LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 2/15 pp. 8-9
  • Faraġ għal Dawk li Qed Ibatu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Faraġ għal Dawk li Qed Ibatu
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Materjal Simili
  • Dak “Alla Tas-Sliem” Jimpurtah Minn Dawk Milqutin Minn Xi Afflizzjoni
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Ġeħova Jeħles lill-Imnikket
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • “Ħallu lil Alla Jkun Jaf X’Teħtieġu”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • It-Talb fil-Bibbja Jistħoqqlu Ħarsa Iktar mill-Qrib
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 2/15 pp. 8-9

Faraġ għal Dawk li Qed Ibatu

META rġiel u nisa leali fil-​passat kienu jgħaddu minn xi tbatija, huma kienu jitolbu bil-​ħerqa lil Alla biex jipprovdilhom gwida. Madankollu, huma kienu wkoll jieħdu l-​inizjattiva biex itaffu t-​tbatija, billi forsi jħaddmu moħħhom biex jaħarbu lil min kien qed jaħqarhom. Per eżempju, David irnexxielu jissaporti t-​tbatija li għadda minnha billi straħ fuq Jehovah kif ukoll billi għamel sforz min-​naħa tiegħu. Xi ngħidu għalina llum?

Meta tgħaddi minn xi tip taʼ tbatija, x’aktarx li int tieħu l-​inizjattiva biex issolvi lproblema tiegħek. Per eżempju, jekk tispiċċa bla xogħol, ma tagħmilx sforz biex issib impjieg xieraq li bih tkun tistaʼ tmantni lilek innifsek u lill-​familja tiegħek? (1 Timotju 5:8) Jew jekk qed tbati minħabba xi marda, ma tfittixx għajnuna medika xierqa? Taʼ interess hu li Ġesù, li kellu l-​qawwa mingħand Alla biex ifejjaq kull tip taʼ mard, irrikonoxxa li ‘l-​morda jeħtieġu tabib.’ (Mattew 9:12) Madankollu, il-​problemi tiegħek mhux dejjem jistgħu jissolvew; jistaʼ jkun li sa ċertu punt ikollok tibqaʼ tissaportihom.

Għala ma titlobx lil Jehovah u tgħidlu bil-​problema li għandek? Per eżempju, meta nkunu qed infittxu impjieg, jekk nitolbu lil Alla u nistrieħu fuqu nkunu nistgħu nirreżistu kwalunkwe tentazzjoni biex naċċettaw xi xogħol li jikkontradixxi prinċipji Bibliċi. Se nevitaw ukoll li ‘noħorġu barra mit-​triq tal-​fidi’ minħabba r-​regħba jew l-​imħabba għall-​flus. (1 Timotju 6:10) Tabilħaqq, meta nieħdu deċiżjonijiet importanti dwar l-​impjieg, il-​familja jew saħħitna, nistgħu nimxu fuq il-​parir taʼ David: “Qiegħed it-​tagħbija tiegħek fuq il-​Mulej, u hu jgħinek: hu qatt ma jħalli l-​ġust jitfixkel.”—Salm 55:22, Karm Żammit.

It-talb mill-​qalb se jgħinna wkoll inżommu bilanċ mentali sabiex ma nħossuniex mifnijin minħabba t-​tbatija li nkunu għaddejjin minnha. L-​appostlu Pawlu, Kristjan ġenwin, kiteb: “Fit-​talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr.” It-​talb sinċier b’liema mod jistaʼ jfarraġna? “Is-​sliem taʼ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-​moħħ jistaʼ jifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesù.” (Filippin 4:6, 7) Is-​sliem t’Alla “jgħaddi kull ma l-​moħħ jistaʼ jifhem.” Għaldaqstant, dan jistaʼ jżommna stabbli meta nħossuna mtaqqlin b’emozzjonijiet li jnikktuna. Jistaʼ jgħassilna ‘qalbna u moħħna,’ u b’hekk jgħinna nevitaw aġir mgħaġġel jew mhux għaqli, affarijiet li jistgħu jkomplu jżidulna t-​tbatija.

It-talb jistaʼ saħansitra jeffettwa kif tiżvolġi xi sitwazzjoni partikulari. Meta l-​appostlu Pawlu nżamm priġunier f’Ruma, hu talab b’umiltà lill-​Kristjani sħabu biex jitolbu għalih. Pawlu għala talabhom din il-​ħaġa? “Dan wisq aktar nitlobkom tagħmluh,” hu kitbilhom, “biex nerġaʼ nkun magħkom mill-​iktar fis.” (Lhud 13:19) Fi kliem ieħor, Pawlu kien jaf li Jehovah jismaʼ t-​talb persistenti taʼ sħabu fil-​fidi u li dan setaʼ jagħmel differenza dwar meta kien se jiġi meħlus.—Filemon 22.

Jistaʼ t-​talb ibiddel ir-​riżultat tat-​tbatija li ngħaddu minnha? Jistaʼ jkun. Madankollu, għandna nirrealizzaw li Alla Jehovah jistaʼ ma jwiġibx it-​talb tagħna kif nixtiequ aħna. Pawlu talab ħafna drabi dwar ix-​‘xewka f’ġismu,’ li x’aktarx kienet xi problema fiżika. Madankollu, minflok ma neħħielu l-​problema, Alla qal lil Pawlu: “Biżżejjed għalik il-​grazzja tiegħi; għax il-​qawwa tiegħi tidher fl-​aqwa tagħha fejn hemm id-​dgħajjef.”—2 Korintin 12:7-9.

Mela, allura, it-​tbatija tagħna mhux bilfors tieqaf minnufih. Madankollu, se jkollna l-​opportunità li nuru kemm qed nistrieħu fuq Missierna tas-​sema. (Ġakbu 1:2-4) Ibqaʼ ċert li anki jekk Alla Jehovah ma jneħħilniex it-​tbatija, hu jistaʼ ‘jagħtina l-​qawwa u l-​għajnuna biex inkunu nifilħu għaliha.’ (1 Korintin 10:13) Taʼ min jinnota li Jehovah jissejjaħ “Alla taʼ kull faraġ” li “jfarraġna fl-​hemm kollu tagħna.” (2 Korintin 1:3, 4) Alla jistaʼ jagħtina dak li neħtieġu biex nissaportu, u aħna għandna t-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem.

Il-Kelma t’Alla, il-​Bibbja, twegħedna li Jehovah se “jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed.” (Apokalissi 21:3, 4) Tinstemaʼ impossibbli għalik l-​idea taʼ dinja mingħajr tbatija? Forsi hekk taħseb jekk drajt tgħix ħajja mimlija problemi. Madankollu, Alla wegħedna ħelsien mill-​biżaʼ u l-​problemi, u l-​iskop tiegħu se jirnexxi żgur.—Isaija 55:10, 11.

[Stampi f’paġna 9]

Minn diqa kbira għal serħan

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja