LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 10/1 pp. 24-28
  • Jehovah Jiġbed lil Uħud Umlin lejn il-Verità

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Jehovah Jiġbed lil Uħud Umlin lejn il-Verità
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Niltaqaʼ maʼ Mara Barranija
  • Tliet Ġrajjiet taʼ Niket
  • Miġbuda Lejn il-​Verità
  • Attivitajiet Teokratiċi taʼ Ferħ
  • Impressjonata bil-​Fratellanza Kristjana
  • Servizz Ferrieħi Bħala Koppja
  • Imbierka billi Nara ż-​Żjieda
  • Mill-Qima taʼ l-Imperatur għall-Qima Vera
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Qdejna Flimkien Id f’Id
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Megħjuna biex Negħleb il-Mistħija
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 10/1 pp. 24-28

Bijografija

Jehovah Jiġbed lil Uħud Umlin lejn il-​Verità

KIF RAKKONTATA MINN ASANO KOSHINO

Fl-​1949, ftit snin biss wara tmiem it-​Tieni Gwerra Dinjija, raġel twil u dħuli li kien barrani żar lill-​familja li kont qed naħdem għaliha fil-​Belt taʼ Kobe. Hu kien l-​ewwel missjunarju tax-​Xhieda taʼ Jehovah li qatt ġie l-​Ġappun. Iż-​żjara tiegħu fetħitli t-​triq biex ninġibed lejn il-​verità tal-​Bibbja. Imma l-​ewwel, ħallini ngħidlek ftit dwari.

JIEN twilidt fl-​1926 ġo raħal żgħir fin-​naħa taʼ fuq taʼ Okayama Prefecture. Jien kont il-​ħames waħda minn tmint itfal. Missieri kien devot lejn l-​alla tas-​santwarju lokali tax-​Xintù. Għalhekk, aħna t-​tfal konna nieħdu pjaċir biċ-​ċelebrazzjonijiet u l-​laqgħat familjari fil-​festi reliġjużi matul is-​sena.

Hekk kif bdejt nikber, kelli ħafna mistoqsijiet dwar il-​ħajja, imma kont imħassba l-​iktar dwar il-​mewt. It-​tradizzjoni kienet titlob li n-​nies imutu d-​dar u t-​tfal tagħhom ikunu ħdejn is-​sodda tal-​mewt tal-​membri tal-​familja tagħhom. Ħassejtni mnikkta għall-​aħħar meta mietet in-​nanna tiegħi u meta miet ħija li kellu inqas minn sena. Kont nitkexkex meta naħseb li xi darba se jmutu l-​ġenituri tiegħi. ‘Dan biss hemm lest fil-​ġejjieni? Il-​ħajja ma toffri xejn aħjar?’ Kont vera ħerqana biex insir naf.

Fl-1937, meta kont fis-​sitt grad taʼ l-​iskola elementari, bdiet il-​Gwerra Sino-Ġappuniża. L-​irġiel inqabdu bil-​lieva u ntbagħtu għall-​gwerra fiċ-​Ċina. It-​tfal taʼ l-​iskola sellmu lil missirijiethom u lil ħuthom subien billi bdew jgħajtu “banzai!” (ħajja twila) lill-​imperatur. In-​nies kienu konvinti mir-​rebħa tal-​Ġappun, in-​nazzjon divin, u l-​imperatur tiegħu li għalihom kien alla ħaj.

Il-​familji ma damux wisq qabel ma bdew jirċievu aħbarijiet taʼ mewt minfejn kien qed isir il-​ġlied. In-​niket li ħassew il-​familji minħabba l-​mewt tal-​qraba tagħhom ma setax jitfarraġ. Il-​mibegħda bdiet tikber f’qalbhom, u kienu jifirħu meta l-​għedewwa tagħhom kienu jkorru gravi jew imutu. Imma fl-​istess ħin kont naħseb, ‘In-​nies tan-​naħa taʼ l-​għadu żgur li qed isofru daqs kemm qed insofru aħna meta jmutu l-​maħbubin tagħhom.’ Sakemm spiċċajt l-​iskola elementari, il-​gwerra kienet għadha dejjem tikber fiċ-​Ċina.

Niltaqaʼ maʼ Mara Barranija

Bħala bdiewa, il-​familja tagħna minn dejjem kienet fqira, imma missieri kien iħallini nkompli nistudja sakemm ma kontx innefqu l-​flus. Għalhekk, fl-​1941, dħalt fi skola tal-​bniet fil-​Belt taʼ Okayama, xi 100 kilometru ’l bogħod. L-​iskola kienet bl-​iskop li tipprovdi edukazzjoni għall-​bniet biex isiru nisa u ommijiet tajbin, u kienet tibgħat lill-​istudenti jgħixu maʼ familji sinjuri fil-​belt biex jitgħallmu jieħdu ħsieb id-​dar. Fil-​għodu, l-​istudenti kienu jitgħallmu billi jaħdmu f’dawn id-​djar, u wara nofsinhar kienu jmorru l-​iskola.

Wara li spiċċat iċ-​ċerimonja tal-​ftuħ, l-​għalliema tiegħi, li kienet liebsa kimono, ħaditni ġo dar kbira. Imma għal xi raġuni l-​mara tad-​dar m’aċċettatnix. “Mela tridx immorru d-​dar tas-​Sinjura Koda?” staqsietni l-​għalliema. Hi ħaditni ġo dar li kellha stil bħal dak tal-​Punent u ċemplet il-​qanpiena. Wara xi ħin, mara twila b’xagħarha griż qisu tal-​fidda ħarġet mid-​dar. Bqajt impressjonata! Din il-​mara ma kinitx Ġappuniża, u jien qatt ma kont rajt lil xi ħadd min-​naħa tal-​Punent tad-​dinja. L-​għalliema introduċietni mas-​Sinjura Maud Koda u telqet f’kemm ilna ngħidu. Kollni eċċitata u beżgħana dħalt ġod-​dar, inkaxkar il-​basktijiet tiegħi warajja. Wara sirt naf li s-​Sinjura Koda kienet Amerikana u kienet miżżewġa raġel Ġappuniż li studja fl-​Istati Uniti. Kienet tgħallem l-​Ingliż fi skejjel tal-​kummerċ.

L-għada fil-​għodu stess bdiet ħajja bieżla. Ir-​raġel tas-​Sinjura Koda kien ibati mill-​epilessija, u jien kelli ngħin biex induru bih. Ladarba ma kontx nifhem kelma bl-​Ingliż, bdejt ninkwieta daqsxejn. Veru ħadt ir-​ruħ meta s-​Sinjura Koda kellmitni bil-​Ġappuniż. Kuljum kont nismagħhom jitkellmu maʼ xulxin bl-​Ingliż, u bil-​mod il-​mod widnejja bdew jidraw il-​lingwa. L-​atmosfera sabiħa taʼ ġod-​dar għoġbitni ħafna.

Id-devozzjoni taʼ Maud lejn ir-​raġel marid tagħha impressjonatni. Hu kien iħobb ħafna jaqra l-​Bibbja. Wara sirt naf li huma kienu kisbu kopja tal-​ktieb The Divine Plan of the Ages (Il-Pjan Divin Tul iż-​Żminijiet) bil-​Ġappuniż minn ġo ħanut li jbigħ il-​kotba użati u kienu nkitbu biex jirċievu It-​Torri taʼ l-​Għassa bl-​Ingliż għal xi snin.

Ġurnata minnhom ngħatajt Bibbja bħala rigal. Kont ferħana li għall-​ewwel darba f’ħajti kelli Bibbja persunali. Kont naqraha jien u sejra l-​iskola u fi triqti lura imma ftit li xejn kont nifhem. Billi kont trabbejt bħala Xintù Ġappuniża, xejn ma kont familjari maʼ Ġesù Kristu. Mur għidli li dan kien il-​bidu taʼ dak li kien se jwassalni biex inħaddan il-​verità tal-​Bibbja, li kienet se twiġibli l-​mistoqsijiet tiegħi dwar il-​ħajja u l-​mewt.

Tliet Ġrajjiet taʼ Niket

Is-​sentejn taʼ ħidma f’din id-​dar malajr għaddew, u kelli nagħti l-​aħħar tislima lill-​familja. Wara li spiċċajt l-​iskola, ngħaqadt m’għaqda taʼ ħaddiema volontarji bniet u kont nieħu sehem f’li nagħmel l-​uniformijiet tan-​navy. Bdew l-​attakki għal għarrieda bl-​ajruplani tal-​gwerra Amerikani B-29, u fis-​6 t’Awissu taʼ l-​1945, intefgħet bomba atomika fuq Hiroshima. Ftit ġranet wara rċivejt telegramma, u sirt naf li ommi kienet ma tiflaħx sewwa. Qbadt l-​ewwel ferrovija li kien hemm għad-​dar. X’ħin inżilt mill-​ferrovija, qarib tiegħi ġie jiltaqaʼ miegħi u qalli li ommi kienet ħallietna. Mietet fil-​11 t’Awissu. Dak li tant kont nibżaʼ minnu għal snin sħaħ kien seħħ! Qatt iktar ma kienet se tkellimni jew titbissimli.

Fil-15 t’Awissu, it-​telfa tal-​Ġappun saret realtà. B’hekk kelli niffaċċja tliet ġrajjiet taʼ niket, kollha fi żmien għaxart ijiem: l-​ewwel splużjoni atomika, il-​mewt t’ommi, u t-​telfa storika tal-​Ġappun. Għallinqas kien taʼ faraġ li n-​nies ma kinux se jibqgħu jmutu fil-​gwerra. B’vojt kbir ġo qalbi, ħallejt il-​fabbrika fejn kont naħdem u erġajt lura għall-​kampanja fejn kont trabbejt.

Miġbuda Lejn il-​Verità

Jum wieħed, bla ma kont qed nistenna, irċivejt ittra mingħand Maud Koda f’Okayama. Hi staqsietni jekk nistax immur u ngħinha fil-​faċendi tad-​dar, peress li kienet se tiftaħ skola taʼ l-​Ingliż. Ma kontx naf x’se naqbad nagħmel, imma mbagħad aċċettajt l-​istedina tagħha. Ftit snin wara, mort noqgħod Kobe mal-​familja Koda.

Fil-​bidu tas-​sajf taʼ l-​1949, raġel twil u dħuli ġie jżur lill-​familja Koda. Kien jismu Donald Haslett, u kien ġie minn Tokjo sa Kobe biex ifittex dar għall-​missjunarji ġo Kobe. Hu kien l-​ewwel missjunarju tax-​Xhieda taʼ Jehovah li qatt ġie l-​Ġappun. Id-​dar instabet, u f’Novembru taʼ l-​1949, ġo Kobe waslu diversi missjunarji. Ġurnata waħda, ħamsa minnhom ġew iżuru lill-​familja Koda. Tnejn minnhom, Lloyd Barry u Percy Iszlaub, kellmu bl-​Ingliż lil kulmin kien miġbur fid-​dar għal madwar għaxar minuti kull wieħed. Lil Maud, il-​missjunarji kienu jsejħulha oħt Kristjana u milli jidher Maud kienet inkuraġġita ħafna miż-​żjara tagħhom. Kien biss wara dan li jien ġejt imħajra biex nitgħallem l-​Ingliż.

Bl-għajnuna taʼ missjunarji żelużi, bil-​mod bdejt nifhem il-​veritajiet bażiċi tal-​Bibbja. Sibt it-​tweġibiet għall-​mistoqsijiet li kelli minn mindu kont żgħira. Iva, il-​Bibbja toffri t-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem f’ġenna fuq l-​art u l-​wegħda taʼ l-​irxoxt taʼ “dawk kollha fl-​oqbra.” (Ġwanni 5:​28, 29; Apokalissi 21:​1, 4) Kont grata lejn Jehovah li għamel tama bħal din possibbli permezz tas-​sagrifiċċju bħala fidwa taʼ Ibnu, Ġesù Kristu.

Attivitajiet Teokratiċi taʼ Ferħ

Mit-​30 taʼ Diċembru taʼ l-​1949 sa l-​1 taʼ Jannar taʼ l-​1950, inżammet l-​ewwel assemblea teokratika fil-​Ġappun fid-​dar tal-​missjunarji ġo Kobe. Jien mort maʼ Maud. Din id-​dar kbira qabel kienet taʼ wieħed Nazista u kellha veduta li tħallik bla nifs tal-​baħar qalb il-​blat u tal-​Gżira Awaji. Peress li l-​għarfien li kelli mill-​Bibbja kien limitat, ma fhimtx ħafna minn dak li ntqal. Madankollu, bqajt veru impressjonata bil-​missjunarji, li kienu jitħalltu mingħajr problemi man-​nies Ġappuniżi. B’kollox kien hemm attendenza taʼ 101 persuna għat-​taħdita pubblika f’din l-​assemblea.

Ftit wara dan, iddeċidejt li nibda nieħu sehem fil-​ministeru taʼ l-​għalqa. Ridt ħafna kuraġġ biex immur minn dar għal dar peress li kont persuna mistħija. Għodwa waħda, Ħuna Lloyd Barry ġie d-​dar tagħna biex joħroġni fuq il-​ministeru. Hu beda mill-​ewwel bid-​dar li kienet eżatt ħdejn id-​dar taʼ Oħtna Koda. Tistaʼ tgħid li jien bdejt nistaħba warajh waqt li kont qed nismaʼ l-​preżentazzjoni tiegħu. Meta erġajt ħriġt għat-​tieni darba, ħdimt maʼ żewġ missjunarji oħra. Mara anzjana Ġappuniża stidnitna nidħlu ġewwa, qagħdet tismaʼ, u wara tatna tazza ħalib kull wieħed. Hi aċċettat li tibda studju tal-​Bibbja fid-​dar u maż-​żmien saret Kristjana mgħammda. Kien veru inkuraġġanti li tara l-​progress tagħha.

F’April taʼ l-​1951, Ħuna Nathan H. Knorr, mill-​kwartieri ġenerali taʼ Brooklyn, għamel l-​ewwel żjara tiegħu l-​Ġappun. Xi 700 ruħ ġew għat-​taħdita pubblika tiegħu li ta ġo l-​Awditorju taʼ Kyoritsu f’Kanda, Tokjo. F’din il-​laqgħa speċjali, dawk kollha fl-​attendenza tgħidx kemm ferħu meta ħarġet l-​edizzjoni tat-​Torri taʼ l-​Għassa bil-​Ġappuniż. Ix-​xahar taʼ wara, Ħuna Knorr żar Kobe, u fil-​laqgħa speċjali t’hemmhekk, jien tgħammidt b’simbolu tad-​dedikazzjoni tiegħi lil Jehovah.

Madwar sena wara, ġejt inkuraġġita biex nidħol fil-​ministeru full-time, is-​servizz taʼ pijunier. Dak iż-​żmien kien hemm verament ftit pijunieri fil-​Ġappun, u ma kontx naf kif stajt immantni lili nnifsi. Bdejt naħseb ukoll dwar x’kien se jiġri mill-​prospetti tiegħi għaż-​żwieġ. Imma mbagħad irrealizzajt li l-​fatt li naqdi ’l Jehovah għandu jiġi l-​ewwel fil-​ħajja, u għalhekk bdejt ix-​xogħol taʼ pijunier fl-​1952. B’ferħ, waqt li kont pijuniera stajt naħdem part-time għal Oħtna Koda.

Dik il-​ħabta, ħija, li kont ħsibt li ġie maqtul fil-​gwerra, ġie lura mal-​familja tiegħu minn Tajwan. Il-​familja tiegħi qatt ma wriet interess fil-​Kristjanità, imma b’żelu taʼ pijunier, bdejt nibagħtilhom xi ktejjeb minn tagħna kif ukoll ir-​rivisti. Iktar tard, ħija mar joqgħod Kobe mal-​familja tiegħu minħabba x-​xogħol tiegħu. “Qrajthom ir-​rivisti?” staqsejt lill-​mara taʼ ħija. B’sorpriża hi qaltli, “Veru interessanti dawk ir-​rivisti.” Hi bdiet tistudja l-​Bibbja maʼ waħda mill-​missjunarji, u oħti ż-​żgħira li kienet toqgħod magħhom bdiet tistudja flimkien magħha wkoll. Maż-​żmien, huma t-​tnejn saru Kristjani mgħammdin.

Impressjonata bil-​Fratellanza Kristjana

Ftit wara, kont mgħaġġba għall-​aħħar meta rċivejt stedina biex nattendi t-​22 klassi taʼ l-​Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead). Ħuna Tsutomu Fukase u jien konna l-​ewwel aħwa mill-​Ġappun li ġejna mistidnin l-​iskola. Fl-​1953, qabel ma bdiet il-​klassi, stajna nattendu n-​New World Society Assembly li nżammet ġo Yankee Stadium fi New York. Impressjonajt ruħi bil-​kbir bil-​fratellanza internazzjonali tal-​poplu taʼ Jehovah.

Fil-ħames ġurnata tal-​konvenzjoni, id-​delegati Ġappuniżi, l-​iktar missjunarji, kienu se jilbsu l-​kimoni. Peress li l-​kimono li kont bgħatt bil-​posta minn qabel ma wasalx fil-​ħin, issellift wieħed li kien taʼ Oħtna Knorr. Waqt is-​sessjoni bdiet nieżla x-​xita, u bdejt ninkwieta li l-​kimono kien se jixxarrab. Dak il-​ħin, minn warajja xi ħadd poġġieli raincoat fuqi bil-​ġentilezza. “Taf min hu dak?” staqsiet waħda oħt li kienet bil-​wieqfa ħdejja. Wara sirt naf li kien Ħuna Frederick W. Franz, membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna. Kemm ħassejt l-​imħabba taʼ l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah!

It-22 klassi taʼ l-​Iskola taʼ Gilgħad kienet verament waħda internazzjonali, u kien fiha 120 student minn 37 pajjiż differenti. Għalkemm kien hemm xi ostakli minħabba l-​lingwa, aħna gawdejna kemm flaħna l-​fratellanza internazzjonali. Fi Frar taʼ l-​1954, f’ġurnata meta kienet il-​borra, jien iggradwajt u rċivejt inkarigu lura fil-​Ġappun. Waħda oħt li kienet fil-​klassi miegħi, Inger Brandt, oħt Svediża, kienet se tkun miegħi fl-​inkarigu fil-​Belt taʼ Nagoya. Hemmhekk, ngħaqadna mal-​grupp taʼ missjunarji li kienu ġew evakwati mill-​Korea minħabba l-​gwerra. Il-​ftit snin li qattajt fix-​xogħol missjunarju kienu prezzjużi ħafna għalija.

Servizz Ferrieħi Bħala Koppja

F’Settembru taʼ l-​1957, ġejt mistiedna naqdi fil-​Betel taʼ Tokjo. Dar taʼ l-​injam b’żewġ sulari serviet bħala l-​uffiċċju tal-​fergħa tal-​Ġappun. Fil-​fergħa kien hemm biss erbaʼ membri, fosthom Ħuna Barry, l-​indokratur tal-​fergħa. Il-​kumplament tal-​familja kienu missjunarji. Jien ġejt inkarigata nagħmel it-​traduzzjoni u naqra l-​artikli u nikkoreġihom, kif ukoll innaddaf, naħsel il-​ħwejjeġ, insajjar, u nibqgħu sejrin.

Ix-xogħol fil-​Ġappun beda jikber, u iktar aħwa ġew mistiedna ġo Betel. Wieħed minnhom sar indokratur fil-​kongregazzjoni fejn kont immur jien. Fl-​1966, dak il-​ħu, Junji Koshino u jien iżżewwiġna. Wara li żżewwiġna, Junji ġie inkarigat bix-​xogħol tas-​circuit. Veru konna nieħdu pjaċir niltaqgħu maʼ ħafna aħwa rġiel u nisa hekk kif konna mmorru minn kongregazzjoni għal oħra. Peress li kont inkarigata biex nagħmel xi xogħol tat-​traduzzjoni, dan kont nagħmlu fid-​dar fejn konna noqogħdu għal dik il-​ġimgħa. Meta nivvjaġġaw kellna nġorru magħna dizzjunarji tqal minbarra l-​bagalji u basktijiet oħra.

Aħna gawdejna x-​xogħol tas-​circuit għal iktar minn erbaʼ snin u rajna l-​organizzazzjoni tkompli tikber. Il-​fergħa biddlet postha għal Numazu, u ftit snin wara għal Ebina, fejn qegħdin il-​faċilitajiet tal-​fergħa llum il-​ġurnata. Junji u jien ilna ħafna ngawdu s-​servizz taʼ Betel, u issa qed naħdmu maʼ familja taʼ xi 600 membru. F’Mejju taʼ l-​2002, sħabi taʼ Betel b’qalb tajba ċċelebraw għeluq il-​50 sena tiegħi fis-​servizz full-time.

Imbierka billi Nara ż-​Żjieda

Meta bdejt naqdi lil Jehovah lura fis-​sena 1950, il-​pubblikaturi li kien hemm fil-​Ġappun kont tgħoddhom fuq subgħajk. Illum hemm iktar minn 210,000 pubblikatur tas-​Saltna. Eluf taʼ wħud bħal nagħaġ tassew inġibdu lejn Jehovah, bħalma ġrali jien.

L-​erbaʼ aħwa missjunarji rġiel u l-​oħt li żaruna fid-​dar taʼ Oħtna Koda lura fis-​sena 1949, kif ukoll Oħtna Maud Koda, kollha temmew il-​ħajja tagħhom fedelment. Hekk ukoll ħija, li kien qaddej ministerjali, u l-​mara tiegħu li gawdiet ix-​xogħol taʼ pijunier għal madwar 15-il sena. X’hemm lest fil-​futur għall-​ġenituri tiegħi, li l-​mewt tagħhom beżżgħetni sa minn mindu kont tifla? Il-​wegħda taʼ l-​irxoxt li nsibu fil-​Bibbja tagħtini tama u faraġ.​—Atti 24:15.

Meta nħares lura, inħoss li meta ltqajt maʼ Maud fl-​1941 kien mument li fih ħajti nbidlet. Kieku ma ltqajtx magħha dak iż-​żmien u kieku m’aċċettajtx l-​istedina biex naħdem magħha wara l-​gwerra, probabbilment kont nissetilja fir-​razzett ġo dak ir-​raħal imwarrab u ma kien ikolli l-​ebda kuntatt maʼ dawk il-​missjunarji f’dak iż-​żmien bikri. Kemm jien grata lejn Jehovah li ġibidni lejn il-​verità permezz taʼ Maud u l-​missjunarji tal-​bidu!

[Stampa f’paġna 25]

Maʼ Maud Koda u r-​raġel tagħha. Jien qiegħda quddiem fuq ix-​xellug

[Stampa f’paġna 27]

Mal-​missjunarji mill-​Ġappun f’Yankee Stadium fl-​1953. Jien qiegħda fuq ix-​xellug fit-​tarfnett

[Stampi f’paġna 28]

Ġo Betel mar-​raġel tiegħi, Junji

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja