Bijografija
Qdejna Flimkien Id f’Id
KIF RAKKONTATA MINN MELBA BARRY
Fit-2 taʼ Lulju, 1999, jien u żewġi konna f’laqgħa kbira tax-Xhieda taʼ Jehovah, bħalma konna għal eluf taʼ drabi fis-57 sena taʼ żwieġ li għaddejna flimkien. Lloyd kien qed jagħti l-aħħar taħdita tal-Ġimgħa fil-konvenzjoni distrettwali ġewwa l-Ħawajj. F’daqqa waħda ħassu ħażin. Minkejja l-isforzi kollha li saru biex iġibuh f’sensih, hu miet.a
KEMM huma għeżież dawk l-aħwa Kristjani fil-Ħawajj li daru miegħi u għenuni nkampa maʼ din it-traġedja! Lloyd kien effettwa l-ħajjiet taʼ ħafna minnhom, kif ukoll taʼ ħafna oħrajn madwar id-dinja.
Minn dak in-nhar ’l hawn għaddew kważi sentejn, u matul dan iż-żmien ħsibt ħafna dwar is-snin meraviljużi li qattajna flimkien—ħafna minnhom f’inkarigu missjunarju barra mill-pajjiż kif ukoll fil-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Jehovah fi Brooklyn, New York. Qgħadt niftakar ukoll dwar żgħożiti, meta kont ngħix f’Sydney, l-Awstralja, u dwar l-isfidi li ffaċċjajna jien u Lloyd biex inkunu nistgħu niżżewġu fil-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija. Iżda, l-ewwelnett ħa ngħidilkom kif sirt Xhud u kif iltqajt maʼ Lloyd lura fl-1939.
Kif Sirt Xhud
Il-ġenituri tiegħi, li dejjem ħadu ħsiebi b’imħabba u għożża kbira, kien jisimhom James u Henrietta Jones. Fl-1932 spiċċajt l-iskola meta kelli biss 14-il sena. Dak iż-żmien id-dinja kienet f’nofs kriżi ekonomika kbira. Bdejt naħdem biex ngħin lill-familja, li kienet tinkludi wkoll liż-żewġ ħuti bniet iżgħar minni. Fi ftit snin kelli impjieg b’paga tajba f’uffiċċju, fejn kelli diversi tfajliet li kont naħdem magħhom taħt is-superviżjoni tiegħi.
Sadanittant, fl-1935, ommi aċċettat letteratura Biblika mingħand ix-Xhieda taʼ Jehovah u mill-ewwel ħassitha konvinta li kienet sabet il-verità. Aħna bdejna naħsbu li qed tiġġennen. Madankollu, darba waħda rajt il-ktejjeb Where Are the Dead? (Fejn Qegħdin il-Mejtin?) u kif rajt it-titlu qabditni l-kurżità. Għalhekk qbadt naqra dan il-ktejjeb bil-moħbi. Dak kulma kelli bżonn! Minnufih bdejt immur m’ommi għal laqgħa li kienet issir fost il-ġimgħa msejħa l-Istudju Mudell. Il-ktejjeb bl-isem Model Study (Studju Mudell)—li eventwalment kien hemm tlieta minnu—kien fih mistoqsijiet u tweġibiet kif ukoll skritturi li jappoġġaw it-tweġibiet.
Dik il-ħabta, f’April taʼ l-1938, Joseph F. Rutherford ġie jżur Sydney bħala rappreżentant mill-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Jehovah. L-ewwel taħdita pubblika li qatt mort nismaʼ kienet propju tiegħu. Din suppost li kellha tingħata fis-Sydney Town Hall, imma xi wħud li kienu jopponu rnexxielhom iwaqqfuna milli nużaw dak il-post. Minflok, it-taħdita ngħatat fis-Sydney Sports Ground, li kien ferm akbar. Minħabba r-reklamar li komplew jagħmlulna dawk li kienu jopponu, attendew madwar 10,000 ruħ—numru taʼ l-għaġeb meta tqis li dak iż-żmien kien hemm 1,300 Xhud biss fl-Awstralja.
Ftit wara dan, ħadt sehem fil-ministeru taʼ l-għalqa għall-ewwel darba—u mingħajr ebda taħriġ. Meta l-grupp tagħna wasal fit-territorju fejn konna se nippridkaw, dak li kien inkarigat mill-grupp qalli, “Dik id-dar t’hemmhekk agħmilha int.” Tant kont eċċitata li meta l-mara fetħet il-bieb, staqsejtha, “Tistaʼ tgħidli x’ħin hu, jekk jogħġbok?” Daħlet ġewwa, iċċekkjat il-ħin, u ġiet tgħidli. Dak kien kulma għedtilha, u erġajt mort fil-karozza.
Madankollu, ma qtajtx qalbi, u f’qasir żmien kont qed naqsam il-messaġġ tas-Saltna m’oħrajn regolarment. (Mattew 24:14) F’Marzu taʼ l-1939 issimbolizzajt id-dedikazzjoni tiegħi lil Jehovah billi tgħammidt fil-banju tal-ġâra tagħna, Dorothy Hutchings. Peress li ma kienx hemm aħwa rġiel, eżatt wara li tgħammidt, ngħatajt responsabbiltajiet tal-kongregazzjoni li normalment jassenjawhom lill-irġiel Kristjani.
Ġeneralment konna nagħmlu l-laqgħat tagħna fi djar privati, imma kultant konna nikru sala biex jingħataw it-taħditiet pubbliċi fiha. Darba waħda, ħu żagħżugħ gustuż mill-uffiċċju tal-fergħa tagħna f’Betel ġie jżur il-kongregazzjoni żgħira tagħna biex jagħtina taħdita. Mingħajr ma kont naf, hu kellu raġuni oħra f’moħħu meta ġie—biex isir jafni iktar. Iva, hekk iltqajt maʼ Lloyd.
Kif Iltqajt mal-Familja taʼ Lloyd
F’qasir żmien ġietni x-xewqa li naqdi lil Jehovah full-time. Madankollu, meta applikajt biex inkun pijuniera (biex nieħu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar full-time), staqsewni jekk xtaqtx naqdi ġewwa Betel. Għalhekk, f’Settembru taʼ l-1939, ix-xahar meta bdiet it-Tieni Gwerra Dinjija, sirt membru tal-familja taʼ Betel ġewwa Strathfield, belt viċin Sydney.
F’Diċembru taʼ l-1939 ivvjaġġajt lejn New Zealand għall-konvenzjoni. Peress li Lloyd kien minn New Zealand, kien sejjer hemmhekk ukoll. Ivvjaġġajna fuq l-istess vapur, u sirna nafu iktar lil xulxin. Lloyd irranġa biex niltaqaʼ m’ommu u missieru u ħutu fil-konvenzjoni ġewwa Wellington u iktar tard fid-dar tagħhom fi Christchurch.
Meta x-Xogħol Tagħna Ġie Projbit
Nhar is-Sibt, 18 taʼ Jannar, 1941, xi uffiċjali governattivi ġew fl-uffiċċju tal-fergħa b’xi sitt limousines suwed biex jikkonfiskawlna l-propjetà. Minħabba li kont naħdem fl-uffiċċju żgħir li kien hemm fid-daħla taʼ Betel, kont l-ewwel waħda li rajthom ġejjin. Peress li konna sirna nafu dwar il-projbizzjoni xi 18-il siegħa qabel, ilħaqna neħħejna kważi l-letteratura u l-fajls kollha mill-fergħa. Il-ġimgħa taʼ wara, ġew arrestati ħames membri mill-familja taʼ Betel, inkluż Lloyd.
Kont naf li l-iktar li kellhom bżonn dawk l-aħwa fil-ħabs kien l-ikel spiritwali. Biex ninkuraġġixxi lil Lloyd, iddeċidejt li niktiblu “ittri taʼ mħabba.” Kont nibda l-ittra b’dan l-istil, imma mbagħad kont nikkopja artikli sħaħ tat-Torri taʼ l-Għassa u niffirma bħala l-għażiża tiegħu. Wara erbaʼ xhur u nofs, Lloyd ġie meħlus.
