Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Kif għandna nifhmuh kliem Pawlu meta qal li armla għandha tkun “mara taʼ raġel wieħed” sabiex tikkwalifika għall-għajnuna mill-kongregazzjoni Kristjana?—1 Timotju 5:9.
Ladarba l-appostlu Pawlu kien qed jitkellem dwar armla, l-espressjoni “mara taʼ raġel wieħed” ovvjament għandha tirreferi għas-sitwazzjoni tagħha qabel ma saret armla. Jistaʼ dan ifisser li r-romol kellhom ikunu żżewġu darba biss? Jew jistaʼ jkun li kliem Pawlu kien qed ifisser xi ħaġa oħra?a
Xi wħud issuġġerew li Pawlu kien qed jitkellem dwar romol li kienu żżewġu darba biss. Huwa veru li f’ħafna kulturi u soċjetajiet, armla li ma kinitx terġaʼ tiżżewweġ kienet titqies bħala virtuża b’mod speċjali. Madankollu, ħarsa simili m’hijiex fi qbil maʼ kliem Pawlu f’siltiet oħrajn. Per eżempju, lill-Kristjani f’Korintu, għamilha ċara li għalkemm hu kien taʼ l-opinjoni li armla tkun iktar ferħana jekk tibqaʼ waħedha, “hi ħielsa li tiżżewweġ lil min trid, biss fil-Mulej.” (1 Korintin 7:39, 40; Rumani 7:2, 3) Barra minn dan, fl-ittra tiegħu lil Timotju, Pawlu qal: “Nixtieq li r-romol żgħażagħ jiżżewġu.” (1 Timotju 5:14) Għalhekk, ma kellhiex tiġi kritikata jekk armla kienet tagħżel li terġaʼ tiżżewweġ.
Kif, allura, għandna nifhmuh kliem Pawlu lil Timotju? L-espressjoni “mara taʼ raġel wieħed” tidher biss f’dan il-vers. Taʼ interess hu li din l-espressjoni hija simili għal dik li qal Pawlu diversi drabi fil-kitbiet tiegħu, jiġifieri, “raġel taʼ mara waħda” fil-lingwa oriġinali. (1 Timotju 3:2, 12; Titu 1:6) Pawlu uża l-espressjoni “raġel taʼ mara waħda” meta niżżel bil-miktub il-kwalifiki għall-indokraturi Kristjani u għall-qaddejja ministerjali. F’dan il-kuntest, din l-istqarrija għandha tinftiehem li biex jikkwalifika għar-responsabbiltajiet Kristjani, raġel, jekk hu miżżewweġ, għandu jkun fidil u leali lejn martu u jkun nadif moralment.b B’hekk, l-espressjoni fl-1 Timotju 5:9 tidher li qed tiġbed l-attenzjoni lejn l-istess punt: Biex armla tikkwalifika ħalli tingħata l-għajnuna mill-kongregazzjoni, hi kellha tkun mara devota li kienet leali lejn żewġha waqt li kien għadu ħaj u li kellha morali virtużi. Il-ħtiġijiet l-oħrajn li niżżel Pawlu sabiex armla tingħata l-għajnuna mill-kongregazzjoni kollha jippontaw lejn persuna bħal din.—1 Timotju 5:10.
[Noti taʼ taħt]
a Il-poljandrija, li hija l-prattika taʼ li mara tkun miżżewġa iktar minn raġel wieħed fl-istess ħin, ma kinitx aċċettata fid-dinja Greko-Rumana taʼ żmien l-appostli. Għalhekk, m’huwiex probabbli li Pawlu kien qed jikteb lil Timotju dwarha jew li kien qed jiċċensura lil minn kien qed jipprattikaha.
b Għal diskussjoni fuq dan is-suġġett, ara t-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Novembru, 1996, paġna 14, u “Questions from Readers” fil-ħarġa taʼ The Watchtower tal-15 taʼ Settembru, 1980, paġna 31.