Sejħulun Divertiment
L-ANFITEATRU kien ikkargat bl-eċċitament. Għaxriet t’eluf kienu miġburin għal wieħed mill-iktar spettakli eċċitanti f’Ruma tal-qedem. Bnadar, ward, u damask ikkulurit żejnu l-arena u tawha dehra ferriħija. Funtani żbokkaw ilma jfuħ, u mlew l-arja b’aromi pjaċevoli. L-għonja mdandnin bl-iktar ilbies ilellex li kellhom. Maʼ l-istorbju tal-folla kultant kienet tinstemaʼ xi tfaqqigħa taʼ daħk, imma l-bluha taʼ din il-kotra kkontradiet l-orrur taʼ dak li appik kellu jiġri.
F’qasir żmien id-daqq waħxi tat-trombi sejjaħ lil żewġ gladjaturi għat-taqbida. Il-folla kienet f’dillirju hekk kif il-kontestanti bdew ifajru lejn xulxin b’kefrija li ma tafx x’inhi ħniena. Il-ħoss metalliku tax-xwabel jaħbtu maʼ xulxin bil-kemm setaʼ jinstemaʼ ’l fuq mill-agħjat li jtarrax taʼ l-ispettaturi. F’salt wieħed, b’mossa mħeffa, wieħed mill-ġellieda waqqaʼ lill-avversarju tiegħu maʼ l-art. Id-destin tal-gladjatur imwaqqaʼ kien issa f’idejn dawk li kienu qegħdin jaraw it-taqbida. Jekk ixejru l-imkatar tagħhom, kien jgħix. B’mossa waħda taʼ subgħajhom il-kbir, il-miġemgħa—nisa u xebbiet inklużi—kienet tordna d-daqqa tal-mewt. F’temp taʼ ftit mumenti l-ġisem bla ħajja kien jiġi mkaxkar ’il barra mill-arena, il-ħamrija mgħarrqa fid-demm kienet tiġi mqallba bil-pali, kien jiġi mxerred ramel ġdid, u l-folla kienet tħejji ruħha għall-kumplament tal-massakru mdemmi.
Għal ħafna nies li kienu jgħixu f’Ruma tal-qedem, dak kien divertiment. “Anki l-iktar moralisti stretti ma kienu jqajmu ebda oġġezzjoni għal dan il-pjaċir bit-tixrid tad-demm,” jgħid il-ktieb Rome: The First Thousand Years (Ruma: L-Ewwel Elf Sena). U l-logħba tal-gladjaturi kienet biss għamla waħda taʼ divertiment dekadenti li kellha x’toffri Ruma. Kienu wkoll jiġu organizzati battalji navali taʼ vera għall-pjaċir taʼ spettaturi għatxana għad-demm. Saħansitra kienu jinżammu esekuzzjonijiet fil-pubbliku, li fihom il-kriminal ikkundannat kien jintrabat maʼ zokk u jittiekel minn bhejjem salvaġġi mġewħin.
Għal dawk li l-gosti tagħhom ma kinux daqshekk sangwinarji, Ruma kienet toffri assortiment taʼ teatrini fuq il-palk. F’dawn il-mimi—reċti qosra dwar il-ħajja taʼ kuljum—“l-adulterju u ġrajjiet taʼ mħabba kienu t-temi prinċipali,” kiteb Ludwig Friedländer f’Roman Life and Manners Under the Early Empire (Il-Ħajja u L-Manjieri Taʼ Ruma Taħt L-Imperu Bikri). “Il-lingwaġġ kien ikun mimli kliem doppju sens u vulgari, u ċ-ċajt kien ikun pastaż, b’ruxxmata mutetti, ġesti offensivi, u, fuq kollox, żfin grottesk għad-daqq tal-flawt.” Skond The New Encyclopædia Britannica, “teżisti evidenza li atti t’adulterju kienu jitwettqu attwalment fuq il-palk tat-teatrin fi żmien l-Imperu Ruman.” Bir-raġun kollu, Friedländer sejjaħ lill-mima “l-iktar farsa sfaċċata u offensiva f’dik li hi immoralità u oxxenità,” u żied: “L-iktar xeni faħxin kienu jaqilgħu l-iktar ċapċip.”a
Xi ngħidu għal-lum? Inbidlu l-gosti tal-bniedem f’dak li hu divertiment? Ikkunsidra l-evidenza, bħalma se niddiskutu fl-artiklu li jmiss.
[Noti taʼ taħt]
a Xi drabi, kienet issir esekuzzjoni fuq il-palk biex tagħti sens realistiku lil xi produzzjoni drammatika. Il-ktieb The Civilization of Rome (Iċ-Ċiviltà Taʼ Ruma) jinnota: “Ma kinitx xi ħaġa barra minn lokha għal xi kriminal li jkun ikkundannat għall-mewt li jieħu post l-attur fil-mument katastrofiku.”
[Sors tal-Istampa fʼpaġna 3]
The Complete Encyclopedia of Illustration/J. G. Heck