LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 6/1 pp. 4-7
  • Għoti li Jogħġob lil Alla

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għoti li Jogħġob lil Alla
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Agħtu Għotjiet taʼ Ħniena
  • Il-​Motiv Xieraq Huwa Vitali
  • Xi Ngħidu dwar Għajnuna fuq Skala Kbira?
  • Għoti li Jagħmel l-​Iktar Ġid
  • Segwi l-Eżempju taʼ Ġesù u Ħu Interess fil-Foqra
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Ikkultiva Spirtu Ġeneruż
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Int Tistaʼ Tkun Ferħan Meta Tagħmel l-Aħjar Tiegħek għal Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Dinja Mingħajr Faqar fil-Qrib
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 6/1 pp. 4-7

Għoti li Jogħġob lil Alla

ĠESÙ u d-​dixxipli tiegħu kienu qed jieħdu pjaċir jieklu ikla tajba f’Betanja maʼ ftit ħbieb tal-​qalb, inkluż Marija, Marta, u Lazzru li ma kienx ilu li ġie rxoxtat. X’ħin Marija ħadet 0.3 kg żejt li kellu valur għoli u dilket saqajn Ġesù, Ġuda l-​Iskarjota rrabja u pprotesta billi qal: “Din il-​fwieħa għax ma nbigħetx tliet mitt dinar [daqs sena paga] biex jingħataw lill-​foqra?” Oħrajn malajr bdew iqajmu l-​istess ilmenti.—Ġwann 12:1-6; Mark 14:3-5.

Madankollu, Ġesù wieġeb: “Ħalluha . . . Il-​foqra ssibuhom dejjem magħkom, u tistgħu tgħinuhom kull meta tridu. Imma lili mhux dejjem se ssibuni magħkom.” (Mark 14:6-9) Il-​mexxejja reliġjużi Lhud għallmu li d-​donazzjonijiet għall-​karità mhux biss kienu taʼ min ifaħħarhom imma anki setgħu jpattu għad-​dnubiet. Mill-​banda l-​oħra, Ġesù għamilha ċara li l-​għoti li jogħġob lil Alla m’huwiex biss li tagħti għotjiet taʼ karità lill-​foqra.

Ħarsa lejn il-​mod kif kienu jsiru l-​għotjiet fil-​kongregazzjoni Kristjana tal-​bidu se tgħinna naraw xi modi prattiċi kif aħna nistgħu nuru t-​tħassib tagħna u b’hekk nogħġbu lil Alla permezz taʼ l-​għotjiet tagħna. Se jiġi identifikat ukoll mod uniku taʼ għoti li jagħmel l-​iktar ġid.

Agħtu Għotjiet taʼ Ħniena

F’diversi okkażjonijiet Ġesù ħeġġeġ lid-​dixxipli tiegħu biex jagħtu “għotjiet taʼ ħniena,” (NW) jew ‘jagħtu karità.’ (Luqa 12:33) Madankollu, Ġesù wissa biex min jagħti xi donazzjoni ma joqgħodx jiftaħar sempliċement biex jieħu l-​glorja hu minflok Alla. Hu qal: “Meta tagħmel karità, tmurx iddoqq it-​trombi quddiemek, kif jagħmlu dawk taʼ wiċċ b’ieħor fis-​sinagogi u fit-​triqat, biex in-​nies tfaħħarhom.” (Mattew 6:1-4) Il-​Kristjani tal-​bidu applikaw dan il-​parir u evitaw li joqogħdu jiffanfraw, kif kienu jagħmlu l-​mexxejja reliġjużi taʼ żmienhom li riduha taʼ qaddisin, u minflok għażlu li jgħinu lil dawk fil-​bżonn billi taw għajnuna persunali jew billi taw għotjiet fil-​privat.

Per eżempju, f’Luqa 8:1-3 nsibu li Marija taʼ Magdala, Ġwanna, Susanna, u oħrajn użaw “ġidhom” biex bl-​umiltà jaqdu lil Kristu u lill-​appostli tiegħu. Għalkemm dawn l-​irġiel ma kinux foqra għalkollox, huma kienu abbandunaw il-​mezz t’għajxien tagħhom biex jiffokaw l-​enerġija tagħhom biss fuq il-​ministeru. (Mattew 4:18-22; Luqa 5:27, 28) Billi għenuhom biex iwettqu l-​inkarigu tagħhom, dawn in-​nisa, fil-​fatt, kienu qed jigglorifikaw lil Alla. U Alla wera l-​apprezzament tiegħu billi ppreserva r-​rakkont tal-​ġenerożità mimlija ħniena tagħhom fil-​Bibbja ħalli l-​ġenerazzjonijiet futuri kollha jistgħu jaqraw dwarha.—Proverbji 19:17; Lhud 6:10.

Tabita kienet mara oħra li wriet qalb tajba u għamlet “ħafna opri taʼ karità u għemejjel tajba.” Hi ħietet il-​ħwejjeġ għar-​romol fil-​bżonn, li bħalha kienu jgħixu fil-​belt taʼ Ġaffa li tinsab ħdejn il-​baħar. Jekk ħallsitx kollox minn butha jew sempliċement ħititilhomx il-​ħwejjeġ mingħajr ħlas ma nafux. Madankollu, minħabba x-​xogħol tajjeb tagħha saret għażiża għal kulmin setgħet tgħin, kif ukoll għal Alla, li bil-​ħniena bierek il-​qalb tajba tagħha.—Atti 9:36-41.

Il-​Motiv Xieraq Huwa Vitali

X’qanqal lil dawn l-​individwi biex jagħtu? Żgur li ma kinitx xi ħaġa tal-​mument għax xi ħadd talabhom bil-​ħniena għall-​għajnuna. Huma personalment ħassew ir-​responsabbiltà morali li jagħmlu kulma jistgħu kuljum biex jgħinu lil dawk li kienu qed jesperjenzaw faqar, tbatijiet jew diffikultajiet oħra. (Proverbji 3:27, 28; Ġakbu 2:15, 16) Dan hu t-​tip taʼ għoti li jogħġob lil Alla. Huwa mqanqal primarjament minn imħabba intensa għal Alla u xewqa biex nimitaw il-​personalità ħanina u ġeneruża tiegħu.—Mattew 5:44, 45; Ġakbu 1:17.

L-appostlu Ġwanni enfasizza dan l-​aspett vitali taʼ għoti meta staqsa: “Mela jekk wieħed għandu biex jgħix fid-​dinja u jara ’l ħuh fil-​bżonn u jagħlaq qalbu għalih, kif tistaʼ l-​imħabba taʼ Alla tgħammar fih?” (1 Ġwann 3:17) It-​tweġiba hija ovvja. L-​imħabba għal Alla tqanqal in-​nies biex jagħmlu karità. Alla japprezza u jippremja lil dawk li, bħalu, juru spirtu taʼ ġenerożità. (Proverbji 22:9; 2 Korintin 9:6-11) Għadna llum naraw dan it-​tip taʼ ġenerożità? Ikkunsidra x’ġara dan l-​aħħar f’waħda mill-​kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah.

Id-​dar taʼ mara anzjana Kristjana kellha bżonn taʼ xi tiswijiet mhux ħażin. Kienet tgħix waħedha u ma kellhiex familja biex tgħinha. Matul is-​snin, id-​dar tagħha dejjem kienet miftuħa biex jinżammu laqgħat Kristjani fiha, u spiss kienet tistieden lil xi ħadd għall-​ikel. (Atti 16:14, 15, 40) Meta raw il-​bżonn tagħha, membri tal-​kongregazzjoni nġabru biex jagħtu l-​għajnuna. Xi wħud ikkontribwew il-​flus, oħrajn ix-​xogħol tagħhom. Fil-​ftit Sibtijiet u Ħdud li ħadmu, dawn il-​volontieri għamlulha saqaf ġdid, kamra tal-​banju ġdida, ksew bil-​ġibs u żebgħu l-​ewwel sular kollu, u għamlulha bank tal-​kċina ġdid. L-​għoti tagħhom mhux biss laħaq l-​iskop li tiġi megħjuna dik il-​mara imma wkoll għaqqad iktar lill-​kongregazzjoni. Barra minn hekk, il-​ġirien baqgħu mbellhin bl-​eżempju mill-​aqwa taʼ għoti Kristjan.

Hemm ħafna modi kif aħna personalment nistgħu ngħinu lil oħrajn. Nistgħu aħna nqattgħu ħin maʼ tifel jew tifla bla missier? Nistgħu mmorru nixtru x-​xirja jew inħitu xi ħaġa għal xi armla li nafuha? Nistgħu nsajru ikla jew ngħinu fl-​ispejjeż taʼ xi ħadd li qed ibati finanzjarjament? M’hemmx għalfejn inkunu għonja biex ngħinu. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Jekk il-​qalb tkun hemm, dak li jkun jingħoġob skond ma għandu, u mhux skond li ma għandux.” (2 Korintin 8:12) Iżda, huwa dan l-​għoti persunali u dirett l-​uniku tip taʼ għoti li Alla se jbierek? Le.

Xi Ngħidu dwar Għajnuna fuq Skala Kbira?

Kultant sforzi persunali m’humiex biżżejjed. Fil-​fatt, Ġesù u l-​appostli tiegħu waqqfu fond komuni biex jgħinu lill-​foqra, u aċċettaw kontribuzzjonijiet mingħand uħud taʼ qalbhom tajba li ltaqgħu magħhom fl-​ippridkar. (Ġwann 12:6; 13:29) Bl-​istess mod, il-​kongregazzjonijiet taʼ l-​ewwel seklu kienu jagħmlu ġabra meta kien ikun hemm bżonn u jorganizzaw għajnuna fuq skala akbar.—Atti 2:44, 45; 6:1-3; 1 Timotju 5:9, 10.

Kien hemm okkażjoni bħal dinmadwar is-​sena 55 E.K. Il-​kongregazzjonijiet fil-​Lhudija kienu ftaqru, forsi bħala riżultat tal-​ġuħ kbir li kien waqaʼ reċentement. (Atti 11:27-30) L-​appostlu Pawlu, li kien dejjem konċernat dwar il-​foqra, talab l-​għajnuna tal-​kongregazzjonijiet saħansitra dawk ’il bogħod bħall-​Maċedonja. Hu personalment organizza ġabra u uża rġiel approvati biex jiħduha. (1 Korintin 16:1-4; Galatin 2:10) La hu u lanqas ħadd minn dawk involuti ma ħa ħlas għas-​servizz tiegħu.—2 Korintin 8:20, 21.

Ix-​Xhieda taʼ Jehovah illum ukoll huma minn taʼ quddiem biex jgħinu meta jkun hemm xi diżastru. Per eżempju, matul is-​sajf tas-​sena 2001 xita bil-​qliel ikkaġunat għargħar kbir fi Houston, Texas, l-​Istati Uniti. B’kollox, 723 dar tax-​Xhieda taʼ Jehovah ġarrbu xi tip taʼ ħsara, u f’ħafna minnhom il-​ħsara kienet kbira mhux ħażin. Immedjatament, twaqqaf kumitat għall-​għajnuna magħmul minn anzjani Kristjani kwalifikati biex jaraw il-​bżonnijiet individwali u jqassmu l-​flus li kienu nġabru biex jgħinu lix-​Xhieda lokali jkampaw mas-​sitwazzjoni u jagħmlu t-​tiswijiet meħtieġa lid-​djar tagħhom. Volontieri ġew bi ħġarhom minn kongregazzjonijiet tal-​viċin u għamlu x-​xogħol kollu. Waħda mix-​Xhieda tant apprezzat din l-​għajnuna, li meta rċiviet il-​flus mingħand il-​kumpanija taʼ l-​assigurazzjoni għat-​tiswijiet tad-​dar tagħha, hi mill-​ewwel tat il-​flus biex jintużaw mill-​fond speċjali għall-​għajnuna sabiex ikunu jistgħu jgħinu lil oħrajn fil-​bżonn.

Imma nagħmlu tajjeb li nqisu sew il-​ħafna appelli li jsirulna mill-​għaqdiet tal-​karità. Xi għaqdiet tal-​karità għandhom ħafna spejjeż biex jorganizzaw u jiġbru l-​fondi, u wara li dawn jitnaqqsu kollha ftit biss jibqgħalhom mis-​somma li suppost tkun inġabret għall-​karità. Proverbji 14:15 jgħid: “Min hu nieqes minn moħħu jemmen kollox, min moħħu jilħaqlu jara sewwa qabel jemmen.” Għalhekk huwa għaqli li teżamina l-​fatti sewwa.

Għoti li Jagħmel l-​Iktar Ġid

Hemm tip taʼ għoti li huwa saħansitra iktar importanti mill-​karità. Ġesù rrefera għalih meta mexxej żagħżugħ u għani staqsa x’kellu jagħmel biex jikseb il-​ħajja taʼ dejjem. Ġesù qalu: “Mur, bigħ il-​ġid li għandek, agħtih lill-​foqra, u jkollok teżor fis-​sema; mbagħad ejja u imxi warajja.” (Mattew 19:16-22) Innota li Ġesù mhux biss qal, ‘Agħti lill-​foqra.’ Minflok hu żied, “Ejja u imxi warajja.” Fi kliem ieħor, għalkemm l-​atti taʼ karità huma taʼ min ifaħħarhom u taʼ benefiċċju, li tkun dixxiplu Kristjan jinvolvi iktar minn hekk.

L-interess ewlieni taʼ Ġesù kien li jgħin lil oħrajn spiritwalment. Ftit qabel mewtu, hu qal lil Pilatu: “Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-​dinja, biex nixhed għall-​verità.” (Ġwann 18:37) Waqt li kien minn taʼ quddiem biex jgħin lill-​fqar, ifejjaq il-​morda, u jitmaʼ lil dawk bil-​ġuħ, Ġesù primarjament ħarreġ lid-​dixxipli tiegħu għall-​ippridkar. (Mattew 10:7, 8) Fil-​fatt, maʼ l-​aħħar istruzzjonijiet li tahom kien hemm il-​kmand: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-​ġnus kollha.”—Mattew 28:19, 20.

M’għandniex xi ngħidu, l-​ippridkar mhux se jsolvi l-​problemi tad-​dinja kollha. Madankollu, il-​fatt li naqsmu l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla maʼ kull tip taʼ bnedmin jigglorifika lil Alla għax l-​ippridkar iwettaq ir-​rieda t’Alla u jiftaħ it-​triq biex dawk li jaċċettaw il-​messaġġ divin jistaʼ jkollhom benefiċċji dejjiema. (Ġwann 17:3; 1 Timotju 2:3, 4) Għala ma tismax dak li għandhom x’jgħidu x-​Xhieda taʼ Jehovah meta jerġgħu jiġu jħabbtulek il-​bieb? Huma jiġu b’għotja spiritwali. U jafu li dan hu l-​aqwa mod taʼ kif huma jistgħu jagħtuk għotja.

[Stampi f’paġna 6]

Hemm ħafna modi kif nistgħu nuru li jimpurtana

[Stampa f’paġna 7]

L-​ippridkar tagħna taʼ l-​aħbar tajba jogħġob lil Alla u jiftaħ it-​triq għal benefiċċji dejjiema

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja