Int Tistaʼ Tirbaħ is-Solitudni
MIN jistaʼ jgħid li qatt ma esperjenza l-uġigħ li ġġib magħha s-solitudni? Hemm ħafna fatturi li jistgħu jġagħluna nħossuna waħedna. Iżda, is-solitudni li jħossu xi nisa li qatt ma żżewġu jew li huma romol jew divorzjati tistaʼ tkun partikolarment kbira.
Per eżempju, żagħżugħa Kristjana li jisimha Frances tirrakkonta: “Sakemm kelli 23 sena, kien donnu li ħbiebi kollha kienu żżewġu, u jien bqajt waħdi.”a Is-sens taʼ li wieħed iħossu maqtugħ għalih waħdu għandu mnejn jiżdied hekk kif igerbu s-snin u l-prospetti għaż-żwieġ jonqsu iżjed. “Jien qatt ma ridt nibqaʼ waħdi, u għadni nixtieq niżżewweġ jekk tiġini l-opportunità,” tammetti Sandra, li issa għandha iktar minn 45 sena. Angela, li għandha fuq il-50 sena, tgħid: “Jien ma ddeċidejtx li nibqaʼ waħdi, imma hekk ġraw l-affarijiet. Kien hemm ftit ferm aħwa rġiel mhux miżżewġin fl-inħawi fejn kont intbgħatt naqdi bħala pijuniera speċjali.”
Huwa taʼ min ifaħħarhom lil dawn in-nisa Kristjani li jagħżlu li ma jiżżewġux għax jobdu lealment il-parir taʼ Jehovah biex jiżżewġu “basta fil-Mulej.” (1 Korintin 7:39) Xi wħud jaddattaw ruħhom sew għall-fatt li jibqgħu waħedhom, imma oħrajn isibu li iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar tikber ix-xewqa li jiżżewġu u jkollhom it-tfal. “Jien dejjem inħoss bħal vojt emozzjonali minħabba li m’għandix sieħeb fiż-żwieġ,” tistqarr Sandra.
Fatturi oħra, bħal li tieħu ħsieb il-ġenituri taʼ età avanzata jistgħu jġagħluk tħossok iżjed waħdek. “Peress li miniex miżżewġa, il-familja tiegħi stenniet li jien nieħu ħsieb il-ġenituri tagħna li kienu avanzati fl-età,” tgħid Sandra. “Għal 20 sena sħaħ erfajt il-parti l-kbira taʼ din ir-responsabbiltà, minkejja li għandi ħames aħwa oħra. Il-ħajja kienet tkun ħafna iktar faċli kieku kelli raġel li setaʼ kien t’appoġġ għalija.”
Frances issemmi fattur ieħor li jżidilha iktar is-solitudni tagħha. Hi tirrakkonta: “Xi drabi n-nies jistaqsuni direttament, ‘Għaliex ma żżewwiġtx?’ Mistoqsija bħal din iġġagħalni nħoss li b’xi mod jew ieħor huwa t-tort tiegħi li bqajt waħdi. Kważi f’kull tieġ li mmur, xi ħadd jistaqsini l-iktar mistoqsija li ma nistax għaliha, ‘Int meta se tiżżewweġ?’ U jien nibda naħseb, ‘Jekk l-aħwa rġiel spiritwali m’humiex interessati fija, forsi m’għandix il-kwalitajiet Kristjani meħtieġa jew jistaʼ jkun li sempliċement miniex attraenti.’”
Kif tistaʼ tegħleb is-sentimenti tas-solitudni u taʼ li tħossok maqtugħ għalik waħdek? X’jistgħu jagħmlu l-oħrajn biex jgħinu, jekk kemm-il darba hemm xi ħaġa li tistaʼ ssir?
Strieħ fuq Jehovah
Is-salmista għanna: “Qiegħed it-tagħbija tiegħek fuq il-Mulej, u hu jgħinek: hu qatt ma jħalli l-ġust jitfixkel.” (Salm 55:22, KŻ) Il-kelma “tagħbija” fit-test Ebrajk letteralment tfisser “sehem,” u tirreferi għar-responsabbiltajiet u l-ansjetajiet li jistgħu jġagħluna nsofru minħabba dak li jiġrilna fil-ħajja. Jehovah huwa iktar konxju taʼ dawn it-tagħbijiet minn ħaddieħor u jistaʼ jagħtina l-qawwa biex inkampaw magħhom. Kien il-fatt li straħet fuq Alla Jehovah li għen lil Angela tkampa mas-solitudni. Waqt li bdiet tiftakar fil-ministeru full-time tagħha, hi qalet: “Meta bdejt ix-xogħol taʼ pijunier, jien u pijuniera oħra konna noqogħdu ’l bogħod mill-eqreb kongregazzjoni. Tgħallimna nistrieħu kompletament fuq Jehovah, u dan għenni matul ħajti kollha. Meta jkolli ħsibijiet negattivi, nitkellem maʼ Jehovah u hu jgħinni. Salm 23 dejjem kien taʼ faraġ kbir, u naqrah taʼ spiss.”
L-appostlu Pawlu kellu tagħbija sinifikanti xi jġorr. F’minn taʼ l-inqas tliet okkażjonijiet, hu ‘talab il-Mulej biex ix-xewka f’ġismu titbiegħed minnu.’ Pawlu ma ġiex megħjun mirakolożament, imma fil-fatt irċieva wegħda li l-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla kienet se tappoġġah. (2 Korintin 12:7-9) Pawlu skopra wkoll is-sigriet tal-kuntentizza. Hu iktar tard kiteb: “Kollox drajt u noqgħod għal kollox; ix-xabaʼ u l-ġuħ; il-ġid u l-għaks. Għal kollox niflaħ bis-saħħa taʼ dak li jqawwini.”—Filippin 4:12, 13.
Kif jistaʼ wieħed jikseb il-qawwa t’Alla meta jħossu skuraġġit jew waħdu? Pawlu kiteb: “Tħabbtu raskom b’xejn. Fit-talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr. U s-sliem taʼ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-moħħ jistaʼ jifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesù.” (Filippin 4:6, 7) Sandra tobdih dan il-parir. Hi tispjega: “Minħabba l-fatt li miniex miżżewġa nqattaʼ ħafna ħin waħdi. Dan jagħtini ħafna opportunitajiet biex nitlob lil Jehovah. Inħossni ħafna qrib tiegħu u nistaʼ nkellmu bil-miftuħ dwar il-problemi u l-ferħ tiegħi.” U Frances tgħid: “Li niġġieled kontra l-ħsibijiet negattivi waħdi hija ġlieda kontinwa. Imma li naqsam dak li nħoss bil-miftuħ maʼ Jehovah jgħinni ferm. Jien konvinta li Jehovah huwa interessat f’kull ħaġa li tistaʼ teffettwa l-ġid spiritwali kif ukoll emozzjonali tiegħi.”—1 Timotju 5:5.
“Erfgħu t-Tagħbija taʼ Xulxin”
Fost il-fratellanza Kristjana, wieħed ma jkollux iġorr it-tagħbijiet waħdu. “Erfgħu t-tagħbija taʼ xulxin, u hekk tkunu qegħdin tħarsu l-liġi taʼ Kristu,” ħeġġeġ l-appostlu Pawlu. (Galatin 6:2) Permezz tas-sħubija tagħna mal-Kristjani sħabna, aħna nistgħu niksbu “kelma tajba” taʼ inkuraġġiment li tistaʼ ttaffilna t-tagħbija tas-solitudni.—Proverbji 12:25.
Ikkunsidra wkoll xi tgħid l-Iskrittura dwar bint Ġeftaħ, l-Imħallef taʼ Iżrael. Qabel ir-rebħa tiegħu fuq l-eżerċti t’Għammon, Ġeftaħ wiegħed li jagħti lil Jehovah l-ewwel persuna min-nies taʼ daru li toħroġ tilqgħu biex tifraħ bih. Din il-persuna inzertat bintu stess. (Mħallfin 11:30, 31, 34-36) Avolja dan kien ifisser li hi ma setgħetx tiżżewweġ u kellha tiċċaħħad mix-xewqa normali li jkollha familja, bint Ġeftaħ kienet lesta li tissottometti ruħha għal din il-wegħda u qdiet fis-santwarju f’Silo għall-bqija taʼ ħajjitha. Ħadd ma ta kasu s-sagrifiċċju li għamlet? Għall-kuntrarju: “Minn sena għal sena l-ulied bniet taʼ Iżrael kienu jmorru jfaħħru lil bint Ġeftaħ il-Gilgħadi, erbat ijiem fis-sena.” (Mħallfin 11:40, NW) Iva, it-tifħir jistaʼ jinkuraġġixxi lil dawk li jirċivuh. Għalhekk, ejja ma nonqsux milli nfaħħru lil dawk li jixirqilhom.
Nagħmlu tajjeb ukoll li nikkunsidraw l-eżempju taʼ Ġesù. Għalkemm ma kinitx id-drawwa tal-Lhud li l-irġiel jitkellmu man-nisa, Ġesù qattaʼ ħin maʼ Marija u Marta. X’aktarx li huma kienu romol jew ma kinux miżżewġin. Ġesù ried li t-tnejn li huma jibbenefikaw spiritwalment mill-ħbiberija tiegħu. (Luqa 10:38-42) Aħna nistgħu nimitaw l-eżempju taʼ Ġesù billi ninkludu lil ħutna nisa spiritwali li m’humiex miżżewġin f’okkażjonijiet soċjali u billi nagħmlu xi arranġamenti biex naħdmu magħhom fix-xogħol taʼ l-ippridkar. (Rumani 12:13) Japprezzaw huma attenzjoni bħal din? Waħda oħt qalet: “Jien naf li l-aħwa jħobbuni u japprezzawni, imma tgħidx kemm inkun grata meta juru iktar interess persunali fija.”
“Peress li m’għandniex familja,” tispjega Sandra, “għandna bżonn akbar li nkunu maħbubin, li nħossuna parti mill-familja taʼ l-aħwa spiritwali.” Ovvjament, Jehovah jieħu ħsiebhom lil uħud bħal dawn, u aħna nkunu qed nikkooperaw miegħu meta nġagħluhom iħossuhom apprezzati u maħbubin. (1 Pietru 5:6, 7) Għajnuna bħal din żgur li se tiġi notata, għax “min iħenn għall-fqir ikun qed jislef lill-Mulej, u hu jroddhulu bi ħlas tajjeb.”—Proverbji 19:17.
“Kull Wieħed Għandu t-Tagħbija Tiegħu X’Jerfaʼ”
Għalkemm oħrajn jistgħu jgħinu, u l-appoġġ tagħhom jistaʼ jkun tassew inkuraġġanti, “kull wieħed għandu t-tagħbija tiegħu x’jerfaʼ.” (Galatin 6:5) Iżda, meta nkunu qed inġorru t-tagħbija tas-solitudni rridu noqogħdu attenti minn ċerti perikli. Per eżempju, is-solitudni tistaʼ tirbaħna jekk nispiċċaw ningħalqu fina nfusna. Mill-banda l-oħra, nistgħu nirbħu s-solitudni bl-imħabba. (1 Korintin 13:7, 8) Li nagħtu u naqsmu m’oħrajn huwa l-aħjar mod biex insibu l-hena—huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi tagħna. (Atti 20:35) “M’għandix ħafna ħin biex noqgħod naħseb li jiena waħdi,” tgħid waħda oħt pijuniera li taħdem iebes. “Meta nħossni utli u nżomm ruħi okkupata, ma nħossnix waħdi.”
Irridu noqogħdu attenti wkoll li ma nħallux is-solitudni ġġagħalna nidħlu f’relazzjoni mhux għaqlija. Per eżempju, x’ħasra tkun jekk minħabba x-xewqa tagħna biex niżżewġu ngħalqu għajnejna għall-ħafna problemi li jinqalgħu jekk nintrabtu maʼ xi ħadd li ma jkunx taʼ l-istess twemmin u speċjalment jekk ma nagħtux kas il-parir Skritturali biex nevitaw madmad bħal dan! (2 Korintin 6:14) Mara Kristjana divorzjata qalet: “Hemm xi ħaġa ħafna agħar milli wieħed ma jiżżewwiġx. Din hi li jkun miżżewweġ mal-persuna żbaljata.”
Problema li ma tkunx tistaʼ tissolva għandu mnejn li wieħed ikollu jibqaʼ jissaportiha, għallinqas għalissa. Bl-għajnuna t’Alla, wieħed jistaʼ jissaporti s-solitudni. Hekk kif nibqgħu naqdu lil Jehovah, jalla nkunu fiduċjużi li xi darba l-bżonnijiet kollha tagħna se jiġu sodisfati bl-aħjar mod possibbli.—Salm 145:16.
[Nota taʼ taħt]
a L-ismijiet tan-nisa li huma msemmija ġew mibdulin.
[Stampi f’paġna 28]
Is-solitudni tistaʼ tintrebaħ billi wieħed jagħti u jaqsam m’oħrajn