Int Tistaʼ Tferraħ lil Alla
NISTGĦU aħna, fil-fatt, neffettwaw il-mod kif iħossu Alla? Jistaʼ Alla jifraħ? Dizzjunarju wieħed jagħti definizzjoni tal-kelma “Alla” bħala “r-realtà suprema jew aħħarija.” Xi ngħidu kieku din ir-realtà meraviljuża kienet sempliċement xi forza? Nistgħu nistennew li forza impersonali tithenna? Ma tantx. Iżda, ikkunsidra dak li tgħid il-Bibbja dwar Alla.
“Alla huwa spirtu,” qal Ġesù Kristu. (Ġwanni 4:24) Spirtu huwa forma taʼ ħajja li hi differenti mill-bnedmin. Għalkemm l-għajnejn umani ma jistgħux jarawh, spirtu għandu ġisem—“ġisem spiritwali.” (1 Korintin 15:44; Ġwanni 1:18) Meta titkellem dwar Alla, il-Bibbja tuża saħansitra kliem figurattiv u tgħid li hu għandu l-għajnejn, il-widnejn, l-idejn, eċċetra.a Alla għandu wkoll isem—Jaħweh, jew Jehovah. (Salm 83:19 [83:18, NW]) Għalhekk, l-Alla tal-Bibbja hu persuna spirtu. (Lhud 9:24, NW) Huwa “Alla ħaj u sultan taʼ dejjem.”—Ġeremija 10:10.
Bħala persuna ħajja u reali, Jehovah jistaʼ jaħseb u jaġixxi. Hu juri kwalitajiet u sentimenti, dak li jogħġbu u dak li ma jogħġbux. Fil-fatt, il-Bibbja fiha ħafna espressjonijiet li jirrivelaw liema affarijiet jogħġbuh jew ma jogħġbuhx. Filwaqt li l-allat u l-idoli magħmulin mill-bniedem jirriflettu biss il-karatteristiċi jew il-kwalitajiet tal-bnedmin li jivvintawhom, l-Alla li Jistaʼ Kollox, Jehovah, huwa l-Oriġinatur stess taʼ l-emozzjonijiet li poġġa fil-bnedmin.—Ġenesi 1:27; Isaija 44:7-11.
Bla dubju, Jehovah hu “Alla l-hieni.” (1 Timotju 1:11, NW) Hu mhux biss jithenna bix-xogħlijiet kreattivi tiegħu imma wkoll jieħu pjaċir iwettaq l-iskop tiegħu. Permezz tal-profeta Isaija, Jehovah jiddikjara: “Nagħmel kull ma rrid . . . Hekk tkellimt u hekk nagħmel; hekk iddeċidejt, u nagħmel hekk.” (Isaija 46:9-11) Is-salmista kanta: “Jifraħ il-Mulej bl-għemejjel tiegħu!” (Salm 104:31) Imma Alla jerġaʼ għandu sors ieħor li jferrħu. Hu jgħid: “Kun għaref, ibni, u ferraħli qalbi.” (Proverbji 27:11) Aħseb ftit xi jfisser dan—aħna nistgħu nferrħu lil Alla!
Kif Nistgħu Nferrħu Qalb Alla
Ikkunsidra kif il-patrijarka Noè ferraħ qalb Jehovah. Noè “sab ħniena quddiem il-Mulej” għaliex “kien perfett fost in-nies taʼ żmienu.” B’kuntrast qawwi man-nies mill-agħar taʼ dak iż-żmien, il-fidi u l-ubbidjenza taʼ Noè tant għoġbu lil Alla li setaʼ jingħad li Noè “kien jimxi . . . maʼ Alla.” (Ġenesi 6:6, 8, 9, 22) “Kien minħabba fil-fidi tiegħu li Noè . . . mimli b’biżaʼ qaddis bena arka biex isalva l-familja tiegħu.” (Lhud 11:7) Jehovah kien kuntent b’Noè u bierek lilu u lill-familja tiegħu billi żammhom ħajjin matul dak il-perijodu mqalleb taʼ l-istorja umana.
Il-patrijarka Abraham ukoll kien konxju sew tas-sentimenti taʼ Jehovah. L-għarfien intimu tiegħu dwar il-mod kif jaħsibha Alla kien jidher ċar meta Jehovah informah li Sodoma u Gomorra kienu se jinqerdu minħabba t-taħsir morali tagħhom. Abraham kien jafu biżżejjed lil Jehovah biex jikkonkludi li Alla ma kienx jgħaddilu minn moħħu li joqtol lill-bniedem ġust mal-ħażin. (Ġenesi 18:17-33) Snin wara, b’ubbidjenza lejn id-direzzjoni t’Alla, Abraham kważi ‘offra ’l Iżakk,’ għax “fehem li Alla kellu s-setgħa saħansitra li jqajjem mill-mewt.” (Lhud 11:17-19; Ġenesi 22:1-18) Abraham tant kien sensittiv għas-sentimenti t’Alla u tant wera fidi qawwija u ubbidjenza li ġie “msejjaħ ħabib taʼ Alla.”—Ġakbu 2:23.
Raġel ieħor li għamel ħiltu kollha biex iferraħ qalb Alla kien is-Sultan David taʼ Iżrael tal-qedem. Jehovah qal dwaru: “Sibt lil David, bin Ġesse, raġel skond qalbi, li jagħmel dak kollu li rrid jien.” (Atti 13:22) Qabel ma kkonfronta lill-iġgant Gulija, David poġġa l-fiduċja sħiħa tiegħu f’Alla u qal lis-Sultan Sawl l-Iżraeli: “Il-Mulej, li ħelisni minn ħalq l-iljun u l-ors, jeħlisni minn id dan il-Filisti.” Jehovah bierek il-fiduċja li David kellu Fih, u bis-saħħa t’hekk David setaʼ joqtol lil Gulija. (1 Samwel 17:37, 45-54) David ma riedx biss l-aġir tiegħu imma wkoll ‘kliem fommu u ħsieb qalbu li jkunu milqugħa quddiem il-Mulej.’—Salm 19:15 (19:14, NW).
Xi ngħidu għalina? Kif nistgħu nogħġbuh lil Jehovah? Iktar ma nkunu sensittivi għas-sentimenti t’Alla, iktar se nsiru konxji taʼ dak li nistgħu nagħmlu biex inferrħu qalb Alla. Għalhekk, meta naqraw il-Bibbja jkun essenzjali li nagħmlu sforz biex nitgħallmu dwar is-sentimenti t’Alla sabiex ‘nagħrfu sewwa rrieda taʼ Alla bl-għerf kollu u ddehen spiritwali. Hekk inkunu nistgħu ngħixu sewwa kif jixraq lill-Mulej u nogħġbuh f’kollox.’ (Kolossin 1:9, 10) Mill-banda l-oħra, l-għarfien jgħinna nibnu l-fidi tagħna. Dan hu vitali għaliex “mingħajr il-fidi ma jistax ikun li wieħed jogħġob lil Alla.” (Lhud 11:6) Iva, billi nagħmlu kull sforz biex nibnu fidi qawwija u billi nġibu ħajjitna fi qbil mar-rieda taʼ Jehovah, nistgħu nferrħulu qalbu. Fl-istess waqt, irridu noqogħdu attenti li ma nweġġgħulux qalbu lil Jehovah.
La Tweġġax lil Alla
Eżempju taʼ kif tistaʼ tweġġaʼ s-sentimenti taʼ Jehovah jinsab fir-rakkont dwar jiem Noè. F’dak iż-żmien, “l-art . . . imtliet bil-vjolenza. U Alla ħares lejn l-art, u ra li kienet imħassra, għax kull ħliqa ħajja kienet għawwġet triqtha fuq l-art.” Kif ħassu Alla meta ħares lejn it-taħsir morali u l-vjolenza? “Il-Mulej sogħob bih li kien għamel il-bniedem fl-art,” tgħid il-Bibbja, “u sewwed qalbu.” (Ġenesi 6:5, 6, 11, 12) Alla ddispjaċieh għaliex il-kondotta tal-bnedmin tant kienet saret ħażina li kellu jbiddel l-attitudni tiegħu lejn il-ġenerazzjoni mill-agħar taʼ qabel id-Dilluvju. Minħabba d-dispjaċir tiegħu għall-ħażen tagħhom, Alla bidel l-attitudni tiegħu taʼ Ħallieq tal-bnedmin għal dik taʼ wieħed li jeqridhom.
Jehovah ħassu mnikket ukoll meta l-poplu tiegħu stess, il-ġens taʼ Iżrael tal-qedem, b’mod persistenti injora s-sentimenti tiegħu u d-direzzjoni kollha mħabba tiegħu. Is-salmista beka: “Kemm-il darba qamu kontrieh fid-deżert, kemm-il darba nikktuh fl-art niexfa! Kienu jerġgħu jġarrbu lil Alla, u jħeġġu l-korla tal-Qaddis taʼ Iżrael.” Madankollu, “hu kien iħenn u jaħfrilhom il-ħtija, ma kienx jasal biex jeqridhom; ħafna drabi kien iżomm il-korla, ma kienx jixgħel qilltu kollha.” (Salm 78:38-41) Avolja l-Iżraelin ribellużi kien ħaqqhom isofru l-konsegwenzi taʼ dnubiethom stess, il-Bibbja tgħidilna li “fid-dwejjaq tagħhom kollha [Alla] kien imnikket.”—Isaija 63:9, Karm Żammit.
Minkejja l-evidenza abbundanti tas-sentimenti teneri t’Alla għalihom, in-nies taʼ Iżrael “kienu jiddieħku bil-mibgħutin tiegħu, imaqdru kliemu, u jkasbru l-profeti tiegħu, sa ma saħnet il-korla tal-Mulej għall-poplu tiegħu, hekk li ma setgħux jeħilsuha aktar.” (2 Kronaki 36:16) Fl-aħħar mill-aħħar, bir-ribelljoni tagħhom imfassla fuq il-kburija huma tant “nikktu l-ispirtu qaddis tiegħu” li tilfu l-favur taʼ Jehovah. (Isaija 63:10) X’kien ir-riżultat? Alla b’ġustizzja neħħa l-protezzjoni tiegħu minn fuqhom, u ġarrbu diżastru meta l-Babiloniżi rebħu lil Ġuda u qerdu lil Ġerusalemm. (2 Kronaki 36:17-21) Kemm hu taʼ swied il-qalb meta n-nies jagħżlu li jgħixu ħajja midinba, u b’hekk joffendu u jnikktu lill-Ħallieq tagħhom!
Il-Bibbja ma tħallilna l-ebda dubju li l-kondotta inġusta tweġġgħu ħafna lil Alla. (Salm 78:40) Affarijiet li joffendu lil Alla—u li saħansitra huma mistmerrin minnu—jinkludu l-kburija, il-gideb, il-qtil, il-prattika tal-maġija, it-tbassir, il-qima lill-antenati, il-morali laxki, l-omosesswalità, linfedeltà fiż-żwieġ, l-inċest, u l-moħqrija talfoqra.—Levitiku 18:9-29; 19:29; Dewteronomju 18:9-12; Proverbji 6:16-19; Ġeremija 7:5-7; Malakija 2:14-16.
Jehovah kif iħossu dwar l-idolatrija? Eżodu 20:4, 5 jgħid: “La tagħmilx għalik suriet minquxa u ebda xbieha taʼ ebda ħaġa li hemm fl-għoli tas-sema, jew isfel fl-art, jew fil-baħar taħt l-art. La tmilx quddiemhom: La tadurahomx.” Għala? Għaliex idolu hu xi ħaġa ‘mistkerrha mill-Mulej.’ (Dewteronomju 7:25, 26) L-appostlu Ġwanni wissa: “Uliedi, ħarsu rwieħkom mill-idoli.” (1 Ġwanni 5:21) U l-appostlu Pawlu kiteb: “Għeżież tiegħi, aħarbu l-allat foloz.”—1 Korintin 10:14.
Fittex l-Approvazzjoni t’Alla
Alla ‘hu ħaġa waħda man-nies retti.’ Hu “jitgħaxxaq b’dawk li triqthom dritta.” (Proverbji 3:32, KŻ; 11:20) Għall-kuntrarju, dawk li jibqgħu joffendu lil Alla billi b’ras iebsa jinjoraw jew jisfidaw is-sentimenti ġusti tiegħu dalwaqt se jbatu l-konsegwenzi għax ma jkunux għoġbuh. (2 Tessalonikin 1:6-10) Tabilħaqq, hu dalwaqt se jtemm il-ħażen kollu li tant jiddomina llum.—Salm 37:9-11; Sofonija 2:2, 3.
Madankollu, il-Bibbja tagħmilha ċara ferm li Jehovah “ma jridx li xi ħadd jintilef, imma li kulħadd jersaq għall-indiema.” (2 Pietru 3:9) Hu jippreferi ħafna iktar li juri l-affezzjoni tiegħu lejn in-nies sewwa li jħobbuh milli jesprimi d-dispjaċir tiegħu lejn dawk li jagħżlu li ma jirriformawx ruħhom. Jehovah ‘ma jitgħaxxaqx b’mewt il-midneb, imma bir-reġgħa lura tiegħu minn triqtu biex jgħix.’—Eżekjel 33:11.
Għalhekk, ħadd m’għandu għalfejn isir il-mira tar-rabja taʼ Jehovah. “Il-Mulej jaf jagħder, u hu ħanin bil-bosta.” (Ġakbu 5:11) B’fiduċja sħiħa fis-sentimenti t’Alla, int tistaʼ ‘tixħet fuqu l-ħsibijiet kollha tiegħek għax hu jaħseb fik.’ (1 Pietru 5:7) Kun assigurat li dawk li jferrħu qalb Alla għandhom il-prospett meraviljuż li jgawdu l-approvazzjoni u l-ħbiberija tiegħu. Għaldaqstant, issa huwa iktar urġenti minn qatt qabel illi ‘tfittex li tagħraf dak li jogħġob lill-Mulej.’—Efesin 5:10.
Kemm hi ħaġa meraviljuża li Alla bil-qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu rrivela l-kwalitajiet u s-sentimenti glorjużi tiegħu! U int tistaʼ tferraħlu qalbu. Jekk tixtieq tagħmel hekk, inħeġġuk tikkuntattja lix-Xhieda taʼ Jehovah fl-inħawi tiegħek. Dawn huma henjin li juruk x’sabu li hu prattiku u possibbli fl-istinkar tagħhom biex jogħġbu lil Alla.
[Nota taʼ taħt]
a Ara l-kaxxa intitolata “Il-Bibbja Għala Tiddeskrivi lil Alla b’Termini Umani?”
[Kaxxa f’paġna 7]
Il-Bibbja Għala Tiddeskrivi lil Alla b’Termini Umani?
Ladarba “Alla huwa spirtu,” ma nistgħux narawh bl-għajnejn fiżiċi tagħna. (Ġwanni 4:24) Għalhekk, il-Bibbja tuża kliem figurattiv, bħas-similitudnijiet, il-metafori, u l-antropomorfiżmi biex tgħinna nifhmu s-setgħa, il-maestà, u l-attivitajiet t’Alla. L-antropomorfiżmu (Grieg, “forma taʼ bniedem”) huwa li wieħed jattribwixxi karatteristiċi umani lil xi ħadd li m’huwiex bniedem. Mela avolja ma nafux kif jidher il-ġisem spirtu t’Alla, il-Bibbja titkellem dwar Alla bħala li għandu l-għajnejn, il-widnejn, l-idejn, id-dirgħajn, is-swabaʼ, is-saqajn, u qalb.—Ġenesi 8:21; Eżodu 3:20; 31:18; Ġob 40:9; Salm 18:10 (18:9, NW); 34:16 (34:15, NW).
Dan il-lingwaġġ deskrittiv ma jfissirx li l-ġisem spirtu t’Alla għandu l-istess tip taʼ membri li għandhom l-iġsma umani. L-antropomorfiżmi ma jridux jittieħdu letteralment. Dawn sempliċement jgħinu lill-bnedmin ikollhom fehma aħjar dwar Alla. Mingħajr dan il-kliem figurattiv, ikun diffiċli, jekk mhux impossibbli, li sempliċi bnedmin jifhmu kwalunkwe deskrizzjoni dwar Alla. Madankollu, dan ma jfissirx li l-personalità t’Alla Jehovah ġiet ivvintata mill-bnedmin. Il-Bibbja tispjega b’mod ċar li l-bniedem inħalaq fuq ix-xbieha t’Alla—mhux Alla fuq ix-xbieha tal-bniedem. (Ġenesi 1:27) Peress li l-kittieba tal-Bibbja kienu ‘mnebbħin minn Alla,’ id-deskrizzjoni tagħhom dwar il-personalità t’Alla hi fir-realtà d-deskrizzjoni tiegħu stess dwar il-kwalitajiet persunali tiegħu—l-istess kwalitajiet li hu poġġa b’diversi gradi fil-ħolqien uman tiegħu. (2 Timotju 3:16, 17) Minflok m’huma l-kwalitajiet tal-bniedem f’Alla, huma tassew il-kwalitajiet t’Alla fil-bniedem.
[Stampa f’paġna 4]
Noè sab favur f’għajnejn Alla
[Stampa f’paġna 5]
Abraham kien sensittiv għas-sentimenti t’Alla
[Stampa f’paġna 6]
David poġġa l-fiduċja sħiħa tiegħu f’Jehovah
[Stampa f’paġna 7]
Hekk kif taqra l-Bibbja, tistaʼ titgħallem kif tferraħ lil Alla
[Sors tal-Istampa f’paġna 4]
Courtesy of Anglo-Australian Observatory, photograph by David Malin