgħu nuru li aħna veru naċċettaw it-​tmexxija taʼ Kristu?

‘Oqogħdu Għalihom u Obduhom’

10. Kif nistgħu nuru rispett lejn l-​anzjani maħturin fil-​kongregazzjoni?

10 Il-​Mexxej tagħna ta lill-​kongregazzjonijiet għotjiet fi rġiel—“lil xi wħud evanġelisti, lil xi wħud rgħajja u mgħallmin.” (Efesin 4:​8, 11, 12) L-​għemejjel u l-​attitudni tagħna lejhom jikxfu jekk aħna naċċettawx it-​tmexxija taʼ Kristu jew le. Mela kemm huwa xieraq li ‘rroddu ħajr’ għal dawn l-​irġiel kwalifikati spiritwalment li tana Kristu. (Kolossin 3:15) Huma jixirqilhom ukoll ir-​rispett tagħna. “Il-​presbiteri [“l-​irġiel ixjeħ,” NW], li jmexxu sewwa, ikun jistħoqqilhom ġieħ għal darbtejn,” kiteb l-​appostlu Pawlu. (1 Timotju 5:17) Kif nistgħu nuru l-​gratitudni u r-​rispett tagħna lejn l-​irġiel ixjeħ—l-​anzjani, jew l-​indokraturi—fil-​kongregazzjoni? Pawlu jwieġeb: “Oqogħdu għal dawk li jmexxukom, u obduhom.” (Lhud 13:17) Iva, aħna rridu nobduhom u nissottomettu ruħna lejhom, inċedu għalihom.

11. Ir-​rispett lejn l-​arranġament taʼ l-​anzjani għala għandu x’jaqsam maʼ li ngħixu fi qbil mal-​magħmudija tagħna?

11 Il-​Mexxej tagħna hu perfett. Iżda l-​irġiel li tana bħala għotjiet m’humiex. Għalhekk, kultant jistgħu jiżbaljaw. Madankollu, huwa vitali li nibqgħu leali lejn l-​arranġament taʼ Kristu. Fil-​fatt, li ngħixu fi qbil mad-​dedikazzjoni u l-​magħmudija tagħna jfisser li nirrikonoxxu li l-​awtorità fil-​kongregazzjoni li ġejja mill-​ħatra taʼ l-​ispirtu hija leġittima, kif ukoll inkunu lesti li nissottomettu ruħna għaliha. Il-​magħmudija tagħna fl-​isem taʼ l-​ispirtu qaddis hija dikjarazzjoni pubblika li biha nuru li nafu x’inhu l-​ispirtu qaddis u li nirrikonoxxu l-​irwol li għandu fl-​iskopijiet taʼ Jehovah. (Mattew 28:19) Din il-​magħmudija timplika li aħna nikkooperaw maʼ l-​ispirtu, u ma nagħmlu xejn li jistaʼ jtellef il-​ħidma tiegħu fost is-​segwaċi taʼ Kristu. Ladarba l-​ispirtu qaddis għandu rwol vitali fir-​rakkomandazzjoni u l-​ħatra taʼ l-​anzjani, nistgħu aħna ngħidu li qed inkunu verament leali lejn id-​dedikazzjoni tagħna jekk ma nikkooperawx maʼ l-​arranġament taʼ l-​anzjani fil-​kongregazzjoni?

12. Ġuda liema eżempji jsemmi dwar in-​nuqqas taʼ rispett lejn l-​awtorità, u dawn x’jgħallmuna?

12 L-​Iskrittura fiha eżempji li jgħallmuna l-​valur taʼ l-​ubbidjenza u s-​sottomissjoni. Meta kien qed jirreferi għal dawk li kienu jitkellmu b’mod abbużiv dwar l-​irġiel maħtura fil-​kongregazzjoni, id-​dixxiplu Ġuda ġibed l-​attenzjoni lejn tliet eżempji taʼ twissija. Hu qal: “Ħażin għalihom! Qabdu triq Kajjin; għal daqsxejn taʼ ħlas intelqu fl-​iżball taʼ Balgħam, u nqerdu bit-​tixwix taʼ Koraħ.” (Ġuda 11) Kajjin injora l-​parir kollu mħabba li tah Jehovah u minn rajh qabad triq taʼ mibegħda qattiela. (Ġenesi 4:​4-8) Minkejja li rċieva twissijiet divini għal darba wara l-​oħra, Balgħam ipprova jisħet lin-​nies t’Alla għall-​flus. (Numri 22:​5-28, 32-​34; Dewteronomju 23:6 [23:​5, NW]) Koraħ kellu pożizzjoni taʼ responsabbiltà f’Iżrael, imma ma kienx kuntent. Hu xewwex lin-​nies kontra Mosè, il-​qaddej t’Alla, l-​iktar raġel umli fuq l-​art. (Numri 12:3; 16:​1-3, 32, 33) Kemm Kajjin, Balgħam, kif ukoll Koraħ ġie fuqhom inkwiet kbir. X’tagħlima ħajja għandna f’dawn l-​eżempji biex nisimgħu mill-​pariri taʼ dawk li Jehovah juża f’pożizzjonijiet taʼ responsabbiltà u nirrispettawhom!

13. Liema barkiet bassar il-​profeta Isaija għal dawk li jissottomettu ruħhom għall-​arranġament taʼ l-​anzjani?

13 Min ma jixtieqx jibbenefika mill-​arranġament grandjuż taʼ tmexxija li stabbilixxa l-​Mexxej tagħna fil-​kongregazzjoni Kristjana? Il-​profeta Isaija bassar il-​barkiet li kellha ġġib din it-​tmexxija meta qal: “Araw, sultan għad isaltan bil-​ġustizzja, u prinċpijiet jaħkmu bis-​sewwa. U kull wieħed ikun bħal ilqugħ għar-​riħ, u kenn fit-​tempesta, bħal swieqi taʼ l-​ilma f’art niexfa, bħal dell taʼ blata kbira fuq art imħeddla.” (Isaija 32:​1, 2) Kull wieħed mill-​anzjani għandu joffri protezzjoni u sigurtà. Anki jekk insibuha diffiċli li nissottomettu ruħna għall-​awtorità, ejja nitolbu u naħdmu biex inkunu ubbidjenti u sottomessi lejn l-​awtorità li Alla stabbilixxa fil-​kongregazzjoni.

Kif l-​Anzjani Joqogħdu għat-​Tmexxija taʼ Kristu

14, 15. Dawk li qed imexxu fil-​kongregazzjoni kif juru li jissottomettu ruħhom għat-​tmexxija taʼ Kristu?

14 Kull Kristjan—speċjalment l-​anzjani— għandu jimxi fi qbil mat-​tmexxija taʼ Kristu. L-​indokraturi, jew l-​anzjani, għandhom ċerta awtorità fil-​kongregazzjoni. Imma huma ma jfittxux li jkollhom “xi setgħa fuq il-​fidi” taʼ sħabhom fil-​kongregazzjoni billi jipprovaw jikkontrollawlhom ħajjithom. (2 Korintin 1:​24, KŻ) L-​anzjani jagħtu kas il-​kliem taʼ Ġesù: “Tafu intom, fost il-​pagani l-​kapijiet qegħdin biex jikkmandawhom, u l-​kbarat biex iħaddmu fuqhom is-​setgħa. Fostkom ma għandux ikun hekk.” (Mattew 20:​25-27) Filwaqt li l-​anzjani jwettqu r-​responsabbiltà tagħhom, huma sinċerament jipprovaw jaqdu lil oħrajn.

15 Il-​Kristjani huma mħeġġin: “Ftakru f’dawk li jmexxukom, . . . [“u hekk kif tikkontemplaw dwar x’jirriżulta mill-​kondotta tagħhom,” NW], imxu fuq l-​eżempju tal-​fidi tagħhom.” (Lhud 13:7) Il-​fatt li l-​anzjani qed imexxu m’huwiex ir-​raġuni għala l-​Kristjani huma mħeġġin biex jimitawhom. Ġesù qal: “Il-​mexxej tagħkom wieħed hu, il-​Messija.” (Mattew 23:10) Dak li rridu nimitaw huwa l-​fidi taʼ l-​anzjani għaliex huma qed jimitaw lill-​Mexxej veru tagħna, Kristu. (1 Korintin 11:1) Ikkunsidra xi modi kif l-​anzjani jistinkaw biex ikunu bħal Kristu fir-​relazzjoni tagħhom m’oħrajn fil-​kongregazzjoni.

16. Minkejja l-​awtorità li kellu, Ġesù kif kien jittrattahom lis-​segwaċi tiegħu?

16 Avolja Ġesù kien aħjar f’kollox mill-​bnedmin imperfetti ħadd ma kellu awtorità daqs dik li tah Missieru, hu kien juri l-​modestja meta kien jittratta mad-​dixxipli tiegħu. Qatt ma kien jiffanfra u juri kemm jaf biex iġiegħel lis-​semmiegħa tiegħu iħossuhom ma jiswew għalxejn. Ġesù kien iħoss għas-​segwaċi tiegħu u jagħdirhom, u kien jagħti kas tal-​bżonnijiet tagħhom bħala bnedmin. (Mattew 15:32; 26:​40, 41; Mark 6:​31) Hu qatt ma stenna żżejjed mid-​dixxipli tiegħu, u qatt m’għabbiehom iktar milli kienu jifilħu. (Ġwann 16:12) Ġesù kien “taʼ qalb ħelwa u umli.” Għalhekk, m’hijiex ħaġa taʼ l-​iskantament li ħafna kienu jsibu serħan meta jmorru għandu.—Mattew 11:​28-30.

17. L-​anzjani kif għandhom jimitaw lil Kristu u juru l-​modestja fir-​relazzjoni tagħhom m’oħrajn fil-​kongregazzjoni?

17 Jekk Kristu l-​Mexxej wera l-​modestja, kemm għandhom iktar jagħmlu hekk dawk li qed imexxu fil-​kongregazzjoni! Iva, huma joqogħdu attenti li kwalunkwe awtorità li tingħatalhom ma jużawhiex ħażin. U huma ma jipprovawx jimpressjonaw lil oħrajn “bi kliem kbir jew għaref.” (1 Korintin 2:​1, 2) Minflok, huma jagħmlu l-​almu tagħhom biex jitkellmu dwar il-​verità Skritturali bi kliem sempliċi u sinċier. Iktar minn hekk, l-​anzjani jistinkaw biex ikunu raġunevoli f’dak li jistennew minn oħrajn u jagħtu kas tal-​bżonnijiet tagħhom. (Filippin 4:5) Meta jiġu biex jittrattaw maʼ ħuthom, huma b’imħabba jżommu f’moħħhom li kulħadd għandu l-​limitazzjonijiet tiegħu. (1 Pietru 4:8) U m’huwiex minnu li l-​anzjani li huma umlin u taʼ qalb ħelwa jgħinu lil oħrajn isibu serħan? Iva, tabilħaqq.

18. L-​anzjani x’jistgħu jitgħallmu mill-​mod kif Ġesù ttratta mat-​tfal?

18 Ġesù kien bniedem li kulħadd setaʼ jmur għandu u jkellmu, anki ż-​żgħar. Ikkunsidra dak li qal lid-​dixxipli tiegħu meta dawn ċanfru lin-​nies għax “ġibulu quddiemu xi tfal ċkejknin.” Hu qal: “Ħalluhom it-​tfal żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx.” Imbagħad “ħaddanhom miegħu u qiegħed idejh fuqhom u berikhom.” (Mark 10:​13-16) Ġesù kien mimli mħabba u kellu qalbu tajba, u n-​nies kienu jinġibdu lejh. Ma kinux jibżgħu minnu. Saħansitra t-​tfal kienu jħossuhom komdi miegħu. L-​anzjani wkoll faċli tavviċinahom, u hekk kif juru affezzjoni u qalb tajba, oħrajn—saħansitra t-​tfal—iħossuhom komdi magħhom.

19. X’inhu involut f’li jkollok ‘il-​moħħ taʼ Kristu,’ u dan liema sforz jeħtieġ?

19 Kemm l-​anzjani jistgħu jimitaw lil Kristu Ġesù jiddependi minn kemm ikunu jafuh sew. “Min hu dak li jistaʼ jifhem il-​ħsieb tal-​Mulej biex ikun jistaʼ jgħallmu?” staqsa Pawlu. Imbagħad hu kompla: “Imma aħna, aħna għandna fina l-​ħsieb [“il-​moħħ,” NW] taʼ Kristu.” (1 Korintin 2:16) Li jkollna fina “l-​moħħ” taʼ Kristu jinvolvi li nkunu nafu l-​mod kif jaħsibha u l-​aspetti kollha tal-​personalità tiegħu sabiex b’hekk inkunu nafu kif kien jaġixxi f’ċerta sitwazzjoni partikulari. Immaġinak issir tafu daqshekk lill-​Mexxej tagħna! Iva, biex nagħmlu dan jeħtieġ li nagħtu attenzjoni bir-​reqqa għar-​rakkonti taʼ l-​Evanġelju u nimlew moħħna regolarment bil-​fehma dwar il-​ħajja u leżempju taʼ Ġesù. Meta l-​anzjani jagħmlu sforz biex jimxu wara t-​tmexxija taʼ Kristu sa dan il-​punt, dawk fil-​kongregazzjoni jkunu iktar inklinati li jimitaw il-​fidi tagħhom. U l-​anzjani infushom ikollhom is-​sodisfazzjon li jaraw lil oħrajn jimxu ferħanin fil-​passi tal-​Mexxej.

Ibqaʼ taħt it-​Tmexxija taʼ Kristu

20, 21. Hekk kif inħarsu ’l quddiem għad-​dinja l-​ġdida mwiegħda, x’għandha tkun id-​determinazzjoni tagħna?

20 Huwa vitali li lkoll kemm aħna nibqgħu nissottomettu ruħna għat-​tmexxija taʼ Kristu. Hekk kif noqorbu lejn it-​tmiem taʼ din is-​sistema t’affarijiet, is-​sitwazzjoni tagħna tixbah lil dik taʼ l-​Iżraelin fuq il-​Pjanuri taʼ Mowab fis-​sena 1473 Q.E.K. Huma kienu fuq l-​għatba taʼ l-​Art Imwiegħda, u permezz tal-​profeta Mosè, Alla ddikjara: “Int [Ġożwè] iddaħħal lil dan il-​poplu fl-​art li l-​Mulej ħalef lil missirijiethom li jagħtihielhom.” (Dewteronomju 31:​7, 8) Ġożwè kien il-​mexxej maħtur. Sabiex jidħlu fl-​Art Imwiegħda, l-​Iżraelin kellhom joqogħdu għat-​tmexxija taʼ Ġożwè.

21 Il-​Bibbja tgħidilna: “Il-​mexxej tagħkom wieħed hu, il-​Messija.” Kristu biss se jdaħħalna fid-​dinja l-​ġdida mwiegħda fejn se tgħammar it-​tjieba. (2 Pietru 3:13) Għalhekk, ejja nkunu determinati biex nissottomettu ruħna għat-​tmexxija tiegħu f’kull aspett taʼ ħajjitna.

[Nota taʼ taħt]

a Hawnhekk il-​“kwiekeb” ma jissimbolizzawx l-​anġli letterali. Żgur li Ġesù ma kienx se juża xi bniedem biex iniżżel bil-​miktub xi informazzjoni għall-​benefiċċju tal-​ħlejjaq spirti inviżibbli. Għalhekk, il-​“kwiekeb” bilfors li jirrappreżentaw l-​indokraturi umani, jew l-​anzjani, fil-​kongregazzjonijiet, li Ġesù jħares lejhom bħala l-​messaġġiera tiegħu. Il-​fatt li huma sebgħa fin-​numru jfisser li huma meqjusin sħaħ skond il-​livelli t’Alla.

X’Tiftakar?

• Kristu kif kien imexxi l-​kongregazzjoni fl-​ewwel seklu?

• Kristu kif imexxi l-​kongregazzjoni tiegħu llum?

• Għala għandna nkunu sottomessi għal dawk li qed imexxu fil-​kongregazzjoni?

• L-anzjani b’liema modi jistgħu juru li Kristu hu l-​Mexxej tagħhom?

[Stampa f’paġna 15]

Kristu jmexxi l-​kongregazzjoni tiegħu u jżomm lill-​indokraturi f’idu l-​leminija

[Stampi f’paġna 16]

“Oqogħdu għal dawk li jmexxukom, u obduhom”

[Stampa f’paġna 18]

Ġesù kien mimli mħabba u stajt tkellmu faċilment. L-​anzjani Kristjani jagħmlu l-​almu tagħhom biex ikunu bħalu

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja