Nissottomettu Ruħna bl-Umiltà Lejn Rgħajja Kollhom Imħabba
“Kunu ubbidjenti lejn dawk li qed imexxu fostkom u kunu sottomessi lejhom.”—EBREJ 13:17.
1, 2. Liema skritturi juru li Ġeħova u Ġesù huma Rgħajja kollhom imħabba?
ALLA ĠEĦOVA u Ibnu, Ġesù Kristu, huma Rgħajja kollhom imħabba. Isaija pprofetizza: “Hawn hu Sidi l-Mulej, li ġej bil-qawwa, u jaħkem bil-qawwa taʼ driegħu. . . . Bħal ragħaj li jirgħa l-merħla tiegħu; bi driegħu jiġmagħha, u l-ħrief fi ħdanu jerfagħhom; u n-nagħaġ ireddgħu bil-mod imexxihom.”—Isaija 40:10, 11.
2 Din il-profezija taʼ tiġdid kellha l-ewwel twettiq meta fdal Lhudi mar lura lejn Ġuda fis-sena 537 Q.E.K. (2 Kronaki 36:22, 23) Din reġgħet twettqet meta l-fdal midluk ġie meħlus minn “Babilonja l-Kbira” fl-1919 minn Ċiru Akbar, Ġesù Kristu. (Rivelazzjoni 18:2; Isaija 44:28) Hu d-‘driegħ’ taʼ Ġeħova għall-ħakma, billi jiġbor in-nagħaġ flimkien u jirgħahom b’tenerezza. Ġesù nnifsu qal: “Jien ir-ragħaj mill-aħjar, u naf lin-nagħaġ tiegħi u n-nagħaġ tiegħi jafu lili.”—Ġwanni 10:14.
3. Ġeħova kif juri interess bl-imħabba fil-mod kif jiġu trattati n-nagħaġ tiegħu?
3 Il-profezija taʼ Isaija 40:10, 11 tenfasizza t-tenerezza li biha Ġeħova jirgħa lill-poplu tiegħu. (Salm 23:1-6) Matul il-ministeru tiegħu fuq l-art, Ġesù wkoll wera interess teneru fid-dixxipli tiegħu u fin-nies in ġenerali. (Mattew 11:28-30; Marku 6:34) Kemm Ġeħova u kemm Ġesù kienu jistmerru l-qalb iebsa tar-rgħajja, jew il-mexxejja, taʼ Iżrael li bla mistħija ttraskuraw u sfruttaw lill-imrieħel tagħhom. (Eżekjel 34:2-10; Mattew 23:3, 4, 15) Ġeħova wiegħed: “Jien insalva n-nagħaġ tiegħi, u ma jkunux aktar priża, u nagħmel ħaqq bejn nagħġa u oħra. U nqiegħed fuqhom ragħaj wieħed, il-qaddej tiegħi David, u jieħu ħsiebhom u jirgħahom; hu jirgħahom u jkun ir-ragħaj tagħhom.” (Eżekjel 34:22, 23) F’dan iż-żmien taʼ l-aħħar, Ġesù Kristu, David Akbar, hu r-“ragħaj wieħed” li Ġeħova ħatar fuq il-qaddejja kollha Tiegħu fuq l-art, kemm fuq il-Kristjani midlukin bl-ispirtu u kemm fuq in-“nagħaġ oħrajn.”—Ġwanni 10:16.
Għotjiet mis-Sema lill-Kongregazzjoni
4, 5. (a) Ġeħova liema għotja prezzjuża ta lill-poplu tiegħu fuq l-art? (b) Ġesù liema għotja ta lill-kongregazzjoni tiegħu?
4 Billi ħatar “ragħaj wieħed”—lil Ġesù Kristu—fuq il-qaddejja Tiegħu fuq l-art, Ġeħova ta għotja prezzjuża lill-kongregazzjoni Kristjana. Din l-għotja taʼ Mexxej mis-sema kienet profetizzata f’Isaija 55:4: “Ara, jien qegħedtu xhud fost il-ġnus, prinċep u leġiżlatur fuq il-popli.” Kemm il-Kristjani midlukin u kemm il-membri tal-“folla kbira” jinġabru minn kull grupp nazzjonali, tribù, poplu, u lsien. (Rivelazzjoni 5:9, 10; 7:9) Huma jifformaw kongregazzjoni internazzjonali, “merħla waħda,” taħt it-tmexxija taʼ “ragħaj wieħed,” Kristu Ġesù.
5 Mill-banda l-oħra, Ġesù ta għotja prezzjuża lill-kongregazzjoni tiegħu fuq l-art. Hu pprovda sotto-rgħajja leali li jimitaw lil Ġeħova u lil Ġesù billi jirgħu l-merħla b’mod teneru. L-appostlu Pawlu tkellem dwar din l-għotja kollha mħabba fl-ittra tiegħu lill-Kristjani f’Efesu. Hu kiteb: “‘Meta telaʼ fl-għoli ħa miegħu lill-imjassrin; ta rġiel bħala għotjiet.’ . . . Ta xi wħud bħala appostli, xi wħud bħala profeti, xi wħud bħala evanġelizzaturi, xi wħud bħala rgħajja u għalliema, bil-ħsieb li jerġgħu jiġu aġġustati l-qaddisin, għal xogħol ministerjali, biex jinbena l-ġisem tal-Kristu.”—Efesin 4:8, 11, 12.
6. L-indokraturi midlukin li qdew fil-ġemgħat taʼ l-anzjani kif ġew impinġijin f’Rivelazzjoni 1:16, 20, u x’jistaʼ jingħad dwar l-anzjani maħturin li huma min-nagħaġ oħrajn?
6 Dawn l-“irġiel bħala għotjiet” huma indokraturi, jew anzjani, maħturin minn Ġeħova u minn Ibnu, permezz taʼ l-ispirtu qaddis, biex jirgħu lin-nagħaġ b’tenerezza. (Atti 20:28, 29) Fil-bidu, dawn l-indokraturi kienu kollha rġiel Kristjani midlukin. F’Rivelazzjoni 1:16, 20, dawk li kienu jaqdu fil-ġemgħat taʼ l-anzjani fil-kongregazzjoni midluka kienu simbolizzati minn “kwiekeb” jew “anġli” fl-id il-leminija taʼ Kristu, jiġifieri, fil-kontroll tiegħu. Però, f’dan iż-żmien taʼ l-aħħar, bl-għadd li dejjem jonqos taʼ indokraturi midlukin li għadhom fuq l-art, il-maġġuranza l-kbira mill-anzjani Kristjani fil-kongregazzjonijiet huma min-nagħaġ oħrajn. Ladarba dawn jinħatru permezz tar-rappreżentanti tal-Ġemgħa li Tiggverna taħt it-tmexxija taʼ l-ispirtu qaddis, huma wkoll jistgħu jitqiesu bħala li huma taħt l-id il-leminija (jew, taħt id-direzzjoni) tar-Ragħaj mill-Aħjar, Ġesù Kristu. (Isaija 61:5, 6) Ladarba l-anzjani fil-kongregazzjonijiet tagħna huma sottomessi lejn Kristu, il-Kap tal-kongregazzjoni, huma jistħoqqilhom il-kooperazzjoni sħiħa tagħna.—Kolossin 1:18.
Ubbidjenza u Sottomissjoni
7. L-appostlu Pawlu liema parir ta dwar l-attitudni tagħna lejn l-indokraturi Kristjani?
7 Ir-Rgħajja tagħna li jinsabu fis-sema, Alla Ġeħova u Ġesù Kristu, jistennew minna li nkunu ubbidjenti u sottomessi lejn is-sotto-rgħajja li huma poġġewhom f’pożizzjonijiet taʼ responsabbiltà fil-kongregazzjoni. (1 Pietru 5:5) L-appostlu Pawlu kiteb taħt ispirazzjoni: “Ftakru f’dawk li qed imexxu fostkom u li ħabbrulkom il-kelma t’Alla, u imitaw il-fidi tagħhom, waqt li tosservaw bir-reqqa r-riżultat tal-kondotta tagħhom. Kunu ubbidjenti lejn dawk li qed imexxu fostkom u kunu sottomessi lejhom, għax huma qed jgħassulkom ruħkom bħala dawk li għad iridu jagħtu kont; sabiex dan jagħmluh bil-ferħ u mhux bit-tnehid, għax inkella jkun taʼ ħsara għalikom.”—Ebrej 13:7, 17.
8. Pawlu xi jħeġġiġna ‘nosservaw bir-reqqa,’ u kif għandna ‘nkunu ubbidjenti’?
8 Innota li Pawlu jistidinna biex ‘nosservaw bir-reqqa’ r-riżultat tal-kondotta leali taʼ l-anzjani u biex insegwu dawn l-eżempji tal-fidi. Barra minn hekk, hu jagħtina l-parir biex inkunu ubbidjenti u nissottomettu ruħna għad-direzzjoni taʼ dawn l-irġiel maħturin. L-istudjuż tal-Bibbja R. T. France jispjega li fil-Grieg oriġinali, il-kelma li hawnhekk ġiet tradotta “kunu ubbidjenti” m’hijiex “it-terminu normali għall-ubbidjenza, imma tfisser letteralment ‘kunu konvinti,’ li timplika li wieħed jaċċetta minn jeddu t-tmexxija tagħhom.” Aħna nobdu lill-anzjani mhux biss għaliex il-Kelma t’Alla tagħtina d-direzzjoni biex nagħmlu dan imma wkoll għaliex aħna konvinti li huma jixtiequ l-aħjar għall-interessi tas-Saltna u għall-interessi tagħna stess. Żgur li se nkunu ferħanin jekk naċċettaw minn jeddna t-tmexxija tagħhom.
9. Għala huwa neċessarju għalina li ‘nkunu sottomessi’ minbarra li nkunu ubbidjenti?
9 Imma xi ngħidu jekk m’aħniex konvinti li f’ċerti każi d-direzzjoni taʼ l-anzjani hija l-aħjar mod kif għandhom isiru l-affarijiet? Dan hu fejn tidħol is-sottomissjoni. Huwa faċli li tobdi meta kollox ikun ċar u meta aħna naqblu mad-direzzjoni, imma se nuru li aħna tassew sottomessi meta nċedu anki jekk ma nifhmux personalment id-direzzjoni li tkun ġiet provduta. Pietru, li iktar tard sar appostlu, wera dan it-tip taʼ sottomissjoni.—Luqa 5:4, 5.
Erbaʼ Raġunijiet Għala Għandna Nikkooperaw minn Jeddna
10, 11. L-indokraturi b’liema modi ‘ħabbru l-kelma t’Alla’ lill-Kristjani sħabhom fl-ewwel seklu u llum?
10 F’Ebrej 13:7, 17, li kkwotajna qabel, l-appostlu Pawlu jagħti erbaʼ raġunijiet għala għandna nkunu ubbidjenti u sottomessi lejn l-indokraturi Kristjani. L-ewwel waħda hi li huma ‘ħabbrulna l-kelma t’Alla.’ Ftakar li l-“irġiel bħala għotjiet” li Ġesù jagħti lill-kongregazzjoni qegħdin hemm “bil-ħsieb li jerġgħu jiġu aġġustati l-qaddisin.” (Efesin 4:11, 12) Hu reġaʼ aġġusta l-ħsieb u l-kondotta tal-Kristjani taʼ l-ewwel seklu permezz tas-sotto-rgħajja leali, li xi wħud minnhom kienu ispirati biex jiktbu ittri lill-kongregazzjonijiet. Hu uża lil dawn l-indokraturi midlukin bl-ispirtu biex jiggwida u jibni lill-Kristjani tal-bidu.—1 Korintin 16:15-18; 2 Timotju 2:2; Titu 1:5.
11 Illum, Ġesù jidderiġina permezz taʼ “l-ilsir leali u għaqli,” rappreżentat mill-Ġemgħa li Tiggverna tiegħu u mill-anzjani maħturin. (Mattew 24:45) B’rispett lejn “ir-ragħaj ewlieni,” Ġesù Kristu, aħna nisimgħu mill-parir taʼ Pawlu: ‘Istmaw lil dawk li qegħdin jaħdmu iebes fostkom u jippresiedu fuqkom fil-Mulej u jwissukom.’—1 Pietru 5:4; 1 Tessalonikin 5:12; 1 Timotju 5:17.
12. L-indokraturi kif ‘qed jgħassulna ruħna’?
12 It-tieni raġuni għala għandna nikkooperaw maʼ l-indokraturi Kristjani hi li huma ‘qed jgħassulna ruħna.’ Jekk jinnotaw xi ħaġa fl-attitudni jew fl-imġiba tagħna li tistaʼ tipperikola l-ispiritwalità tagħna, huma malajr jagħtuna l-parir meħtieġ sabiex nerġgħu niġu aġġustati. (Galatin 6:1) Il-kelma Griega tradotta ‘jgħassu’ letteralment tfisser “toqgħod lura mill-irqad.” Skond wieħed studjuż tal-Bibbja, din “timplika l-attenzjoni persistenti tar-ragħaj.” Minbarra li joqogħdu għassa spiritwalment, l-anzjani jistgħu saħansitra ma jkunux jistgħu jorqdu minħabba t-tħassib tagħhom għas-saħħa spiritwali tagħna. M’għandniex aħna nikkooperaw minn jeddna maʼ sotto-rgħajja bħal dawn li juru tant imħabba u li jagħmlu ħilithom kollha biex jimitaw l-interess teneru li jagħti Ġesù Kristu, “ir-ragħaj il-kbir tan-nagħaġ”?—Ebrej 13:20.
13. L-indokraturi u l-Kristjani kollha lil min għandhom jagħtu kont u b’liema modi?
13 It-tielet raġuni għala għandna nikkooperaw minn jeddna maʼ l-indokraturi hi li huma jgħassu fuqna “bħala dawk li għad iridu jagħtu kont.” L-indokraturi jiftakru li huma sotto-rgħajja li jaqdu taħt ir-Rgħajja tas-sema, Alla Ġeħova u Ġesù Kristu. (Eżekjel 34:22-24) Ġeħova huwa s-Sid tan-nagħaġ li “xtara bid-demm taʼ Ibnu stess,” u Hu jqis lill-indokraturi maħturin bħala li jridu jagħtu kont għall-mod kif jittrattaw lill-merħla Tiegħu, jiġifieri, “b’tenerezza.” (Atti 20:28, 29) Minħabba f’hekk, ilkoll kemm aħna rridu nagħtu kont lil Ġeħova għall-mod kif inwieġbu għad-direzzjoni tiegħu. (Rumani 14:10-12) L-ubbidjenza tagħna lejn l-anzjani maħturin tagħti evidenza wkoll tas-sottomissjoni tagħna lejn Kristu, il-Kap tal-kongregazzjoni.—Kolossin 2:19.
14. X’jistaʼ jġiegħel lill-indokraturi Kristjani jaqdu “bit-tnehid,” u b’liema riżultati?
14 Pawlu ta r-rabaʼ raġuni għala għandna nissottomettu ruħna bl-umiltà lejn l-indokraturi Kristjani. Hu kiteb: “Sabiex dan jagħmluh bil-ferħ u mhux bit-tnehid, għax inkella jkun taʼ ħsara għalikom.” (Ebrej 13:17) Minħabba r-responsabbiltajiet kbar li għandhom biex jgħallmu, jirgħu, imexxu x-xogħol taʼ l-ippridkar, irabbu l-familji, u jieħdu ħsieb il-problemi tal-kongregazzjoni, l-anzjani Kristjani għandhom piż kbir xi jġorru. (2 Korintin 11:28, 29) Jekk ma nikkooperawx magħhom, aħna nkunu biss qed inżidu mal-piż tat-tagħbija tagħhom. Dan se jġagħalhom ‘jitniehdu’ bl-inkwiet. Ġeħova ma jiħux pjaċir jarana ma nikkooperawx u dan jistaʼ jkun taʼ ħsara għalina. Minflok, meta nuru rispett xieraq u kooperazzjoni, l-anzjani jkunu jistgħu jwettqu l-obbligi tagħhom bil-ferħ, u dan jikkontribwixxi għall-għaqda u s-sehem bil-ferħ fix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna.—Rumani 15:5, 6.
Nuru s-Sottomissjoni Tagħna
15. Kif nistgħu nuru l-ubbidjenza u s-sottomissjoni tagħna?
15 Hemm ħafna modi prattiċi kif nistgħu nikkooperaw maʼ l-indokraturi maħturin. Sabiex jadattaw għaċ-ċirkustanzi ġodda fit-territorju, għamlu l-anzjani arranġamenti biex isiru laqgħat għas-servizz taʼ l-għalqa fi ġranet u ħinijiet li jeħtieġu bidliet fir-rutina tagħna? Ejja nagħmlu sforz biex nappoġġaw l-arranġamenti l-ġodda. Għandna mnejn nirċievu barkiet mhux mistennija. Se jżur l-indokratur tas-servizz lill-grupp tiegħek taʼ l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni? Ejja lkoll nieħdu sehem kemm nifilħu fix-xogħol taʼ l-ippridkar dik il-ġimgħa. Ngħatajna aħna inkarigu fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku? Għandna nagħmluha l-mira tagħna li nkunu preżenti u nwettqu l-inkarigu tagħna. Ħabbar l-indokratur taʼ l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni li l-grupp tagħna se jnaddaf is-Sala tas-Saltna? Ejja nappoġġawh bis-sħiħ, skond kemm tippermetti saħħitna. B’dawn il-modi u ħafna oħrajn, aħna nuru s-sottomissjoni tagħna lejn l-irġiel li Ġeħova u Ibnu ħatruhom biex jieħdu ħsieb il-merħla.
16. Jekk anzjan ma jagħmilx l-affarijiet skond id-direzzjoni mogħtija, għala dan ma jiġġustifikax ribelljoni min-naħa tagħna?
16 Kultant, anzjan għandu mnejn ma jagħmilx l-affarijiet skond id-direzzjoni tal-klassi taʼ l-ilsir leali u l-Ġemgħa li Tiggverna tagħha. Jekk jibqaʼ jaġixxi b’dan il-mod, hu se jkollu jagħti kont lil Ġeħova, “ir-ragħaj u l-indokratur taʼ [ruħna].” (1 Pietru 2:25) Imma kwalunkwe nuqqas jew żball min-naħa taʼ ċerti anzjani ma jiġġustifikax attitudni diżubbidjenti min-naħa tagħna. Ġeħova ma jberikx id-diżubbidjenza u r-ribelljoni.—Numri 12:1, 2, 9-11.
Ġeħova Jbierek lil Min Jikkoopera minn Jeddu
17. Liema attitudni għandu jkollna lejn l-indokraturi tagħna?
17 Alla Ġeħova jaf li l-irġiel li ħatar bħala indokraturi huma imperfetti. Madankollu, hu jużahom, u permezz taʼ l-ispirtu tiegħu, hu jirgħa lill-poplu tiegħu fuq l-art. Huwa minnu kemm dwar l-anzjani u kemm dwarna lkoll li “l-qawwa iktar min-normal [hija] t’Alla u mhux minna nfusna.” (2 Korintin 4:7) Għalhekk, għandna nirringrazzjaw lil Ġeħova għal dak li qed iwettaq permezz taʼ l-indokraturi leali tagħna, u għandna nikkooperaw magħhom minn jeddna.
18. Meta nissottomettu ruħna lejn l-indokraturi tagħna, xi nkunu fil-fatt qed nagħmlu?
18 L-indokraturi jagħmlu l-aħjar tagħhom biex jgħixu fi qbil mad-deskrizzjoni li jagħti Ġeħova taʼ rgħajja maħturin fuq il-merħla tiegħu fl-aħħar jiem, kif naqraw f’Ġeremija 3:15: “Nagħtikom rgħajja għal qalbi, li jirgħu bl-għerf u l-għaqal.” Żgur li l-anzjani li għandna fostna qed jagħmlu xogħol tajjeb biex jgħallmu u jipproteġu lin-nagħaġ taʼ Ġeħova. Jalla nkomplu nuru l-apprezzament tagħna għax-xogħol iebes tagħhom permezz tal-kooperazzjoni tagħna minn jeddna, l-ubbidjenza tagħna, u s-sottomissjoni tagħna. Jekk nagħmlu dan, se nuru l-apprezzament li għandna għar-Rgħajja tagħna tas-sema, Alla Ġeħova u Ġesù Kristu.
Bħala Reviżjoni
• Ġeħova u Ġesù Kristu kif urew li huma Rgħajja kollhom imħabba?
• Minbarra l-ubbidjenza, għala hemm bżonn is-sottomissjoni?
• B’liema modi prattiċi nistgħu aħna nuru s-sottomissjoni tagħna?
[Stampa f’paġna 27]
L-anzjani Kristjani jissottomettu ruħhom għat-tmexxija taʼ Kristu
[Stampi f’paġna 29]
Hemm ħafna modi kif nistgħu nuru s-sottomissjoni tagħna lejn ir-rgħajja maħturin minn Ġeħova