L-Umanità Tfittex li Togħġob lil Alla
“QATT ma kien hawn soċjetà umana li Alla ma ħax parti fiha, ġeneralment parti li tikkontrolla u li toħloq. Dan hu minnu wkoll dwar dawk is-soċjetajiet li għażlu li jkunu atei.” Hekk jgħid John Bowker fil-ktieb tiegħu God—A Brief History. B’xi mod, it-tfittxija biex jinstab Alla u jinkiseb il-favur tiegħu kienet karatteristika komuni fl-imġiba tal-bniedem. Madwar id-dinja, hemm ħafna li għandhom xewqa sinċiera li jogħġbu lil Alla. M’għandniex xi ngħidu, il-mod li bih jipprovaw jagħmlu dan ivarja skond it-twemmin tagħhom.
Xi wħud jemmnu li kulma għandek bżonn biex tikseb il-favur t’Alla huwa li tgħix ħajja tajba. Oħrajn iħossu li jirbħu l-approvazzjoni t’Alla billi jagħmlu l-karità mal-foqra. Jerġaʼ mbagħad, hemm miljuni taʼ nies li għalihom iċ-ċerimonji u r-ritwali reliġjużi huma l-iktar importanti.
Mill-banda l-oħra, hemm dawk li jemmnu li lil Alla ma jistgħux jilħquh—qiegħed ’il bogħod wisq jew hu okkupat iżżejjed bi kwistjonijiet oħrajn biex jagħti kas in-nies ordinarji. Hemm min jgħid li l-filosfu Epikuru tal-Greċja tal-qedem kien jemmen li ‘l-allat tant huma ’l bogħod li la jistgħu jagħmlulek ħsara u lanqas ġid.’ Minkejja dan, ħafna li jaħsbuha hekk huma reliġjużi. Xi wħud jistgħu saħansitra joffru sagrifiċċji u jwettqu ritwali bit-tama li jogħġbu lill-antenati mejtin tagħhom.
X’taħseb int? Jinnotahom tassew Alla l-isforzi tagħna biex niksbu l-favur tiegħu? Huwa possibbli għalina li mmissu qalb Alla u li nogħġbuh?
[Sors tal-Istampa on page 2]
QOXRA: Courtesy of ROE/Anglo-Australian Observatory, photograph by David Malin