Kif Iżżewwiġna u Bqajna fis-Servizz Full-Time
Fl-1940, omm Lloyd ġiet l-Awstralja, u Lloyd qalilha li konna qed naħsbu biex niżżewġu. Hi wissietu biex ma jiżżewwiġx, minħabba l-fatt li t-tmiem tas-sistema t’affarijiet kien jidher li qiegħed fil-qrib ferm. (Mattew 24:3-14) Hu qal ukoll lill-ħbieb tiegħu dwar dan, imma kull darba kienu jwissuh biex ma jiżżewwiġx. Fl-aħħar mill-aħħar, jum wieħed fi Frar taʼ l-1942, Lloyd ġie għalija baxx baxx flimkien maʼ erbaʼ Xhieda li wegħdu li ma jikxfuniex, ħadni fl-uffiċċju tar-reġistru, u żżewwiġna. Dak iż-żmien, fl-Awstralja, ix-Xhieda taʼ Jehovah kienu għadhom mhux rikonoxxuti bħala ministri li kellhom l-awtorità li jżewġu.
Għalkemm ma tħallejniex inkomplu s-servizz tagħna f’Betel bħala koppja miżżewġa, staqsewna jekk xtaqniex inkunu pijunieri speċjali. Aħna aċċettajna b’ferħ l-inkarigu li mmorru f’raħal li jismu Wagga Wagga. Peress li x-xogħol taʼ l-ippridkar kien għadu projbit u ma kellna l-ebda għajnuna finanzjarja, kellna tassew nitfgħu t-tagħbija tagħna fuq Jehovah.—Salmi 55:22, KŻ.
Biex immorru fl-irħula konna nsuqu rota li fuqha jistgħu jirkbu tnejn jew iktar, u hemmhekk iltqajna maʼ diversi nies dħulin li magħhom kien ikollna konversazzjonijiet twal. Ma kinux ħafna dawk li aċċettaw studju tal-Bibbja. Madankollu, wieħed raġel li kellu ħanut tant kien japprezza x-xogħol li konna qed nagħmlu li kien jipprovdilna l-frott u l-ħaxix kull ġimgħa. Wara li qattajna sitt xhur f’Wagga Wagga, erġajna ġejna mistidnin biex immorru lura f’Betel.
Il-familja taʼ Betel kienet neħħiet kulma kellha mill-uffiċċju taʼ Strathfield f’Mejju taʼ l-1942 u ħadet kollox fi djar privati. Kull ftit ġimgħat kienu jibdlu d-dar sabiex jevitaw li jinkixfu. Meta jien u Lloyd morna lura f’Betel f’Awissu, morna magħhom f’wieħed minn dawk il-postijiet. L-inkarigu tagħna matul il-ġurnata kien li naħdmu f’waħda mill-istamperiji li kienu għamlu taħt l-art. Fl-aħħar, f’Ġunju taʼ l-1943, ix-xogħol tagħna ma baqax projbit.
Nippreparaw għas-Servizz Missjunarju
F’April taʼ l-1947 ngħatajna l-applikazzjonijiet biex nattendu l-Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead), li kienet tinsab f’South Lansing, New York, fl-Istati Uniti taʼ l-Amerika. Sadanittant, ġejna inkarigati biex inżuru l-kongregazzjonijiet fl-Awstralja biex insaħħuhom spiritwalment. Wara ftit xhur irċivejna l-istedina biex nattendu l-11-il klassi taʼ Gilgħad. Kellna tliet ġimgħat biex nieħdu ħsieb nirranġaw kollox u nippakkjaw. Tlaqna lill-familja u ’l ħbiebna f’Diċembru taʼ l-1947 u morna lejn New York maʼ 15 oħra mill-Awstralja li kienu ġew mistidnin għall-istess klassi.
Il-ftit xhur li qattajna fl-Iskola taʼ Gilgħad malajr għaddew, u rċivejna inkarigu missjunarju biex immorru naqdu l-Ġappun. Peress li kien jeħtieġ iż-żmien biex jitlestew id-dokumenti tagħna ħalli mmorru l-Ġappun, Lloyd reġaʼ ġie assenjat bħala indokratur li jivvjaġġa tax-Xhieda taʼ Jehovah. Il-kongregazzjonijiet li ġejna inkarigati nżuru kienu jibdew mill-belt taʼ Los Angeles u jibqgħu sejrin sal-fruntiera tal-Messiku. Ma kellniex karozza, u għalhekk ix-Xhieda bl-imħabba kollha kienu jwassluna minn kongregazzjoni għall-oħra kull ġimgħa. L-inħawi li kien ikopri dak is-circuit kbir issa jagħmlu parti minn tliet distretti Ingliżi u tlieta Spanjoli, u kull distrett huwa magħmul minn madwar għaxar circuits!
Iż-żmien tar, u f’Ottubru taʼ l-1949 aħna u l-missjunarji l-oħrajn konna fi triqitna lejn il-Ġappun fuq vapur li qabel kien jintuża biex iġorr it-truppi. F’tarf mill-vapur qegħdu lill-irġiel u fl-ieħor lin-nisa u t-tfal. Ġurnata biss qabel ma konna se naslu f’Yokohama, sibna maltempata kbira. Mid-dehra, din tajret is-sħab li kien hemm, għax l-għada fil-għodu, il-31 t’Ottubru, meta telgħet ix-xemx stajna naraw il-Muntanja Fuji fil-ġmiel kollu tagħha. X’merħba meraviljuża kienet din għall-inkarigu ġdid tagħna!
Naħdmu mal-Ġappuniżi
Hekk kif ersaqna qrib ix-xatt, rajna mijiet taʼ nies b’xagħarhom iswed. ‘Kemm huma storbjużi dawn in-nies!’ għedna hekk kif smajna koċċ taħbit. Kollha kienu libsin żraben taʼ l-injam li bdew jagħmlu l-ħoss fuq il-mollijiet, li kienu magħmulin mill-injam ukoll. Wara li qattajna l-lejl f’Yokohama, ilkoll kemm aħna qbadna l-ferrovija biex immorru fl-inkarigu missjunarju tagħna ġewwa Kobe. Hemmhekk Don Haslett, ħu li kien magħna fil-klassi fl-iskola taʼ Gilgħad u li kien ġie l-Ġappun ftit xhur qabel, kien kera dar missjunarja. Kienet dar kbira u sabiħa, mibnija fuq stil taʼ l-Amerika taʼ Fuq, u kellha żewġ sulari—imma kienet kompletament vojta!
Sabiex ikollna xi ħaġa fuqiex norqdu bħala saqqu, kulħadd qabad jaqtaʼ l-ħaxix twil mill-ġnien taʼ madwar id-dar u poġġejnieh fl-art. Hekk bdejna l-ħajja missjunarja tagħna, bil-ftit affarijiet li kellna fil-bagalji tagħna. Irnexxielna niksbu xi fuklari tal-faħam, imsejħin hibachi, biex nisħnu u nsajru fuqhom. Lejl minnhom, Lloyd sab lil żewġ missjunarji sħabna, Percy u Ilma Iszlaub, mitlufin minn sensihom. Fetaħ it-twieqi biex tidħol ftit arja friska u kiesħa, u rnexxielu jġibhom lura f’sensihom. Darba minnhom anki jien intlift minn sensija waqt li kont qed insajjar fuq dawn il-fuklari tal-faħam. Ħadna xi ftit taż-żmien biex nidraw ċerti affarijiet!
Li nitgħallmu l-lingwa kien prijorità, u lkoll kemm aħna konna nistudjaw il-Ġappuniż 11-il siegħa kuljum għal xahar sħiħ. Wara dan, bdejna noħorġu fuq il-ministeru b’sentenza jew tnejn miktubin biex inkunu nafu x’għandna ngħidu. Propju fl-ewwel ġurnata li ħriġt, iltqajt maʼ Miyo Takagi, mara dħulija li laqgħetni bil-ħlewwa. Fiż-żjajjar tiegħi, kien ikollna nużaw ħafna d-dizzjunarji mill-Ġappuniż għall-Ingliż biex nikkomunikaw sakemm irnexxielna nistabbilixxu studju tal-Bibbja progressiv. Fl-1999, waqt li konna qed nattendu għad-dedikazzjoni tal-parti l-ġdida tal-faċilitajiet tal-fergħa fil-Ġappun, erġajt rajt lil Miyo, kif ukoll lil diversi aħwa għeżież oħrajn li kont studjajt magħhom. Għaddew ħamsin sena, imma għadhom proklamaturi żelużi tas-Saltna, u qed jagħmlu kulma jistgħu biex jaqdu lil Jehovah.
Fl-1 t’April, 1950, madwar 180 ruħ attendew għaċ-ċelebrazzjoni tal-Mafkar tal-mewt taʼ Kristu li kellna f’Kobe. B’sorpriża għalina, l-għada fil-għodu ġew 35 persuna biex jieħdu sehem fil-ministeru taʼ l-għalqa. Kull missjunarju ħa miegħu fuq is-servizz tlieta jew erbgħa minn dawn l-uħud ġodda. L-inkwilini ma bdewx ikellmu lili, barranija li ftit li xejn kont nifhem minn dak li jgħiduli, imma lil dawk il-Ġappuniżi l-ġodda li kelli miegħi. Damu jgħidu u jgħidu għal ftit ħin mhux ħażin, imma ma stajt nifhem xejn. B’ferħ nistaʼ ngħid li ftit minn dawn l-uħud ġodda komplew jieħdu iktar għarfien u għadhom sejrin fix-xogħol taʼ l-ippridkar sal-lum.
Ħafna Privileġġi u Inkarigi
Jien u żewġi komplejna x-xogħol missjunarju tagħna f’Kobe sa l-1952, meta mbagħad ġejna assenjati f’Tokyo, fejn Lloyd ġie inkarigat li jkun l-indokratur taʼ l-uffiċċju tal-fergħa. Maż-żmien, l-inkarigi tax-xogħol li ngħata ħaduh madwar il-Ġappun kollu u f’pajjiżi oħrajn. Iktar tard, meta darba ġie jżurna f’Tokyo Nathan H. Knorr, li kien mill-kwartieri ġenerali, qalli: “Bilħaqq, taf fejn sejjer żewġek fil-vjaġġ taż-żona li jmiss? L-Awstralja u New Zealand.” Hu żied: “Int ukoll tistaʼ tmur jekk tħallas il-passaġġ tiegħek.” Kemm ħassejtni eċċitata! Fuq kollox, kienu għaddew disaʼ snin minn mindu tlaqna mill-Awstralja.
Minnufih ktibna lill-familji tagħna. Ommi tatni l-flus li kelli bżonn biex inkun nistaʼ nħallas il-biljett. Qabel ma ġiet din l-opportunità, jien u Lloyd dejjem kellna ħafna x’nagħmlu fl-inkarigi tagħna, u ma kellniex il-flus biex immorru nżuru lill-familji tagħna. B’hekk, din kienet it-tweġiba għat-talb tiegħi. Bħalma wieħed jistaʼ jimmaġina, ommi kienet ferħana se ttir li setgħet tarani. Hi qaltli, “Tibżax, issa nfaddal il-flus biex tkunu tistgħu terġgħu tiġu tliet snin oħra.” Tlaqna b’dak il-ħsieb f’moħħna, imma b’sogħba, hi mietet f’Lulju taʼ wara. It-tama tiegħi hi li nerġaʼ ningħaqad magħha fid-dinja l-ġdida—kemm se nkunu ferħanin!
Sa l-1960 ix-xogħol missjunarju kien l-uniku inkarigu li kelli, imma mbagħad irċivejt ittra li fiha kien hemm miktub: “Mil-lum ’il quddiem se jkollok l-inkarigu li tieħu ħsieb il-ħasil u l-mogħdija tal-ħwejjeġ tal-familja kollha taʼ Betel.” Dak iż-żmien, il-familja taʼ Betel kienet magħmula minn madwar 12-il persuna, u għalhekk stajt illaħħaq maʼ dan ix-xogħol kif ukoll maʼ l-inkarigu missjunarju tiegħi.
Fl-1962 waqqgħu d-dar li kellna, li kienet mibnija fuq stil Ġappuniż, u minflokha nbniet Dar Betel ġdida b’sitt sulari li tlestiet is-sena taʼ wara. Ġejt inkarigata biex ngħin lill-ġuvintur ġodda li kienu jiġu f’Betel biex jitgħallmu jżommu l-kmamar tagħhom nodfa u fl-ordni. Skond id-drawwa, il-ġuvintur fil-Ġappun ma kienu jiġu mgħallmin jagħmlu xejn fid-dar tagħhom. L-enfasi kienet fuq li jkollhom edukazzjoni sekulari, u ommijiethom kienu jagħmlulhom kollox huma. Malajr tgħallmu li jien ma kontx se nagħmlilhom kollox bħal ommijiethom. Maż-żmien, ħafna għamlu progress u ngħataw inkarigi ġodda taʼ responsabbiltà fl-organizzazzjoni.
F’jum sajfi li kien verament sħun, ġiet studenta tal-Bibbja żżur il-faċilitajiet tagħna u ratni nogħrok ix-showers. Hi qaltli, “Jekk jogħġbok għid lill-maniġer li nixtieq inħallas seftura biex tiġi u tagħmel dan ix-xogħol minflokok.” Jien spjegajtilha li għalkemm apprezzajt il-ħsieb ġenwin tagħha, kont lesta li nagħmel kwalunkwe xogħol li jagħtuni ġewwa l-organizzazzjoni taʼ Jehovah.
Sadanittant, jien u Lloyd irċivejna l-istedina biex nattendu d-39 klassi taʼ Gilgħad! Xi privileġġ kellna li fl-1964, fl-età taʼ 46 sena, nerġgħu mmorru l-iskola! Il-kors sar b’mod partikulari biex jgħin lil dawk li jaqdu fl-uffiċċji tal-fergħa jieħdu ħsieb ir-responsabbiltajiet tagħhom. Wara l-kors t’għaxar xhur, erġajna ġejna assenjati lura lejn il-Ġappun. S’issa, kien hemm ’il fuq minn 3,000 proklamatur tas-Saltna f’dan il-pajjiż.
L-għadd taʼ Xhieda tant baqaʼ jiżdied bil-ħeffa li sa l-1972 kien hemm ’il fuq minn 14,000 Xhud, u nbena uffiċċju tal-fergħa ġdid b’ħames sulari f’Numazu, fin-nofsinhar taʼ Tokyo. Mill-Betel tagħna, kellna veduta tassew sabiħa tal-Muntanja Fuji. Bdew jiġu stampati ’l fuq minn miljun rivista kull xahar bil-lingwa Ġappuniża permezz tal-magna taʼ l-istampar il-ġdida, li kienet enormi. Imma dalwaqt kienet ġejja bidla għalina.
Fi tmiem l-1974, Lloyd irċieva ittra mill-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Jehovah fi Brooklyn li fiha ġie mistieden jaqdi fil-Ġemgħa li Tiggverna. Għall-ewwel ħsibt: ‘Hawn aħna. Peress li Lloyd għandu t-tama għas-sema u jien għandi t-tama għall-art, illum jew għada xorta jkollna ninfirdu. Forsi Lloyd għandu jmur Brooklyn mingħajri.’ Imma malajr biddilt il-mod kif kont naħsibha, u b’hekk kont lesta li mmur maʼ Lloyd f’Marzu taʼ l-1975.
Barkiet fil-Kwartieri Ġenerali
Anki fi Brooklyn, Lloyd baqaʼ qalbu marbuta mas-servizz fil-Ġappun, u dejjem kien joqgħod jitkellem dwar l-esperjenzi li kellna hemmhekk. Imma issa kien hemm xi opportunitajiet biex nitwessgħu. Lloyd kien ilu 24 sena jintuża fix-xogħol taż-żona, li kien jinvolvi li jivvjaġġa mad-dinja. Jien kemm-il darba vvjaġġajt miegħu fuq dan ix-xogħol.
Li mmur inżur lil ħutna Kristjani f’pajjiżi oħrajn għenni nsir konxja tal-kundizzjonijiet li ħafna minnhom jaħdmu u jgħixu fihom. Qatt ma se ninsa wiċċ Entellia, tifla t’għaxar snin li ltqajt magħha fl-Afrika taʼ fuq. Hi kienet tħobb ħafna l-isem t’Alla u kienet timxi siegħa u nofs biex tmur għal-laqgħat Kristjani u siegħa u nofs lura. Minkejja li kellha persekuzzjoni ħarxa mill-familja tagħha, Entellia kienet iddedikat ħajjitha lil Jehovah. Meta morna nżuru l-kongregazzjoni tagħha, fis-sala kellhom biss tubu wieħed li kien jagħti dawl baxx imdendel fuq in-noti tal-kelliemi—il-bqija tas-sala kienet kompletament fid-dlam. F’dak id-dlam li kien hemm, kien jaqbadni l-bard hekk kif kont nismaʼ l-kant sabiħ taʼ l-aħwa.
L-iktar ħaġa importanti f’ħajjitna ġrat f’Diċembru taʼ l-1998 meta jien u Lloyd konna fost id-delegati tal-Konvenzjonijiet Distrettwali “Il-Mod taʼ Ħajja t’Alla” li saru f’Kuba. Kemm bqajna impressjonati bil-gratitudni u l-ferħ li wrew l-aħwa talli kienu qed iżuruhom l-aħwa mill-kwartieri ġenerali taʼ Brooklyn! Għandi ħafna memorji li tassew ngħożżhom taʼ meta ltqajt maʼ wħud għeżież li qed ifaħħru lil Jehovah b’mod hekk żeluż.
In-Nies t’Alla—Il-Familja Tiegħi
Għalkemm twelidt l-Awstralja, sirt inħobb lin-nies f’kull post li ntbgħatt fih mill-organizzazzjoni taʼ Jehovah. Dan kien minnu fil-Ġappun, u issa li ilni fl-Istati Uniti għal iktar minn 25 sena, inħossni l-istess hawnhekk. Meta tlift lil żewġi, ix-xewqa tiegħi ma kinitx li nerġaʼ mmur l-Awstralja, imma li nibqaʼ fil-Betel taʼ Brooklyn, fejn ġejt assenjata minn Jehovah.
Issa għandi iktar minn 80 sena. Wara 61 sena fil-ministeru full-time, għadni lesta biex naqdi lil Jehovah fejn iridni hu. Hu tassew ħa ħsiebi. Jien ngħożż is-snin li fihom stajt naqsam ħajti maʼ sieħeb għażiż li kien iħobb lil Jehovah, li b’kollox ammontaw għal iktar minn 57 sena. Jien fiduċjuża li Jehovah se jibqaʼ jberikna, u naf li Hu qatt ma se jinsa xogħolna u l-imħabba li wrejna għal ismu.—Lhud 6:10.
[Nota taʼ taħt]
a Ara It-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 t’Ottubru, 1999, paġni 16 u 17.
[Stampa f’paġna 25]
M’ommi fl-1956
[Stampa f’paġna 26]
Maʼ Lloyd u grupp taʼ pubblikaturi Ġappuniżi fil-bidu tas-snin 50
[Stampi f’paġna 26]
Maʼ l-ewwel studenta tal-Bibbja li studjajt magħha fil-Ġappun, Miyo Takagi, fil-bidu tas-snin 50 u fl-1999
[Stampa f’paġna 28]
Maʼ Lloyd waqt ix-xogħol taʼ tqassim tar-rivisti fil-Ġappun