LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 12/1 pp. 27-31
  • Mill-Qima taʼ l-Imperatur għall-Qima Vera

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Mill-Qima taʼ l-Imperatur għall-Qima Vera
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Influwenzi Reliġjużi Bikrin
  • Is-​Snin tal-​Gwerra
  • Tiżviluppa Tama Ġdida
  • Il-​Ferħ tas-​Servizz taʼ Pijunier
  • Doqt bil-​Quddiem id-​Dinja l-​Ġdida
  • Napprezza l-​Inkarigi Tiegħi
  • Ħafna Raġunijiet għal Ferħ
  • Jehovah Jiġbed lil Uħud Umlin lejn il-Verità
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Megħjuna biex Negħleb il-Mistħija
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Qdejna Flimkien Id f’Id
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Jitħarrġu l-predikaturi tas-Saltna
    Is-Saltna t’Alla qed taħkem!
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 12/1 pp. 27-31

Mill-​Qima taʼ l-​Imperatur għall-​Qima Vera

KIF IRRAKKONTAT MINN ISAMU SUGIURA

Avolja fl-​1945 kien ovvju li l-​Ġappun kien se jitlef it-​Tieni Gwerra Dinjija, aħna konna fiduċjużi li l-​kamikaze (“riħ divin”) kien se jibda jonfoħ u jegħleb lill-​għadu. Il-​Kamikaze jirreferi għall-​maltempati li saru fl-​1274 u fl-​1281 u li għal darbtejn qerdu l-​parti l-​kbira mill-​flotta invadenti tal-​Mongoli ’l barra mill-​kosta Ġappuniża, u b’hekk dawn ġew imġagħlin jirtiraw.

GĦALHEKK, meta fil-​15 t’Awissu, 1945, l-​Imperatur Hirohito ħabbar lin-​nazzjon li l-​Ġappun kien ċeda għall-​Qawwiet Alleati, it-​tamiet taʼ mitt miljun ruħ li kienu devoti lejh, sfaw fix-​xejn. Jien, dak iż-​żmien, kont għadni mmur l-​iskola, u anki t-​tamiet tiegħi kienu sfaw fix-​xejn. ‘Jekk l-​imperatur m’huwiex Alla l-​ħaj, mela min hu?’ bdejt naħseb. ‘Lil min għandi nafda?’

Fil-fatt, iżda, it-​telfa li sofra l-​Ġappun fit-​Tieni Gwerra Dinjija fetħet it-​triq biex jien u eluf taʼ Ġappuniżi oħrajn nitgħallmu dwar il-​veru Alla, Jehovah. Qabel ma nitkellem dwar il-​bidliet li kelli nagħmel, ħalli ngħidilkom kif kienet it-​trobbija reliġjuża tiegħi.

Influwenzi Reliġjużi Bikrin

Twelidt fil-​belt taʼ Nagoya fis-​16 taʼ Ġunju, 1932, l-​iżgħar minn erbaʼ subjien. Missieri kien jaħdem bħala wieħed mill-​periti tal-​belt. Ommi kienet temmen b’mod devot fit-​Tenrikyo, setta tax-​Xintù, u ħija l-​kbir kien irċieva taħriġ reliġjuż biex isir għalliem tat-​Tenrikyo. Jien u ommi konna verament ħaġa waħda, u kienet tiħodni magħha fil-​post tal-​laqgħat għall-​qima.

Ġejt mgħallem inbaxxi rasi u nitlob. Ir-​reliġjon Tenrikyo kienet tgħallem dwar ħallieq jismu Tenri O no Mikoto, kif ukoll dwar għaxar allat taʼ grad inqas. Il-​membri tagħha kienu jipprattikaw il-​fejqan bil-​fidi, u kienu jenfasizzaw li wieħed jaqdi lil oħrajn u li jxerred it-​twemmin tiegħu.

Bħala tifel, kont kurjuż ħafna. Kont nibqaʼ skantat inħares lejn il-​qamar u l-​kwiekeb bla għadd fis-​sema fil-​għaxija, u kont noqgħod naħseb dwar kemm kien mifrux l-​ispazju lil hinn mis-​sema. Kont naffaxxina ruħi nara l-​brunġiel u l-​ħjar li nkun żrajt, jikbru fil-​ġnien żgħir taʼ wara d-​dar. It-​twemmin tiegħi f’Alla ssaħħaħ peress li kont noqgħod nosserva n-​natura.

Is-​Snin tal-​Gwerra

Is-​snin tiegħi fl-​iskola primarja mill-​1939 sa l-​1945 inzertaw l-​istess żmien tal-​perijodu tat-​Tieni Gwerra Dinjija. Il-​qima taʼ l-​Imperatur, parti importanti mix-​Xintù, kienet enfasizzata fl-​edukazzjoni taʼ l-​iskola tagħna. Ġejna mgħallmin ix-​shushin, li kien jinvolvi taħriġ morali b’tendenzi nazzjonalistiċi u militaristiċi. Iċ-​ċerimonji tat-​tlugħ tal-​bandiera, il-​kant taʼ l-​innu nazzjonali, l-​istudju tad-​digrieti fl-​edukazzjoni imperjali, u l-​qima lir-​ritratt taʼ l-​imperatur kienu kollha parti mir-​rutina taʼ l-​iskola tagħna.

Konna mmorru wkoll fis-​santwarju lokali tax-​Xintù biex nitolbu lil Alla għar-​rebħa taʼ l-​armata imperjali. Tnejn minn ħuti kienu qed jaqdu fil-​militar. Minħabba l-​indottrinazzjoni reliġjuża u nazzjonalistika tiegħi, tgħidx kemm kont nifraħ meta kont nismaʼ dwar is-​suċċessi taʼ l-​armata Ġappuniża.

Nagoya kienet ċentru għall-​industrija Ġappuniża taʼ l-​ajruplani, u għalhekk kienet il-​mira prinċipali għall-​attakki qawwijin mill-​Forza taʼ l-​Ajru taʼ l-​Istati Uniti. Matul il-​ġurnata, f’għoli taʼ 9,000 metru, kienu jgħaddu minn fuq il-​belt ajruplani B-29 Superfortress, u jitfgħu mijiet taʼ tunnellati taʼ bombi fuq id-​distrett tal-​fabbriki. Bil-​lejl fid-​dawl tas-​searchlight l-​ajruplani kienu jidhru jittajru fil-​baxx sa għoli taʼ 1,300 metru biss. Attakk wara l-​ieħor mill-​ajru bil-​bombi inċendjarji kkaġunaw infernijiet kbar ħafna taʼ nirien fl-​inħawi abitati. Nagoya biss kellha 54 attakk mill-​ajru matul l-​aħħar disaʼ xhur tal-​gwerra, u dawn irriżultaw f’ħafna tbatijiet u mietu iktar minn 7,700 ruħ.

Sadanittant, kienu bdew il-​bumbardamenti mill-​vapuri tal-​gwerra kontra għaxart ibliet fuq il-​kosta, u n-​nies bdew jitkellmu dwar possibbiltà li qrib Tokyo kienu se jinżlu l-​forzi taʼ l-​Istati Uniti. Nisa u tfal subjien kienu qed jiġu mħarrġin biex jiġġieldu bil-​lanez tal-​bambù ħalli jipproteġu lill-​pajjiż. L-​għajta tagħna kienet “Ichioku Sougyokusai,” jiġifieri “Aħjar imutu 100 miljun milli nċedu.”

Fis-7 t’Awissu, 1945, titlu ewlieni f’gazzetta rrapporta: “Bomba t’Għamla Ġdida Twaddbet Fuq Hiroshima.” Jumejn wara, twaddbet oħra fuq Nagasaki. Dawn kienu bombi atomiċi, u iktar tard sirna nafu li b’kollox kienu nqatlu iktar minn 300,000 ruħ. Imbagħad, fil-​15 t’Awissu, fi tmiem il-​marċ taʼ taħriġ tas-​suldati bl-​ixkubetti taʼ l-​injam, smajna d-​diskors taʼ l-​imperatur fejn ħabbar li l-​Ġappun kien ċeda. Konna ġejna konvinti li se nirbħu, imma issa konna xxokkjati!

Tiżviluppa Tama Ġdida

Hekk kif it-​truppi Amerikani bdew jokkupaw il-​pajjiż, bil-​mod il-​mod bdejna naċċettaw il-​fatt li l-​Istati Uniti kienet rebħet il-​gwerra. Fil-​Ġappun ġiet introdotta d-​demokrazija, kif ukoll kostituzzjoni ġdida li ggarantiet il-​libertà tal-​qima. Il-​ħajja kienet iebsa, kien hemm nuqqas taʼ ikel, u fl-​1946 missieri miet kaġun taʼ malnutriment.

Sadanittant, fl-​iskola li kont nattendi jien bdew jgħallmuna l-​Ingliż, u l-​istazzjon tar-​radju NHK beda jxandar programm taʼ konversazzjoni bl-​Ingliż. Domt ħames snin sħaħ nismaʼ kuljum dan il-​programm popolari bil-​ktieb f’idejja. Dan ġagħalni noħlom li xi darba għad immur l-​Istati Uniti. Minħabba d-​diżappunt li kelli fir-​reliġjon Xintù u dik Buddista, bdejt naħseb li forsi l-​verità dwar Alla għandha mnejn tinsab fir-​reliġjonijiet tal-​Punent.

Kmieni f’April taʼ l-​1951, iltqajt maʼ Grace Gregory, missjunarja tal-​Watch Tower Society. Kienet bil-​wieqfa quddiem l-​istazzjon tal-​ferrovija taʼ Nagoya toffri kopja taʼ It-​Torri taʼ l-​Għassa bl-​Ingliż u ktejjeb bil-​Ġappuniż fuq suġġett Bibliku. L-​umiltà tagħha f’li tagħmel xogħol bħal dan impressjonatni. Ksibt iż-​żewġ pubblikazzjonijiet u mill-​ewwel aċċettajt l-​offerta tagħha taʼ studju tal-​Bibbja. Jien wegħedtha li mmur id-​dar tagħha għal studju tal-​Bibbja xi ftit tal-​jiem wara.

Hekk kif sibt posti fuq il-​ferrovija u bdejt naqra It-​Torri taʼ l-​Għassa, fl-​ewwel artiklu, l-​ewwel kelma, “Jehovah,” ġibditli l-​attenzjoni. Qatt qabel ma kont rajt dak l-​isem. Ma stennejtx li se nsibu fid-​dizzjunarju żgħir mill-​Ingliż għal Ġappuniż li kelli miegħi, imma hemm kien! “Jehovah . . . , l-​Alla tal-​Bibbja.” Issa kont qed nibda nsir naf dwar dak Alla tal-​Kristjanità!

F’dik l-​ewwel żjara fid-​dar missjunarja, sirt naf dwar diskors fuq il-​Bibbja li kellu jingħata ftit ġimgħat wara minn Nathan H. Knorr, li dak iż-​żmien kien il-​president tal-​Watch Tower Bible and Tract Society. Hu kien qed iżur il-​Ġappun mas-​segretarju tiegħu, Milton Henschel, u kien se jżur Nagoya. Għalkemm l-​għarfien tiegħi tal-​Bibbja kien limitat, ħadt pjaċir ħafna bit-​taħdita, kif ukoll bis-​sħubija mal-​missjunarji u oħrajn li kienu hemm.

Wara madwar xahrejn li kont ili nistudja maʼ Grace tgħallimt il-​veritajiet bażiċi dwar Jehovah, Ġesù Kristu, ir-​rahan, Satana x-​Xitan, Armageddon, u l-​Ġenna taʼ l-​art. L-​aħbar tajba tas-​Saltna kienet eżatt it-​tip taʼ messaġġ li kont tant ili nfittex. Malli bdejt nistudja, bdejt ukoll nattendi għal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. Veru kont nieħu pjaċir bl-​atmosfera taʼ ħbiberija f’dawn il-​laqgħat, fejn il-​missjunarji kienu jissieħbu liberament mal-​Ġappuniżi u jpoġġu bil-​qiegħda magħna fuq it-​tatami (tapiti minsuġin bit-​tiben).

F’Ottubru taʼ l-​1951, saret l-​ewwel assemblea tas-​circuit fil-​Ġappun ġewwa n-​Nakanoshima Public Hall fil-​belt taʼ Osaka. Kien hemm inqas minn 300 Xhud b’kollox fil-​Ġappun; madankollu, madwar 300 ruħ attendew għal din l-​assemblea, inkluż kważi 50 missjunarju. Saħansitra jien kelli parti żgħira fil-​programm. Dak li rajt u smajt tant impressjonani li f’qalbi ddeċidejt li naqdi lil Jehovah tul ħajti kollha. L-​għada, tgħammidt f’pixxina pubblika b’ilma fietel li kienet fil-​viċin.

Il-​Ferħ tas-​Servizz taʼ Pijunier

Ridt insir pijunier, kif jissejħu l-​ministri full-time tax-​Xhieda taʼ Jehovah, imma fl-​istess ħin ħassejt l-​obbligu li nkompli ngħin lill-​familja tiegħi. Meta rnexxieli nagħmel kuraġġ biex ngħid lill-​imgħallem dwar ix-​xewqa tiegħi, bqajt skantat kif smajtu jgħidli: “Jien lest li nikkoopera miegħek jekk dan hu li tixtieq qalbek.” Stajt naħdem jumejn fil-​ġimgħa biss u b’hekk xorta stajt ngħin lil ommi fl-​ispejjeż tad-​dar. Tassew ħassejtni bħal għasfur li ħelsuh minn ġo gaġġa.

Hekk kif il-​kundizzjonijiet baqgħu sejrin għall-​aħjar, jien bdejt ix-​xogħol taʼ pijunier fl-​1 t’Awissu, 1954, f’territorju wara l-​istazzjon taʼ Nagoya, ftit minuti mixi mill-​post fejn kont iltqajt maʼ Grace l-​ewwel darba. Ftit tax-​xhur wara, irċevejt inkarigu biex naqdi bħala pijunier speċjali f’Beppu, belt fi Kyushu, il-​gżira tal-​punent. Tsutomu Miura ġie inkarigat biex ikun pijunier miegħi.a Dak iż-​żmien, ma kien hemm ebda kongregazzjoni tax-​Xhieda taʼ Jehovah fil-​gżira kollha, imma issa hemm mijiet, imqassmin fi 22 circuit!

Doqt bil-​Quddiem id-​Dinja l-​Ġdida

Meta Ħuna Knorr reġaʼ żar il-​Ġappun f’April taʼ l-​1956, staqsieni biex naqra b’vuċi għolja xi ftit paragrafi minn Torri taʼ l-​Għassa bl-​Ingliż. Ma qallix għalfejn, imma ftit xhur wara, irċevejt ittra fejn ġejt mistieden biex nattendi d-​29 klassi taʼ l-​iskola tal-​missjunarji taʼ Gilgħad. Għalhekk, f’Novembru taʼ dik is-​sena, bdejt vjaġġ eċċitanti lejn l-​Istati Uniti li wettaqli l-​ħolma li tant kien ili noħlomha. Il-​fatt li kont ngħix u naħdem għal ftit xhur mal-​familja kbira taʼ Betel fi Brooklyn saħħaħ il-​fidi tiegħi fl-​organizzazzjoni viżibbli taʼ Jehovah.

Fi Frar taʼ l-​1957, Ħuna Knorr wassal tlieta minna l-​istudenti bil-​karozza fil-​kampus taʼ l-​Iskola taʼ Gilgħad f’South Lansing, fin-​naħa taʼ fuq taʼ l-​istat taʼ New York. Il-​ħames xhur taʼ wara, fl-​Iskola taʼ Gilgħad, waqt li kont qed nirċievi istruzzjoni mill-​Kelma t’Alla u ngħix f’atmosfera sabiħa maʼ studenti sħabi, jien doqt bil-​quddiem il-​ġenna taʼ l-​art. Jien kont fost l-​10 studenti minn 103, li ngħatajna l-​inkarigu biex naqdu fil-​Ġappun.

Napprezza l-​Inkarigi Tiegħi

Meta f’Ottubru taʼ l-​1957 irritornajt lejn il-​Ġappun, kien hemm madwar 860 Xhud. Jien ġejt assenjat ix-​xogħol taʼ l-​ivvjaġġar bħala indokratur tas-​circuit, imma l-​ewwel ngħatajt ftit ġranet taʼ taħriġ għal dan ix-​xogħol minn Adrian Thompson f’Nagoya. Is-​circuit tiegħi kien ikopri minn Shimizu, qrib il-​Muntanja Fuji, sal-​Gżira Shikoku u inkluda bliet kbar bħal Kyoto, Osaka, Kobe, u Hiroshima.

Fis-sena 1961, ġejt inkarigat biex inkun indokratur tad-​distrett. Dan kien jinvolvi li nivvjaġġa mill-​gżira kollha silġ taʼ Hokkaido fit-​Tramuntana sal-​gżira sub-tropikali taʼ Okinawa u saħansitra iktar ’il bogħod sal-​gżejjer Ishigaki qrib Tajwan, distanza taʼ madwar 3,000 kilometru.

Imbagħad, fl-​1963, ġejt mistieden għal kors t’għaxar xhur fl-​Iskola taʼ Gilgħad fil-​Betel taʼ Brooklyn. Matul il-​kors, Ħuna Knorr enfasizza l-​importanza li jkollna attitudni xierqa lejn l-​inkarigi taʼ xogħol. Hu qal li t-​tindif tat-​tojlits kien inkarigu importanti daqs ix-​xogħol f’uffiċċju. Jekk it-​tojlits ma jkunux nodfa, qal, kemm il-​familja kollha taʼ Betel u kemm ix-​xogħol tagħhom jiġu effettwati. Iktar tard, parti mix-​xogħol tiegħi ġewwa Betel fil-​Ġappun kien li nnaddaf it-​tojlits, u ftakart f’dak il-​parir.

Wara li rritornajt lejn il-​Ġappun, erġajt ġejt assenjat ix-​xogħol taʼ l-​ivvjaġġar. Ftit tas-​snin wara, fl-​1966, iżżewwiġt lil Junko Iwasaki, pijuniera speċjali li kienet taqdi fil-​belt taʼ Matsue. Lloyd Barry, li dak iż-​żmien kien l-​indokratur tal-​fergħa fil-​Ġappun, għamlilna taħdita taż-​żwieġ verament sabiħa. Imbagħad, Junko ngħaqdet miegħi fix-​xogħol taʼ l-​ivvjaġġar.

L-inkarigi tagħna nbidlu fl-​1968 meta talbuni mmur fl-​uffiċċju tal-​fergħa f’Tokyo biex nagħmel xogħol taʼ traduzzjoni. Minħabba n-​nuqqas t’akkomodazzjoni, kont nivvjaġġa kuljum minn Sumida Ward, f’Tokyo, u Junko kienet taqdi bħala pijuniera speċjali fil-​kongregazzjoni lokali. Sadanittant, kien hemm bżonn taʼ faċilitajiet tal-​fergħa akbar. Għalhekk fl-​1970, inxtrat propjetà f’Numazu, mhux ’il bogħod mill-​Muntanja Fuji. Hemmhekk, inbniet fabbrika bi tliet sulari u bini residenzjali. Qabel ma nbeda l-​bini, diversi djar f’din il-​propjetà kienu jintużaw għall-​Iskola tal-​Ministeru tas-​Saltna, li kienet tipprovdi taħriġ għall-​indokraturi tal-​kongregazzjoni. Kelli l-​privileġġ li ngħallem f’din l-​iskola, u Junko kienet tipprepara l-​ikel għall-​istudenti. Kien verament kommoventi li tara mijiet taʼ rġiel Kristjani jingħataw taħriġ speċjali għall-​ministeru.

Darba wara nofsinhar, irċevejt telegramma urġenti. Ommi ddaħħlet l-​isptar u kienet qed tmut. Qbadt ferrovija taʼ veloċità kbira għal Nagoya u ġrejt lejn l-​isptar. Kienet mitlufa minn sensiha, imma qattajt il-​lejl kollu ħdejn is-​sodda tagħha. Ommi mietet kmieni fil-​għodu. Fi triqti lura lejn Numazu, qabiżli d-​dmugħ minn għajnejja meta bdejt niftakar fiż-​żminijiet ibsin li kienet għaddiet minnhom f’ħajjitha u l-​affezzjoni li kellha lejja. Jekk inhi r-​rieda taʼ Jehovah, nerġaʼ naraha fl-​irxoxt.

Il-bini f’Numazu malajr sar żgħir għalina. Għalhekk, inxtrat biċċa art kbira taʼ 64.8 tomna rabaʼ fil-​Belt taʼ Ebina, u fl-​1978 inbdiet il-​kostruzzjoni taʼ fergħa ġdida. Issa l-​ispazju kollu disponibbli f’din il-​propjetà jikkonsisti f’fabbrika u bini residenzjali, kif ukoll Sala taʼ l-​Assembleat li tesaʼ iktar minn 2,800 ruħ. L-​aħħar żjieda, li tikkonsisti f’żewġ blokki residenzjali taʼ 13-il sular il-​wieħed, u bini b’5 sulari għall-​ipparkjar u s-​servis, tlestiet kmieni din is-​sena. Fil-​familja tagħna taʼ Betel issa hemm madwar 530 persuna, imma biż-​żjieda li saret fil-​bini se nkunu nistgħu nakkomodaw madwar 900 ruħ.

Ħafna Raġunijiet għal Ferħ

Kienet xi ħaġa taʼ l-​għaġeb li nara l-​profezija tal-​Bibbja titwettaq, iva, li nara “l-​iċken isir ġens qawwi.” (Isaija 60:22) Niftakar meta lura fl-​1951, wieħed minn ħuti staqsieni, “Kemm hemm Xhieda fil-​Ġappun?”

“Madwar 260,” weġibtu.

“Dak kollox?” staqsieni b’ton taʼ tmaqdir.

Niftakarni naħseb, ‘Iż-​żmien jagħtina parir dwar kemm Jehovah se jdawwar nies lejn il-​qima tiegħu f’dan il-​pajjiż Xintù u Buddist.’ U Jehovah tahielna t-​tweġiba! Illum, m’hemmx iktar territorji mhux assenjati għall-​ippridkar fil-​Ġappun, u l-​għadd t’adoraturi veri żdied għal iktar minn 222,000 fi 3,800 kongregazzjoni!

L-aħħar 44 sena taʼ ħajti fil-​ministeru full-time​—32 minnhom mal-​maħbuba marti—​kienu verament ferħanin. Għal 25 sena minnhom, qdejt fid-​Dipartiment tat-​Traduzzjoni f’Betel. F’Settembru taʼ l-​1979, ġejt mistieden ukoll biex inkun membru tal-​kumitat tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Jehovah fil-​Ġappun.

Kien privileġġ u barka li jkolli sehem żgħir f’li ngħin lil nies sinċieri li jħobbu l-​paċi jiġu lejn il-​qima taʼ Jehovah. Ħafna kienu dawk li għamlu preċiż bħalma għamilt jien​—bidlu milli jagħtu devozzjoni lill-​imperatur għal li jqimu l-​uniku veru Alla, Jehovah. Hija x-​xewqa sinċiera tiegħi li ngħin ħafna iktar biex jiġu lejn in-​naħa rebbieħa taʼ Jehovah u jiksbu ħajja bla tmiem fid-​dinja l-​ġdida taʼ paċi.—Apokalissi 22:17.

[Nota taʼ taħt]

a Missieru kien Xhud leali li salva mill-​bomba-atomika li splodiet f’Hiroshima fl-​1945 waqt li kien f’ħabs Ġappuniż. Ara l-​Awake! tat-​8 t’Ottubru, 1994, paġni 11-15.

[Stampa f’paġna 29]

L-​edukazzjoni fl-​iskola kienet tiċċentra fuq il-​qima taʼ l-​imperaturs

[Sors]

The Mainichi Newspaper

[Stampa f’paġna 29]

Fi New York maʼ Ħuna Franz

[Stampa f’paġna 29]

Maʼ marti, Junko

[Stampa f’paġna 31]

Waqt li qed naħdem fid-​Dipartiment tat-​Traduzzjoni

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja