LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 6/15 pp. 26-29
  • Lezzjoni mill-Istorja Rumana

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Lezzjoni mill-Istorja Rumana
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Parteċipanti u t-​Taħriġ
  • Jum fl-​Arena
  • L-​Effett fuq l-​Ispettaturi
  • Lezzjoni Ċara
  • Sejħulun Divertiment
    Stenbaħ!—1997
  • L-Isports tal-Qedem u l-Importanza tar-Rebħa
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Ix-Xhieda taʼ Ġeħova kif iqisuhom il-funerali?
    Mistoqsijiet Komuni dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova
  • Postijiet Għall-Konvenzjonijiet Distrettwali għall-2006 “Il-ħelsien Fil-qrib!”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 6/15 pp. 26-29

Lezzjoni mill-​Istorja Rumana

“LI JIEN tqabadt mal-​bhejjem f’Efesu kieku għamiltu għal għajn in-​nies.” Xi wħud jaħsbu li dan il-​kliem, imniżżel fl-​1 Korintin 15:​32, ifisser li l-​appostlu Pawlu ġie kundannat biex jiġġieled fl-​arena Rumana. Kemm jekk dan huwa minnu u kemm jekk mhux, il-​ġlied sal-​mewt fl-​areni kien komuni matul dak iż-​żmien. X’tgħidilna l-​istorja dwar l-​arena u l-​ġrajjiet li kienu jseħħu hemmhekk?

Bħala Kristjani, nixtiequ nifformaw il-​kuxjenza tagħna fi qbil mal-​mod kif jaħsibha Jehovah, u dan jistaʼ jgħinna nieħdu deċiżjonijiet dwar id-​divertiment taʼ llum. Per eżempju, ikkunsidra l-​mod kif jaħsibha Alla dwar il-​vjolenza, li joħroġ fil-​kliem: “Tgħirx għall-​bniedem vjolenti, u titħajjarx timxi fuq xi mġiba tiegħu.” (Proverbji 3:31) Il-​Kristjani tal-​bidu kellhom dan il-​parir disponibbli biex jiggwidahom meta ħafna minn dawk taʼ madwarhom kienu jeċċitaw ruħhom minħabba l-​kuntesti tal-​gladjaturi Rumani. Filwaqt li nikkunsidraw dak li kien jiġri f’dawk il-​ġrajjiet, ejja naraw liema lezzjoni ċara hemm għall-​Kristjani taʼ llum.

Żewġ gladjaturi Rumani jiffaċċjaw lil xulxin f’arena Rumana. Maʼ l-​ewwel daqqiet tas-​sejf fuq it-​tarki, il-​folla li tinsab maħkuma b’eċċitament kbir tgħajjat biex tħeġġeġ lill-​favorit tagħha. Hija ġlieda vjolenti. F’kemm ilna ngħidu, wieħed mill-​gladjaturi, li jinsab imweġġaʼ u ma jistax ikompli, jitfaʼ idejh ’l isfel u jinżel għarkobbtejh, u b’hekk jirrikonoxxi li tilef u qed jitlob għall-​ħniena. L-​għajat jibda jogħla iktar u iktar. Xi wħud fil-​folla jgħajtu biex jintwera ħniena, waqt li oħrajn jgħajtu għax iriduh mejjet. Il-​ħarsa taʼ kulħadd hija ffokata fuq l-​imperatur. Hu, waqt li joqgħod attent għal dak li jixtiequ l-​folol, jistaʼ jeħles lill-​gwerrier megħlub jew inkella b’sempliċi ġest b’subgħajh jistaʼ jikkundannah għall-​mewt.

Ir-Rumani kienu akkaniti għall-​ispettakli tal-​gladjaturi. Forsi tibqaʼ mistagħġeb meta ssir taf li dan il-​ġlied fil-​bidu kien isir fil-​funerali taʼ persunaġġi importanti. Xi wħud jemmnu li l-​kuntesti oriġinaw minn sagrifiċċji umani fost l-​Oskani jew is-​Sanniti li ġejjin minn dik li issa hija magħrufa bħala l-​Italja ċentrali. Is-​sagrifiċċji kienu jsiru biex jikkalmaw l-​ispirti tal-​mejtin. Dan il-​ġlied kien jissejjaħ munus, jew “għotja” (fil-plural, munera). L-​ewwel logħob dokumentat f’Ruma sar fis-​sena 264 Q.E.K. meta tliet pari taʼ gladjaturi ġġieldu fis-​suq tal-​bhejjem. Fil-​funeral taʼ Marku Emilju Lepidu, kien hemm 22 dwell miġġielda. Fil-​funeral taʼ Publiju Liċinju, 60 par iġġieldu kontra xulxin. Fis-​sena 65 Q.E.K., Ġulju Ċesari bagħat 320 par fl-​arena.

“Il-​funerali aristokratiċi kienu ħidmiet politiċi,” jgħid Keith Hopkins, studjuż taʼ l-​istorja, “u l-​logħob fil-​funerali kellu xejra politika . . . għax kien popolari mal-​votanti. Fir-​realtà, il-​glorja taʼ dawn il-​wirjiet tal-​gladjaturi kibret għax kienet imqanqla fil-​parti l-​kbira mill-​kompetizzjoni politika bejn l-​aristokratiċi ambizzjużi.” Sal-​ħakma t’Awgustu (27 Q.E.K. sa l-​14 E.K.), il-​munera kienu saru għotjiet lussużi—għad-​divertiment tal-​folol—li l-​uffiċjali għonja taʼ l-​istat kienu joffru sabiex imexxu ’l quddiem il-​karrieri politiċi tagħhom.

Il-​Parteċipanti u t-​Taħriġ

Forsi tistaqsi, ‘Min kienu l-​gladjaturi?’ Fil-​fatt setgħu kienu skjavi, kriminali kundannati għall-​mewt, priġunieri tal-​gwerra, jew irġiel ħielsa bit-​tama li jsiru famużi u għonja jew imħajrin mill-​eċċitament. Kollha kienu jiġu mħarrġin fi skejjel qishom ħabsijiet. Il-​ktieb Giochi e spettacoli (Logħob u spettakli) jirrapporta li fit-​taħriġ il-​gladjaturi “kienu dejjem mgħassin mill-​gwardji u suġġetti għal dixxiplina iebsa, regoli mill-​iktar severi, u kastigi partikolarment ħorox . . . Dan it-​trattament spiss kien iwassalhom għal suwiċidju, ribelljoni jew irvell.” L-​akbar skola tal-​gladjaturi f’Ruma kellha minn taʼ l-​inqas elf ċella. Kull wieħed minn dawk li okkupawhom kien jispeċjalizza f’xi ħaġa. Xi wħud kienu jiġġieldu bl-​armatura, bit-​tarka, u bis-​sejf, waqt li oħrajn bix-​xibka u l-​foxxna. Jerġaʼ oħrajn kienu mħarrġin biex jiġġieldu kontra l-​annimali salvaġġi f’tip popolari ieħor taʼ wirja, il-​kaċċa. Jistaʼ jkun li Pawlu kien qed jirreferi eżattament għal din il-​ġrajja?

Dawk li kienu jorganizzaw il-​wirjiet setgħu jfittxu l-​għajnuna taʼ l-​intraprendituri li kienu jingaġġaw u jħarrġu lil uħud taʼ 17 jew 18-il sena biex isiru gladjaturi. It-​traffikar tan-​nies ħajjin kien negozju kbir. Wirja eċċezzjonali li Trajanu offra biex jiċċelebra rebħa militari kien fiha 10,000 gladjatur u 11,000 annimal.

Jum fl-​Arena

Fl-​arena, l-​għodwa kienet tkun dedikata għall-​kaċċa. Annimali salvaġġi taʼ kull tip setgħu jiġu sforzati biex joħorġu fl-​arena. L-​udjenza kienet titgħaxxaq l-​iktar bil-​ġlied bejn il-​barri u l-​ors. Ġeneralment dawn kienu jiġu marbutin maʼ xulxin sabiex jiġġieldu sakemm wieħed minnhom imut, imbagħad dak li jibqaʼ ħaj jinqatel minn kaċċatur. Ġlied popolari ieħor kien dak taʼ l-​iljuni kontra t-​tigri, jew l-​iljunfanti kontra l-​orsijiet. Il-​kaċċaturi kienu juru s-​sengħa tagħhom f’li jikkaċċjaw u joqtlu l-​annimali eżotiċi li kienu jinġiebu minn kull rokna taʼ l-​imperu, mingħajr ma kienet titqies in-​nefqa—iljupardi, rinoċeronti, ippopotami, ġiraffi, jeni, iġmla, lupi, ċingjali, u antilopijiet.

Minħabba l-​effetti tax-​xeni, il-​kaċċa ma kinitx tintesa malajr. Kienu jintużaw ġebel, għadajjar, u siġar biex jidhru qishom foresti. F’xi areni, l-​annimali kienu jidħlu fix-​xena qishom bil-​maġija, jittellgħu minn taħt l-​art u joħorġu minn bieb fl-​art. Il-​mod imprevedibbli kif kienu jġibu ruħhom l-​annimali kien iżid l-​interess, iżda milli jidher dik li għamlet il-​kaċċa tidher daqshekk affaxxinanti kienet il-​moħqrija.

Imbagħad fil-​programm kien imiss li jinqatlu l-​bnedmin. Kien isir sforz biex dawn jiġu preżentati b’mod oriġinali. Fid-​drammi tal-​mitoloġija li kienu jiġu preżentati, l-​atturi kienu jmutu fir-​realtà.

Matul is-​sessjonijiet taʼ wara nofsinhar, diversi gruppi taʼ gladjaturi armati b’modi distintivi u mħarrġin f’tekniki differenti kienu jiġġieldu kontra xulxin. Xi wħud minn dawk li kienu jkaxkru l-​katavri ’l barra kienu jilbsu bħall-​alla taʼ taħt l-​art.

L-​Effett fuq l-​Ispettaturi

Ix-​xewqa qawwija tal-​folol għall-​azzjoni kienet bla xabaʼ, u għalhekk ġellieda bla ħeġġa kienu jitqajmu fuq tagħhom bid-​daqqiet tal-​frosta u l-​ħadid jikwi. Il-​folol kienu jgħajtu: “Għala huwa tant beżżiegħ biex jiġġieled bis-​sejf? Għala jagħti daqqiet daqshekk dgħajfin? Għala ma jmutx [għax irid]? Sawtuh ħalli jqum jiġġieled! Ħalluhom jaqilgħu lura d-​daqqiet, b’sidirhom mikxuf u espost għas-​swat!” L-​istatista Ruman Seneka jikteb li waqt l-​intervall kien joħroġ l-​avviż: “Sadanittant se nħanxru ftit griżmejn, sabiex ikun għad hawn xi ħaġa għaddejja!”

Mhux taʼ b’xejn mela li Seneka jammetti li kien imur lura d-​dar “iktar kiefer u inqas uman.” L-​istqarrija sinċiera taʼ dan l-​ispettatur jixirqilha li nikkunsidrawha bis-​serjetà. Huwa possibbli li l-​ispettaturi taʼ xi wħud mill-​ġrajjiet sportivi taʼ llum jiġu effettwati bl-​istess mod, imorru d-​dar ‘iktar kefrin u inqas umani’?

Xi wħud jistaʼ jkun li kienu jħossuhom fortunati li rnexxielhom imorru lura d-​dar. Meta wieħed spettatur għadda kumment makakk dwar Domizjanu, dan l-​imperatur qabbad lil min ikaxkru minn postu u jixħtu lill-​klieb. Meta ma kellux biżżejjed kriminali għall-​qatla, Kaligula ordna li tinħataf parti mill-​folla u tintefaʼ lill-​annimali salvaġġi. U meta l-​makkinarju taʼ fuq il-​palk ma ħadimx kif xtaq hu, Klawdju ta l-​kmand biex il-​mekkaniks responsabbli jiġġieldu fl-​arena.

Il-fanatiżmu taʼ l-​ispettaturi kien iwassal ukoll għal diżastri u rewwixti. Amfiteatru fit-​tramuntana taʼ Ruma kkrolla, u ġie rapportat li eluf mietu. Fis-​sena 59 E.K., qamet rewwixta waqt spettaklu f’Pompej. Taċitu jirrapporta li l-​konflitti bejn il-​folla tal-​post u r-​rivali minn xi raħal viċin kienu jibdew billi n-​nies jgħajru lil xulxin, imbagħad jitfgħu l-​ġebel, u fl-​aħħar kienu jispiċċaw jiġġieldu bis-​sejf. Bosta kienu dawk li jispiċċaw immankati jew imweġġgħin, u ħafna kienu jinqatlu.

Lezzjoni Ċara

Esibizzjoni li saret dan l-​aħħar (Sangue e arena, “Blood and Sand”) fil-​Kolossew taʼ Ruma ssuġġeriet li hemm xebh illum mal-​munera. B’mod sinifikanti, intwerew partijiet minn filmati taʼ ġlied mal-​barrin, boxing professjonali, ħabtiet tal-​biżaʼ li seħħew fit-​tlielaq tal-​karozzi u tal-​muturi, ġlied vjolenti bejn l-​atleti fil-​logħob, u ġlied aħrax bejn l-​ispettaturi. Il-​preżentazzjoni spiċċat b’veduta mill-​ajru tal-​Kolossew. X’taħseb li kellhom jikkonkludu dawk li żaruha? Kemm huma dawk li kienu se jieħdu t-​tagħlima?

Il-ġlied bejn il-​klieb, is-​sriedaq, u l-​barrin huma komuni llum f’xi pajjiżi. Għall-​eċċitament taʼ folol enormi, jiġu perikolati l-​ħajjiet fit-​tlielaq tal-​karozzi u tal-​muturi. U aħseb ftit dwar il-​programmi tat-​televixin. Studji li saru f’pajjiż tal-​punent urew li bħala medja tifel li jara t-​televixin jistaʼ jara b’għajnejh stess 10,000 qatla u 100,000 att t’aggressjoni sakemm ikollu għaxar snin.

Il-​gost taʼ l-​ispettakli “ma kienx jaqbel mar-​reliġjon vera u l-​ubbidjenza vera lejn dak Alla veru,” qal Tertuljanu, il-​kittieb tat-​tielet seklu. Hu kien iħares lejn dawk li attendew għalihom bħala li kienu kompliċi mal-​qattiela. Xi ngħidu għall-​ġurnata taʼ llum? Dak li jkun jistaʼ jistaqsi, ‘Niddeverti jien bl-​ispettakli kollhom dmija, imwiet, jew vjolenza fuq it-​televixin jew fuq l-​Internet?’ Taʼ min jiftakar li Salm 11:5 jistqarr: “Jgħarbel il-​Mulej il-​ġust u l-​ħażin; hu jobgħod ’il min iħobb id-​dnewwa.”

[Kaxxa f’paġna 28]

Ġlied biex “Jikkalma lill-​Mejtin”

Dwar l-​oriġini tal-​ġlied tal-​gladjaturi, Tertuljanu, kittieb tat-​tielet seklu, jgħid: “L-​antiki kienu jaħsbu li b’dan it-​tip taʼ spettaklu qed jagħtu servizz lill-​mejtin, wara li kienu rranġaw l-​ispettaklu għal forma iktar ċivilizzata taʼ moħqrija. Għax qabel, peress li kienu jemmnu li l-​erwieħ tal-​mejtin kienu jistrieħu bid-​demm tal-​bnedmin, fil-​funerali kienu jissagrifikaw lil ilsiera jew skjavi mixtrijin u taʼ kwalità inferjuri. Imbagħad kienu jixtiequ jgħattu l-​għemil ħażin tagħhom billi jagħmluh jidher taʼ gost. Għalhekk, wara li l-​individwi miksubin ikunu ġew imħarrġin fl-​armi li kienu disponibbli dak iż-​żmien u skond l-​aqwa abbiltà tagħhom—it-​taħriġ tagħhom kien biex jitgħallmu kif jinqatlu!—imbagħad kienu jinqatlu fil-​jum imwaqqat għall-​funeral li kien isir fejn l-​oqbra. B’hekk kienu jsibu l-​faraġ għall-​mewt meta joqtlu. Din hija l-​oriġini tal-​munus. Iżda wara xi żmien imxew ’il quddiem waqt li rfinaw il-​kultura taʼ l-​ispettaklu u l-​moħqrija billi ġabuhom taʼ l-​istess livell; għax il-​jum taʼ festa ma kienx ikun komplet, jekk l-​annimali salvaġġi wkoll ma jkollhomx is-​sehem tagħhom f’li jbiċċru l-​iġsma tal-​bnedmin. Dak li kien jiġi offrut biex jikkalma lill-​mejtin kien jitqies bħala ċerimonja tal-​funeral.”

[Stampa f’paġna 27]

Elmu u għata għar-​riġlejn tal-​gladjaturi tal-​qedem

[Stampi f’paġna 29]

Il-​Kristjani tal-​qedem ma kinux jaċċettaw divertiment vjolenti. Int taċċettah?

[Sorsi]

Boxing: Dave Kingdon/Index Stock Photography; ħabta: AP Photo/Martin Seppala

[Sors tal-​Istampa f’paġna 26]

Mużew taʼ l-​Arti ġo Phoenix, Arizona/Librerija taʼ l-​Arti Bridgeman

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja