LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 12/1 pp. 24-28
  • Il-Pajjiż Fejn Intbgħatna Bħala Missjunarji Sar Darna

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Pajjiż Fejn Intbgħatna Bħala Missjunarji Sar Darna
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ħabs u Projbizzjoni
  • Niżżewweġ Evanġelizzatriċi Żeluża
  • Nitilqu għal Inkarigu f’Art Barranija
  • Tweġiba għat-​Talb Tagħna
  • Ferħanin fil-​Pajjiż Fejn Intbgħatna Naqdu
  • Qdejna Flimkien Id f’Id
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Inħossni Kuntent b’Dak li Għamilt għal Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
  • Ġeħova Għallimni Nagħmel ir-Rieda Tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 12/1 pp. 24-28

Bijografija

Il-​Pajjiż Fejn Intbgħatna Bħala Missjunarji Sar Darna

KIF RAKKONTATA MINN DICK WALDRON

Kien il-​Ħadd wara nofsinhar f’Settembru taʼ l-​1953. Konna għadna kemm naslu fl-​Afrika tal-​Lbiċ (illum in-​Namibja). Konna ilna inqas minn ġimgħa fil-​pajjiż u konna se nagħmlu laqgħa pubblika fil-​belt kapitali, Windhoek. X’kien li qanqalna nitilqu mill-​Awstralja u niġu f’dan il-​pajjiż Afrikan? Jien u marti, flimkien maʼ tliet nisa żgħażagħ oħrajn, konna ġejna bħala missjunarji taʼ l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla.—Mattew 24:14.

ĦAJTI bdiet f’parti mbiegħda taʼ l-​art, fl-​Awstralja, fl-​1914, li kienet sena sinifikanti ħafna. L-​adolexxenza tiegħi ħabtet fl-​istess żmien tad-​Dipressjoni l-​Kbira, u jien kelli nagħti s-​sehem tiegħi biex immantnu ’l-familja tagħna. Ma kienx hemm xogħol, imma sibt mod kif naqbad il-​fniek slavaġ li kien hemm bl-​għama minnhom fl-​Awstralja. Għalhekk, mod prinċipali wieħed kif kont nikkontribwixxi għall-​ikel tal-​familja kien li nipprovdi b’mod kostanti l-​laħam tal-​fniek.

Sakemm faqqgħet it-​Tieni Gwerra Dinjija fl-​1939, kien irnexxieli nsib xogħol fuq it-​trammijiet u l-​karozzi tal-​linja fil-​belt taʼ Melbourne. Kien hemm madwar 700 raġel jaħdmu bix-​xift fuq il-​karozzi tal-​linja, u f’kull xift kont niltaqaʼ maʼ xufier jew kunduttur differenti. Taʼ spiss kont nistaqsihom, “X’reliġjon għandek?” u kienu jispjegawli twemminhom. L-​uniku wieħed li setaʼ jagħtini tweġibiet sodisfaċenti kien wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Hu spjegali l-​messaġġ ibbażat fuq il-​Bibbja dwar il-​ġenna taʼ l-​art, fejn il-​bnedmin li jibżgħu minn Alla kienu se jgħixu għal dejjem.—Salm 37:29.

Sadattant, ommi wkoll iltaqgħet max-​Xhieda taʼ Jehovah. Ħafna drabi, meta kont niġi lura mix-​xogħol tard fil-​għaxija, kont insib l-​ikel jistennieni flimkien maʼ kopja tar-​rivista Consolation (issa magħrufa bħala Stenbaħ!). Dak li kont naqra kien jidher interessanti. Maż-​żmien ikkonkludejt li din kienet ir-​reliġjon il-​vera, bdejt nassoċja b’mod attiv mal-​kongregazzjoni, u tgħammidt f’Mejju taʼ l-​1940.

F’Melbourne kien hemm dar għall-​pijunieri u fiha kienu joqogħdu xi 25 ministru full-time tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Jien mort noqgħod magħhom. Ġurnata wara l-​oħra kont nismagħhom jirrakkontaw l-​esperjenzi eċċitanti li kien ikollhom fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar, u f’qalbi tnisslet ix-​xewqa li ningħaqad magħhom. Maż-​żmien applikajt għas-​servizz taʼ pijunier. Ġejt aċċettat u sejħuli biex naqdi fl-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Jehovah fl-​Awstralja. B’hekk sirt parti mill-​familja taʼ Betel.

Ħabs u Projbizzjoni

Wieħed mill-​inkarigi tiegħi f’Betel kien li nħaddem l-​impjant fejn kien jiġi sserrat l-​injam. Hemmhekk konna naqtgħu l-​injam biex nagħmlu l-​faħam għall-​fuel. Dan kien jintuża għall-​karozzi tal-​fergħa għax minħabba l-​gwerra kien diffiċli ssib tixtri l-​petrol. Konna 12 naħdmu fl-​impjant, u lkoll kemm aħna konna obbligati bil-​liġi li ninqabdu bil-​lieva. F’temp qasir ġejna kundannati għal sitt xhur ħabs minħabba li rrifjutajna s-​servizz militari fuq bażi Skritturali. (Isaija 2:4) Il-​ħabs li ntbgħatna kien razzett fejn kellna nagħmlu xogħol iebes forzat. X’qabbduna nagħmlu? Lanqas temmen! Ridna naqtgħu l-​injam, l-​istess ħaġa li ġejna mħarrġin nagħmlu f’Betel!

Tant morna tajjeb fil-​qtugħ taʼ l-​injam li l-​kap tal-​ħabs tana Bibbja u l-​letteratura Biblika tagħna, minkejja ordnijiet stretti biex ma ningħatawx affarijiet bħal dawn. Kien matul dan iż-​żmien li tgħallimt lezzjoni siewja dwar ir-​relazzjonijiet umani. Meta kont qed naqdi f’Betel kien hemm dan il-​ħu li b’xejn ma stajt ningwalaha miegħu. Il-​personalitajiet tagħna sempliċement kienu wisq differenti. Sewwa, min taħseb li spiċċa fl-​istess ċella tal-​ħabs miegħi? Iva, dak l-​istess ħu. Issa tassew kellna l-​ħin biex insiru nafu lil xulxin, u għalhekk żviluppajna ħbiberija intima u dejjiema.

Maż-żmien, ix-​xogħol tax-​Xhieda taʼ Jehovah fl-​Awstralja ġie projbit. Il-​flus kollha ttiħdulhom, u l-​aħwa f’Betel ftit li xejn kellhom finanzi. Darba waħda ġie wieħed minnhom fuqi u qalli: “Dick, irrid immur nippriedka fil-​belt imma m’għandix żarbun, għandi biss il-​buz tax-​xogħol.” Jien kont ferħan li stajt ngħinu, u rħielha lejn il-​belt liebes iż-​żarbun tiegħi.

Iktar tard smajt li kien ġie arrestat u mitfugħ il-​ħabs minħabba l-​ippridkar. Ma flaħtx ma nibgħatlux nota qasira: “Jiddispjaċini għalik. Imnalla ma kontx jien fiż-​żarbun tiegħi!” Imma ma domtx wisq ma rġajt ġejt arrestat u mitfugħ il-​ħabs għat-​tieni darba minħabba li żammejt in-​newtralità tiegħi. Wara li ħriġt, ngħatajt l-​inkarigu li nieħu ħsieb ir-​razzett li kien jipprovdi l-​ikel għall-​familja taʼ Betel. Sa dak iż-​żmien konna rbaħna deċiżjoni tal-​qorti, u l-​attivitajiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah ma baqgħux projbiti.

Niżżewweġ Evanġelizzatriċi Żeluża

Waqt li kont naħdem fir-​razzett, bdejt naħseb serjament dwar iż-​żwieġ u ħadt grazzja m’oħt li kienet pijuniera żagħżugħa, Coralie Clogan. In-​nanna taʼ Coralie kienet l-​ewwel waħda fil-​familja tagħha li wriet interess fil-​messaġġ tal-​Bibbja. Fl-​aħħar mumenti taʼ ħajjitha, hi qalet lil Vera, omm Coralie: “Rabbi lil uliedek biex iħobbu u jaqdu lil Alla, u xi darba niltaqgħu fil-​Ġenna taʼ l-​art.” Iktar tard, meta quddiem il-​bieb taʼ Vera tfaċċa wieħed pijunier bil-​pubblikazzjoni Millions Now Living Will Never Die, dak il-​kliem beda jagħmel sens. Il-​ktejjeb ikkonvinċa lil Vera li l-​iskop t’Alla għall-​bniedem kien li jgawdi l-​ħajja f’ġenna taʼ l-​art. (Apokalissi 21:4) Hi tgħammdet kmieni fis-​snin 30, u sewwa sew bħalma ħeġġitha ommha, għenet lit-​tliet uliedha bniet—Lucy, Jean, u Coralie—biex jiżviluppaw imħabba lejn Alla. Madankollu, missier Coralie kien jopponi bl-​aħrax l-​interessi reliġjużi tal-​familja tiegħu, sewwa sew bħalma Ġesù kien wissa li setaʼ jiġri ġol-​familji.—Mattew 10:​34-36.

Il-familja Clogan kienet waħda mżejna b’talent mużikali; it-​tfal kollha kienu jdoqqu xi strument. Coralie kienet iddoqq il-​vjolin, u fl-​1939, taʼ 15-il sena, ħadet diploma fil-​mużika. Imbagħad faqqgħet it-​Tieni Gwerra Dinjija u dan il-​fatt ġagħal lil Coralie taħseb bis-​serjetà dwar il-​futur tagħha. Kien waslilha ż-​żmien biex tiddeċiedi x’kienet se tagħmel b’ħajjitha. Fuq naħa waħda kellha l-​possibbiltà taʼ karriera fil-​mużika. Diġà kellha stedina biex iddoqq fl-​Orkestra Sinfonika taʼ Melbourne. Mill-​banda l-​oħra, kellha l-​possibbiltà li tiddedika l-​ħin tagħha fix-​xogħol grandjuż taʼ li tippriedka l-​messaġġ tas-​Saltna. Wara li ħasbuha sew, Coralie u ż-​żewġ ħutha bniet tgħammdu fl-​1940 u ħejjew biex jidħlu fix-​xogħol taʼ l-​evanġelizzar full-time.

Ftit żmien biss wara li Coralie ddeċidiet li tidħol fil-​ministeru full-time, resaq fuqha Lloyd Barry, ħu mill-​fergħa taʼ l-​Awstralja li kellu ħafna responsabbiltà u li iktar tard qeda bħala membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Kien għadu kemm ta taħdita f’Melbourne, u qal lil Coralie: “Jien sejjer lura Betel. Għala ma taqbadx il-​ferrovija miegħi u tingħaqad mal-​familja taʼ Betel?” Hi aċċettat bil-​ferħa.

Coralie u l-​aħwa nisa l-​oħra tal-​familja taʼ Betel kellhom sehem vitali fil-​produzzjoni taʼ pubblikazzjonijiet Bibliċi għall-​aħwa fl-​Awstralja matul iż-​żmien taʼ projbizzjoni fis-​snin tal-​gwerra. Fil-​fatt huma għamlu l-​biċċa l-​kbira taʼ l-​istampar, u dan għamluh taħt il-​ħarsien taʼ Ħuna Malcolm Vale. Il-​kotba The New World u Children ġew stampati u llegati, u ma nqabżet l-​ebda ħarġa tar-​rivista It-​Torri taʼ l-​Għassa matul dawk is-​sentejn u fuqhom li damet sejra l-​projbizzjoni.

L-istamperija kellha tiċċaqlaq minn postha xi 15-il darba biex ma tinstabx mill-​pulizija. F’każ minnhom, il-​letteratura Biblika kienet tiġi stampata fil-​kantina taʼ ċertu bini fejn kien isir xogħol taʼ stampar differenti bħala kopertura. L-​oħt li kienet taħdem fir-​reception setgħet tagħfas buttuna maʼ l-​ewwel ħjiel taʼ periklu, u isfel fil-​kantina kienet tinstemaʼ qanpiena ddoqq, sabiex b’hekk l-​aħwa nisa setgħu jaħbu l-​pubblikazzjonijiet qabel ma xi ħadd jibda jagħmel spezzjoni.

Darba, matul spezzjoni bħal din, xi wħud mill-​aħwa qamilhom ġisimhom xewk xewk meta indunaw li kien hemm kopja tat-​Torri taʼ l-​Għassa fuq mejda fejn setaʼ jarah kulħadd. Il-​pulizija daħal, poġġa l-​basket tiegħu eżatt fuq It-​Torri taʼ l-​Għassa, u beda t-​tfittxija. Billi ma sab xejn, hu qabad il-​basket u telaq ’il barra!

Wara li tneħħiet il-​projbizzjoni u l-​propjetà tal-​fergħa reġgħet ngħatat lura lill-​aħwa, ħafna mill-​aħwa ngħataw l-​opportunità li joħorġu jaħdmu fis-​servizz taʼ l-​għalqa bħala pijunieri speċjali. Dan kien meta Coralie offriet li tmur Glen Innes. Jien ngħaqadt magħha hemmhekk wara li żżewwiġna fl-​1 taʼ Jannar, 1948. Sakemm ġejna biex nitilqu, f’dak il-​post twaqqfet kongregazzjoni li kienet sejra tajjeb ħafna.

L-inkarigu li messna wara kien f’Rockhampton, imma ma stajniex insibu fejn noqogħdu. Għalhekk, waqqafna tinda fuq biċċa art miftuħa fir-​razzett taʼ persuna interessata fil-​verità. Dik it-​tinda kienet darna għad-​disaʼ xhur taʼ wara. Setgħet damet iktar, imma meta ġie l-​istaġun tax-​xita, it-​tinda spiċċat trietaq f’tempesta tropikali, u mbagħad ix-​xita qalila ġarrithielna magħha.a

Nitilqu għal Inkarigu f’Art Barranija

Waqt li konna Rockhampton, irċivejna stedina biex nattendu għad-​19-il klassi taʼ l-​Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead) biex nitħarrġu bħala missjunarji. U dan hu kif, wara li ggradwajna fl-​1952, intbgħatna fil-​pajjiż li dak iż-​żmien kien magħruf bħala l-​Afrika tal-​Lbiċ.

Mingħajr telf taʼ żmien, il-​kleru tal-​Kristjaneżmu wera kif kien iħossu dwar ix-​xogħol missjunarju tagħna. Kull nhar taʼ Ħadd, għal sitt ġimgħat wara xulxin, il-​kleru wissa ’l-kongregazzjonijiet tiegħu dwarna minn fuq il-​pulptu. Huma qalu lin-​nies biex ma jiftħulniex u ma jħalluniex naqrawlhom mill-​Bibbja, għax inkella jitħawdu. F’post wieħed, ħallejna diversi pubblikazzjonijiet, imma l-​qassis ġie warajna minn dar għal dar u ġabarhom. Jum wieħed kellna diskussjoni fl-​uffiċċju tal-​qassis u rajna li kellu kollezzjoni mhux ħażin taʼ kotba minn tagħna.

Anki l-​awtoritajiet lokali ma damux wisq ma bdew juru t-​tħassib tagħhom dwar l-​attivitajiet tagħna. Mingħajr ebda dubju minħabba t-​tixwix tal-​kleru, huma ssuspettaw li aħna stajna kellna xi konnessjoni mal-​Komuniżmu. Għaldaqstant, ħadulna l-​marki tas-​swabaʼ, u interrogaw lil xi nies li konna nżuru. Minkejja din l-​oppożizzjoni kollha, l-​attendenza li kien ikollna għal-​laqgħat kibret ġmielha.

Hekk kif ġejna noqogħdu f’dan il-​pajjiż, mill-​ewwel tkebbset ġo fina xewqa qawwija li naqsmu l-​messaġġ tal-​Bibbja man-​nies tal-​post, li kienu l-​Ovambo, il-​Ħerero, u n-​Nama. Madankollu, dan ma kienx faċli. Lura f’dak iż-​żmien, l-​Afrika tal-​Lbiċ kienet immexxija mill-​gvern taʼ l-​Afrika t’Isfel li kien favur l-​apartheid. Ladarba konna bojod, ma stajniex nagħtu xiehda fi nħawi fejn kienu jgħixu s-​suwed mingħajr permess mill-​gvern. Minn żmien għal żmien konna napplikaw, imma l-​awtoritajiet sempliċement ma ridux joħorġulna lpermess.

Wara li konna ilna sentejn naqdu f’pajjiż barrani, kellna sorpriża. Coralie kienet tqila. F’Ottubru taʼ l-​1955 twieldet it-​tifla tagħna, Charlotte. Għalkemm ma stajniex inkomplu bħala missjunarji, irnexxieli nsib xogħol part-time u nkompli għal xi żmien bħala pijunier.

Tweġiba għat-​Talb Tagħna

Fl-​1960 kellna sfida oħra. Coralie rċiviet ittra bl-​aħbar li ommha tant kienet marida li jekk Coralie ma kinitx sejra lura d-​dar, setgħet titlef iċ-​ċans li terġaʼ taraha. Għalhekk, ippjanajna biex nitilqu mill-​Afrika tal-​Lbiċ u mmorru lura l-​Awstralja. Imbagħad ġara dak li tant konna ilna nistennew—f’dik l-​istess ġimgħa li konna se nitilqu, irċivejt il-​permess mingħand l-​awtoritajiet lokali biex nidħol fiż-​żona fejn jgħixu s-​suwed, Katutura. X’konna se nagħmlu issa? Nerġgħu nirritornaw il-​permess wara li konna ilna sebaʼ snin nitħabtu biex inġibuh? Faċli stajna rraġunajna li setgħu jiġu oħrajn u jkomplu fejn ħallejna aħna. Imma ma kinitx din barka mingħand Jehovah, tweġiba għat-​talb tagħna?

F’qasir żmien iddeċidejt x’kellna nagħmlu. Nibqaʼ jien fil-​pajjiż, biex b’hekk il-​battikata li ħadna biex noqogħdu hemm b’mod permanenti ma tkunx għalxejn bit-​tluq tagħna lkoll lejn l-​Awstralja. L-​għada stess, ħassart il-​biljett tiegħi tal-​vapur u bgħatt lil Coralie u lil Charlotte fuq btala twila fl-​Awstralja.

Waqt li kienu msifrin, jien bdejt nippriedka lir-​residenti taż-​żona tas-​suwed. L-​interess li ntwera kien tremend. Meta Coralie u Charlotte ġew lura, kien hemm numru taʼ nies miż-​żona tas-​suwed li kienu qed jattendu l-​laqgħat tagħna.

Sa dak iż-​żmien, kelli karozza antika li biha stajt nieħu lil persuni interessati għal-​laqgħat. Kont nagħmel erbaʼ jew ħames vjaġġi kull laqgħa, u ntellaʼ sebgħa, tmienja, jew disgħa min-​nies f’kull vjaġġ. Meta kien joħroġ l-​aħħar wieħed, Coralie biex tiċċajta kienet tistaqsini: “Kemm baqagħlek taħt is-​seat?”

Sabiex inkunu iktar effettivi fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar, kellna bżonn il-​letteratura fil-​lingwa tan-​nies tal-​lokal. Għalhekk, kelli l-​privileġġ li norganizza t-​traduzzjoni tal-​fuljett Ħajja f’Dinja Ġdida f’erbaʼ lingwi lokali: il-​Ħerero, in-​Nama, l-​Indonga, u l-​Kwanjama. It-​tradutturi kienu nies edukati li konna nistudjaw il-​Bibbja magħhom, imma kelli noqgħod bil-​qiegħda magħhom biex inkun żgur li kull sentenza kienet tradotta tajjeb. In-​Nama hija lingwa b’vokabolarju limitat. Per eżempju, kont qed nipprova nispjega l-​punt: “Fil-​bidu Adam kien raġel perfett.” It-​traduttur beda jħokk rasu u qal li ma setax jiftakar x’kienet il-​kelma bin-​Nama għal “perfett.” “Sibtha,” qal sa fl-​aħħar. “Fil-​bidu Adam kien bħal ħawħa misjura.”

Ferħanin fil-​Pajjiż Fejn Intbgħatna Naqdu

Għaddew xi 49 sena mindu ġejna l-​ewwel darba f’dan il-​pajjiż, issa msejjaħ in-​Namibja. M’għadux meħtieġ li tikseb permess biex tidħol f’komunitajiet tas-​suwed. In-​Namibja hija mmexxija minn gvern ġdid ibbażat fuq kostituzzjoni li m’hijiex razzjali. Illum, f’Windhoek għandna erbaʼ kongregazzjonijiet kbar li jiltaqgħu fi Swali tas-​Saltna komdi.

Taʼ spiss ħsibna fil-​kliem li smajna f’Gilgħad: “Ħallu l-​pajjiż fejn se tintbagħtu taqdu jsir id-​dar tagħkom.” Mill-​mod kif Jehovah mexxa l-​affarijiet, aħna konvinti li kienet ir-​rieda tiegħu li dan il-​pajjiż barrani jsir darna. Sirna nħobbu lill-​aħwa, bid-​diversi kulturi interessanti tagħhom. Dħaqna magħhom f’mumenti taʼ ferħ u bkejna magħhom f’mumenti taʼ niket. Xi wħud minn dawk il-​persuni ġodda li konna ndeffsu fil-​karozza tagħna u niħduhom għal-​laqgħat, illum huma kolonni fil-​kongregazzjonijiet tagħhom. Meta wasalna f’din l-​art vasta fl-​1953, kien hemm inqas minn għaxar pubblikaturi tal-​post jippridkaw l-​aħbar tajba. Minn dan il-​bidu hekk żgħir, in-​numru taʼ pubblikaturi telaʼ għal iżjed minn 1,200. Jehovah żamm il-​wegħda tiegħu u kabbar fejn aħna u oħrajn ‘ħawwilna u saqqejna.’—1 Korintin 3:6.

Meta nħarsu lura lejn ħafna snin taʼ servizz, l-​ewwel fl-​Awstralja u issa fin-​Namibja, jien u Coralie nħossu sodisfazzjon kbir. Aħna nittamaw u nitolbu li Jehovah ikompli jagħtina s-​saħħa biex nagħmlu r-​rieda tiegħu issa u għal dejjem.

[Nota taʼ taħt]

a L-​istorja eċċitanti u anonima dwar kif il-​familja Waldron kampat f’dan l-​inkarigu diffiċli ġiet rakkontata f’The Watchtower taʼ l-​1 taʼ Diċembru, 1952, paġni 707-8.

[Stampa f’paġna 26 , 27]

Aħna u sejrin naqdu f’Rockhampton, l-​Awstralja

[Stampa f’paġna 27]

Fuq il-​moll fi triqitna lejn l-​Iskola taʼ Gilgħad

[Stampa f’paġna 28]

L-​ippridkar fin-​Namibja jġibilna ferħ kbir

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja