LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 2/15 pp. 4-7
  • Hija r-Reliġjon il-Kaġun tal-Problemi taʼ l-Umanità?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Hija r-Reliġjon il-Kaġun tal-Problemi taʼ l-Umanità?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Anġlu tad-​Dawl” Qarrieqi
  • Dak li Għallem Ġesù Kien Mingħand Alla
  • Ir-​Reliġjon Vera Moħbija għal Xi Żmien
  • “Teoloġija li Tqanqal Rabja u Mibegħda”
  • Mhux Kulħadd Ġie Mqarraq
  • Il-​Kaġun tal-​Problema
  • Ninħelsu mir-Reliġjon Falza
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Nipprattikaw ir-Reliġjon Pura Biex Nibqgħu Ħajjin
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Qima Approvata minn Alla
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • Sibtha Int ir-Reliġjon it-Tajba?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 2/15 pp. 4-7

Hija r-​Reliġjon il-​Kaġun tal-​Problemi taʼ l-​Umanità?

“META r-​reliġjon ma tkunx qed tinkuraġġixxi l-​ġlied, tkun qed taġixxi bħala droga li tmewwet il-​kuxjenza umana u timla l-​moħħ tal-​bniedem b’fantasiji biex jaħrab mir-​realtà. . . . Iġġiegħel lill-​bnedmin isiru moħħhom magħluq, superstizzjużi, mimlijin mibegħda u biżaʼ.” Dan il-​kliem intqal minn wieħed li qabel kien missjunarju Metodista, u hu kompla jgħid ukoll: “Dawn l-​akkużi huma veri. Hemm reliġjon ħażina u reliġjon tajba.”—Start Your Own Religion.

‘Żgur li din hija kritika inġusta,’ jistgħu jgħidu xi wħud. Madankollu, min jistaʼ jiċħad il-​fatti taʼ l-​istorja tal-​bniedem? Fil-​biċċa l-​kbira, ir-​reliġjon—imfissra bħala “s-​servizz u l-​qima lejn Alla jew is-​sopranaturali”—għandha storja xokkanti. Din suppost li għandha ddawwalna u timmotivana. Madankollu, iktar iva milli le, dak li tagħmel hu li tikkaġuna l-​ġlied, l-​intolleranza, u l-​mibegħda. Dan għala?

“Anġlu tad-​Dawl” Qarrieqi

Skond il-​Bibbja, it-​tweġiba hija sempliċi ħafna. Satana x-​Xitan għamilha taʼ “anġlu tad-​dawl” sabiex iqarraq b’miljuni taʼ nies biex jimxu fuq it-​tagħlim tiegħu minflok dak t’Alla. (2 Korintin 11:14) L-​appostlu Ġwanni wera li Satana tant għandu influwenza qawwija li “d-​dinja kollha qiegħda taħt idejn il-​Ħażin.” (1 Ġwanni 5:19, korsiv tagħna.) Ġwanni kien jaf li Satana kien qiegħed ‘iqarraq bid-​dinja kollha.’—Apokalissi 12:9.

X’kienu l-​konsegwenzi taʼ dan? Satana introduċa sistemi reliġjużi li minn barra jidhru qaddisa. Dawn għandhom “dehra taʼ ‘reliġjon,’” imma l-​kundizzjoni vera tagħhom tinkixef mill-​frott ħażin li jipproduċu. (2 Timotju 3:5, J. B. Phillips; Mattew 7:15-20) Minflok ma tkun t’għajnuna biex jissolvew il-​problemi taʼ l-​umanità, ir-​reliġjon fil-​fatt issir parti mill-​problema.

Taqbadx u tikkonkludi li din l-​idea hija esaġerata jew mhix raġunevoli. Ftakar, l-​iskop tal-​qerq huwa li min jiġi mqarraq ma jindunax b’dak li jkun qed jiġrilu. L-​appostlu Pawlu ta eżempju taʼ dan meta kiteb: “Is-​sagrifiċċju li joffru l-​pagani, lid-​demonji joffruhom u mhux lil Alla.” (1Korintin 10:20) X’aktarx li dawk in-​nies inħasdu x’ħin irrealizzaw li kienu qed iqimu lid-​demonji. Ħasbu li t-​tip t’alla, jew allat, li kienu qed iqimu kien tajjeb. Madankollu, fir-​realtà huma kienu ġew imqarrqin minn “spirti ħżiena li jgħammru fil-​wisaʼ tas-​smewwiet,” u li jappoġġaw lil Satana fl-​isforzi tiegħu biex iqarraq bl-​umanità.—Efesin 6:12.

Per eżempju, ejja nikkunsidraw kif Satana rnexxielu jqarraq u jiżvija lil ħafna li jgħidu li huma Kristjani u li jagħżlu li jinjoraw it-​twissija taʼ l-​appostlu Ġwanni dwar dik l-​influwenza mill-​agħar.—1 Korintin 10:12.

Dak li Għallem Ġesù Kien Mingħand Alla

“It-​tagħlim tiegħi,” qal Ġesù Kristu, “m’huwiex tiegħi, imma taʼ dak li bagħatni.” (Ġwanni 7:16) Iva, dak li għallem kien ġej mingħand Alla li Jistaʼ Kollox. Għaldaqstant, it-​tagħlim taʼ Ġesù kellu effett qawwi u edifikanti fuq dawk li semgħuh. Dan it-​tagħlim ma ‘mewwitx il-​kuxjenza umana jew mela l-​moħħ tal-​bniedem b’fantasiji biex jaħrab mir-​realtà.’ Għall-​kuntrarju, it-​tagħlim taʼ Ġesù ħeles lin-​nies mill-​iżbalji reliġjużi u l-​filosofiji umani li oriġinaw minn dinja li kienet “imdallma” mentalment minħabba l-​qerq tax-​Xitan.—Efesin 4:18; Mattew 15:14; Ġwanni 8:31, 32.

Il-Kristjani veri ma kinux jintgħarfu sempliċement minn xi dikjarazzjoni taʼ devozzjoni, imma minn fidi li kienet tirrifletti l-​kwalitajiet sbieħ li jipproduċi l-​ispirtu qaddis t’Alla. (Galatin 5:22, 23; Ġakbu 1:22; 2:26) L-​iktar waħda li tispikka fost dawn il-​kwalitajiet—u l-​marka li tidentifika l-​Kristjanità ġenwina—hija l-​kwalità sublimi taʼ l-​imħabba.—Ġwanni 13:34, 35.

Madankollu, innota dan il-​punt kruċjali: La Ġesù u lanqas l-​appostli tiegħu ma stennew li l-​kongregazzjoni Kristjana kienet se tibqaʼ fl-​istess stat kif kienet oriġinalment. Kienu jafu li kellha tiżviluppa l-​apostasija u li r-​reliġjon vera kellha tinħeba għal xi żmien.

Ir-​Reliġjon Vera Moħbija għal Xi Żmien

F’tixbiha dwar il-​qamħ u s-​sikrana, Ġesù bassar li r-​reliġjon vera kellha prattikament tinħeba għal xi żmien. Aqra r-​rakkont int stess f’Mattew 13:24-30, 36-43. Ġesù żeraʼ għalqa bil-​qamħ, “iż-​żerriegħa t-​tajba,” u dan ta stampa tad-​dixxipli leali tiegħu li kellhom jifformaw il-​kongregazzjoni Kristjana oriġinali. Hu wissa li “għadu,” Satana x-​Xitan, kellu maż-​żmien jiżraʼ wkoll is-​“sikrana”—nies li kienu jsostnu li jimxu wara Ġesù Kristu imma li fil-​fatt kienu ċaħdu t-​tagħlim tiegħu.

Ftit żmien wara l-​mewt taʼ l-​appostli taʼ Ġesù dehru individwi li wrew li huma “sikrana,” billi ppreferew it-​tagħlim mgħawweġ tal-​bnedmin minflok “il-​kelma tal-​Mulej” Jehovah. (Ġeremija 8:8, 9; Atti 20:29, 30) Minħabba f’hekk, fid-​dinja feġġet Kristjanità korrotta u falza. Din kienet immexxija minn dak li l-​Bibbja ssejjaħlu “l-​Ħażin”—klassi korrotta tal-​kleru li kienet hi stess mgħaddsa f’“kull xorta taʼ qerq u ħażen.” (2 Tessalonikin 2:6-10) Ġesù bassar li din is-​sitwazzjoni kellha tinbidel “fi tmiem id-​dinja.” Il-​Kristjani li kienu bħal qamħ kellhom jinġabru flimkien f’unità u “s-​sikrana” kellha eventwalment tinqered.

Il-Kristjanità falza hija dik li taħti għas-​“sekli taʼ barbariżmu assolut” u għad-​dlam spiritwali li ħakem lill-​Kristjaneżmu fis-​sekli taʼ wara. L-​appostlu Pietru għaraf minn qabel dan u l-​atti perverti u vjolenti l-​oħra kollha li kellhom jiġru minn dakinhar ’il quddiem f’isem ir-​reliġjon, u għalhekk bassar b’mod xieraq li ‘ħtija tagħhom [l-hekk imsejħa Kristjani], it-​triq tal-​verità kellha tkun imkasbra.’—2 Pietru 2:1, 2.

“Teoloġija li Tqanqal Rabja u Mibegħda”

Żgur li mhux il-​Kristjaneżmu biss ġab isem ħażin fuq ir-​reliġjon. Per eżempju, aħseb ftit dwar il-​verżjonijiet taʼ “devozzjoni aggressiva” li jagħtu wħud fundamentalisti li jimxu b’mod letterali u strett mar-​reliġjon tagħhom, u li kif tgħid Karen Armstrong, li għamlet xi żmien soru, dawn tnisslu minn “kull tradizzjoni reliġjuża prinċipali.” Skond Armstrong, prova kruċjali taʼ kwalunkwe reliġjon hi li din għandha twassal għal “mogħdrija fil-​prattika.” Ir-​reliġjonijiet fundamentalisti x’rekord kellhom f’din il-​ħaġa? “Il-​fidi fundamentalista,” tikteb hi, “kemm jekk hi Lhudija, Kristjana, jew Musulmana, ma tgħaddix minn din il-​prova kruċjali jekk issir teoloġija li tqanqal rabja u mibegħda.” (The Battle for God—Fundamentalism in Judaism, Christianity and Islam) Imma huma biss ir-​reliġjonijiet “fundamentalisti” li m’għaddewx minn din il-​prova u saru “teoloġija li tqanqal rabja u mibegħda”? L-​istorja turi mod ieħor.

Fil-fatt, Satana rnexxielu jibni imperu dinji taʼ reliġjon falza, li jistaʼ jingħaraf mir-​rabja, il-​mibegħda, u t-​tixrid taʼ demm kważi bla waqfien. Il-​Bibbja ssejjaħ lil dan l-​imperu “Babilonja l-​Kbira, omm . . . il-​qżiżijiet taʼ l-​art,” u huwa simbolizzat minn prostituta riekba fuq id-​dahar taʼ sistema politika li tixbah lil bhima. Taʼ min jinnota li din tinżamm responsabbli tad-​“demm . . . tal-​maqtulin kollha fuq l-​art.”—Apokalissi 17:4-6; 18:24.

Mhux Kulħadd Ġie Mqarraq

Minkejja dan kollu, l-​istorja turi li mhux kulħadd ġie mqarraq. Saħansitra fl-​iktar żminijiet mudlama, jinnota Melvyn Bragg, “ħafna erwieħ tajba għamlu l-​ġid meta l-​maġġuranza taʼ madwarhom kienu nies mill-​agħar.” Il-​Kristjani ġenwini komplew “jaduraw [lil Alla] fl-​ispirtu u l-​verità.” (Ġwanni 4:21-24) Huma żammew lilhom infushom separati minn sistema reliġjuża dinjija li kienet ikkommettiet iż-​żína billi ‘appoġġat il-​qawwa militari.’ Huma rrifjutaw li jinvolvu ruħhom f’relazzjoni bejn il-​Knisja u l-​Istat li, skond ma turi l-​istorja, dan kien “iktar patt magħmul minn Satana milli minn xi Ġesù taʼ Nazaret.”—Two Thousand Years—The Second Millennium: From Medieval Christendom to Global Christianity.

Fi żminijiet iktar reċenti, ix-​Xhieda taʼ Jehovah kienu magħrufin għall-​influwenza pożittiva tagħhom. Biex żgur ma jiċċappsux mar-​reliġjon falza, huma bbażaw it-​twemmin u l-​azzjonijiet tagħhom fuq il-​Kelma mnebbħa t’Alla biss, il-​Bibbja. (2 Timotju 3:16, 17) U bħall-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu, huma obdew il-​kmand taʼ Ġesù biex ma jkunu ebda parti mid-​dinja. (Ġwanni 15:17-19; 17:14-16) Per eżempju, fil-​Ġermanja Nazista huma rrifjutaw li jikkompromettu prinċipji Kristjani, u għaldaqstant ma kinux aċċettabbli skond l-​ideoloġija Nazista. Hitler kien jobgħodhom minħabba l-​waqfa li ħadu. Ktieb partikulari li jintuża fl-​iskejjel jgħid: “Ix-​Xhieda taʼ Jehovah . . . imxew fuq it-​tagħlim tal-​Bibbja biex ma jużaw l-​armi għall-​ebda kawża. Għalhekk irrifjutaw li jaqdu fl-​armata jew li jkollhom x’jaqsmu b’xi mod jew ieħor man-​Nazi. Biex ipattuhielhom, is-​suldati taʼ l-​SS tefgħu l-​ħabs familji sħaħ taʼ Xhieda taʼ Jehovah.” (Germany—1918-45) Tabilħaqq, mijiet taʼ Xhieda taʼ Jehovah fil-​Ġermanja mietu minħabba l-​persekuzzjoni min-​Nazi.

M’għandniex xi ngħidu, kien hemm individwi kuraġġużi oħra minn diversi reliġjonijiet li batew minħabba t-​twemmin tagħhom. Imma x-​Xhieda taʼ Jehovah batew bħala grupp reliġjuż magħqud. Il-​maġġuranza tagħhom żammew sod mal-​prinċipju Skritturali fundamentali: ‘Obdu aktar lil Alla milli l-​bnedmin.’—Atti 5:29; Mark 12:17.

Il-​Kaġun tal-​Problema

Għaldaqstant, m’huwiex għalkollox veru li r-​reliġjon hija l-​kaġun tal-​problemi kollha taʼ l-​umanità. Ir-​reliġjon falza hija l-​kaġun. Madankollu, Alla dalwaqt bi ħsiebu jneħħi r-​reliġjon falza kollha. (Apokalissi 17:16, 17; 18:21) Il-​kmand tiegħu lil kulmin iħobb il-​ġustizzja u s-​sewwa huwa: “Oħorġu minnha [jiġifieri, minn Babilonja l-​Kbira, l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza], poplu tiegħi, biex ma jkollkomx x’taqsmu magħha fi dnubietha, u biex mill-​kastigi tagħha ma tiħdux sehem. Għax dnubietha saru ħemel għoli sas-​sema, u Alla ftakar fl-​għemejjel ħżiena tagħha.” (Apokalissi 18:4, 5) Iva, Alla nnifsu joffendi ruħu bil-​kbir b’kull reliġjon li ‘tinkuraġġixxi l-​ġlied, tmewwet il-​kuxjenza umana, timla l-​moħħ tal-​bniedem b’fantasiji biex jaħrab mir-​realtà, u ġġiegħel lill-​bnedmin isiru moħħhom magħluq, superstizzjużi, u mimlijin mibegħda u biżaʼ’!

Sadanittant, Alla qed jiġbor fir-​reliġjon pura lil dawk li jħobbu l-​verità. Din hija r-​reliġjon li timxi fuq il-​prinċipji u t-​tagħlim taʼ Ħallieq mimli mħabba, ġustizzja, u mogħdrija. (Mikea 4:1, 2; Sofonija 3:8, 9, NW; Mattew 13:30) Int tistaʼ tkun parti minnha. Jekk tixtieq iktar tagħrif fuq kif tidentifika r-​reliġjon pura, int liberu li tikteb lill-​pubblikaturi taʼ din ir-​rivista, jew tistaqsi lil xi ħadd mix-​Xhieda taʼ Jehovah biex jgħinek.

[Stampa f’paġna 7]

Nies minn kull qasam soċjali sabu l-​ferħ fir-​reliġjon pura

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja