LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 10/15 pp. 20-24
  • Żgħażagħ—Ħallu lill-Ġenituri Jgħinukom Tgħassu Qalbkom!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Żgħażagħ—Ħallu lill-Ġenituri Jgħinukom Tgħassu Qalbkom!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Għala Għandek Tobdi lill-​Ġenituri?
  • Ġibda Lejn Dawk tas-​Sess Oppost
  • Il-​Qawwa Persważiva taʼ Sħabek
  • Jistħoqqilhom Ġieħ
  • Żgħażagħ Intom Tmissu Qalb il-Ġenituri Tagħkom
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Ġenituri—Ħarrġu lil Uliedkom bl-Imħabba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Ġenituri, Tfal—Ikkomunikaw bl-Imħabba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Nonoraw lill-Ġenituri Anzjani Tagħna
    Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 10/15 pp. 20-24

Żgħażagħ—Ħallu lill-​Ġenituri Jgħinukom Tgħassu Qalbkom!

X’TAĦSEB li hija l-​iktar sfida diffiċli li jkollu jiffaċċja kaptan taʼ vapur? Li jaqsam oċean kbir b’wiċċ il-​ġid? Ġeneralment, mhux din tkun l-​akbar sfida. Ħafna min-​nawfraġji jseħħu qrib ix-​xatt, mhux f’nofs taʼ baħar. Fil-​fatt, jistaʼ jkun hemm iktar periklu meta wieħed idaħħal vapur fil-​port milli meta jniżżel ajruplan. Għala?

Qabel ma l-​vapur jittrakka tajjeb mal-​moll, il-​kaptan irid jevita l-​perikli kollha li jistaʼ jkun hemm f’port. Irid jagħti kas il-​kurrenti taʼ taħt l-​ilma filwaqt li joqgħod attent li ma jaħbatx maʼ vapuri oħrajn. Irid ukoll jevita sikek tar-​ramel u blat taħt l-​ilma, jew xi inġenji tal-​baħar mgħarrqin. Agħar minn hekk, din tistaʼ tkun l-​ewwel żjara tiegħu f’dan il-​port!

Biex jgħinu jegħleb dawn il-​problemi, kaptan għaqli għandu mnejn jitlob l-​għajnuna taʼ pilota li jkun jaf dawk l-​ibħra b’għajnejh magħluqa. Il-​pilota joqgħod maġenb il-​kaptan biex jgħinu jdaħħal il-​vapur fil-​port billi jagħtih direzzjonijiet taʼ wieħed espert. Flimkien huma jaraw x’perikli hemm u jidderieġu l-​vapur minn kwalunkwe rotta dejqa li jsibu sakemm jidħlu l-​port.

Id-direzzjoni b’sengħa kbira tal-​pilota nistgħu nxebbhuha maʼ l-​għajnuna imprezzabbli li għandhom iż-​żgħażagħ Kristjani li jridu jippjanaw kif se jaqsmu l-​ilmijiet diffiċli tal-​ħajja. X’inhi din l-​għajnuna? Iż-​żgħażagħ għala għandhom bżonnha?

Ejja nkomplu t-​tixbiha tal-​vapur. Jekk int adoloxxenti, tistaʼ tqabbel lilek innifsek mal-​kaptan taʼ vapur fis-​sens li eventwalment, int trid tkun responsabbli taʼ ħajtek. U l-​ġenituri tiegħek għandhom irwol bħal tal-​pilota; huma jipprovaw jiggwidawk f’xi wħud mill-​iktar sitwazzjonijiet diffiċli li qatt se jkollok tiffaċċja f’ħajtek. Madankollu, matul is-​snin taż-​żgħożija, għandek mnejn issibha iebsa biex taċċetta l-​pariri li jagħtuk il-​ġenituri. Dan għala?

Ħafna drabi l-​problema tkun fil-​qalb. Il-​qalb figurattiva tiegħek tistaʼ ġġagħlek tixtieq dak li hu projbit jew tipprotesta kontra kwalunkwe ħaġa li tħossha tnaqqaslek mil-​libertà. “Qalb il-​bniedem,” tgħid il-​Bibbja, hija “miġbuda għall-​ħażen sa minn ċkunitu.” (Ġenesi 8:21) Ġeħova jgħidlek ċar u tond li int għandek sfida tassew kbira quddiemek. Hu jwissi: “Fuq kollox il-​qalb hija qarrieqa iktar minn kull ħaġa oħra, u stinata b’mod perikoluż.” (Ġeremija 17:9, Rotherham) Minbarra li bil-​moħbi tkun qed tikkultiva xewqat ħżiena, il-​qalb tistaʼ tqarraq b’żagħżugħ u ġġagħlu jaħseb li hu jaf iktar mill-​ġenituri, avolja għandhom ħafna iktar esperjenza. Madankollu, hemm raġunijiet tajbin għalxiex għandek tfittex l-​għajnuna tal-​ġenituri int u għaddej mis-​snin diffiċli taż-​żgħożija.

Għala Għandek Tobdi lill-​Ġenituri?

Fuq kollox, Ġeħova, l-​Oriġinatur tal-​familja, jgħidlek li int għandek tismaʼ mid-​direzzjoni tal-​ġenituri. (Efesin 3:15) Ladarba Alla ħatar lill-​ġenituri biex jieħdu ħsiebek, hu jagħtik dan il-​parir: “Tfal, tagħmlu tajjeb li tobdu lill-​ġenituri tagħkom bħala dawk li l-​Mulej ħatar fuqkom.” (Efesin 6:1-3, Phillips; Salm 78:5) Għalkemm issa sirt żagħżugħ, il-​ġenituri xorta għandhom ir-​responsabbiltà li jiggwidawk, u int għandek l-​obbligu li tagħti kashom. Meta l-​appostlu Pawlu kiteb li t-​tfal għandhom jobdu ’l-ġenituri, hu uża kelma Griega li tistaʼ tapplika għat-​tfal taʼ kull età. Per eżempju, f’Mattew 23:37 insibu li Ġesù rrefera għall-​abitanti taʼ Ġerusalemm bħala ‘wliedha,’ avolja l-​maġġuranza kienu adulti.

Ħafna rġiel leali tal-​qedem baqgħu jobdu ’l-ġenituri avolja kienu ilhom li saru adulti. Għalkemm Ġakobb kien sar raġel, hu fehem li kellu jobdi l-​kmand taʼ missieru biex ma jiżżewwiġx mara li ma kinitx tqim lil Ġeħova. (Ġenesi 28:1, 2) M’hemmx dubju li Ġakobb kien ukoll innota d-​diqa kbira li kellhom il-​ġenituri tiegħu minħabba li ħuh kien iddeċieda li jiżżewweġ nisa Kangħanin pagani.—Ġenesi 27:46.

Minbarra li kien Alla li ħatarhom biex jiggwidawk, il-​ġenituri Kristjani tiegħek x’aktarx li huma l-​iktar uħud kwalifikati biex jagħtuk il-​pariri. Ir-​raġuni primarja hi li huma jafuk tajjeb, u żgur li ilhom ħafna snin juruk imħabba mhix egoista. Bħall-​pilota tal-​vapur, huma jafu x’qed jgħidu għax għandhom l-​esperjenza. Huma stess diġà esperjenzaw ix-​“xewqat li jistaʼ jkollok fiż-​żgħożija.” U bħala Kristjani veri, raw personalment kemm huwa vitali li wieħed jimxi fuq il-​prinċipji tal-​Bibbja.—2 Timotju 2:22.

B’din l-​għajnuna mimlija esperjenza, int tistaʼ tiffaċċja b’suċċess saħansitra l-​iktar sitwazzjonijiet diffiċli. Ħu, per eżempju, ir-​relazzjoni tiegħek mas-​sess oppost. Il-​ġenituri Kristjani kif jistgħu jiggwidawk f’din il-​kwistjoni delikata?

Ġibda Lejn Dawk tas-​Sess Oppost

Il-​piloti jwissu lill-​kaptani tal-​vapuri biex iżommu ’l bogħod kemm jistgħu minn sikek tar-​ramel moħbijin taħt l-​ilma. Is-​sikek tar-​ramel huma rotob imma wkoll perikolużi, peress li jimxu l-​ħin kollu mal-​kurrent. Il-​ġenituri tiegħek jixtiequ daqstant ieħor li int iżżomm ’il bogħod minn sitwazzjonijiet li jistgħu jdaħħluk f’nassa emozzjonali. Per eżempju, huma jafu li s-​sentimenti li wieħed iħoss lejn is-​sess oppost huma intensi ħafna u diffiċli biex tiddeskrivihom. Imma ladarba jiġu mqanqlin, dawn is-​sentimenti jistgħu jġagħluk tinkalja.

L-eżempju taʼ Dina juri kemm huwa riskjuż li tersaq qrib wisq tal-​periklu. Għandu mnejn li l-​kurżità u x-​xewqa li tiddeverti qanqlu lil Dina tfittex il-​kumpanija taʼ tfajliet Kangħanin, tfajliet li żgur kellhom morali laxki. Dak li għall-​ewwel setaʼ deher bħala divertiment innoċenti malajr wassal għal esperjenza traġika—hi ġiet stuprata mill-​‘iktar żagħżugħ miġjub’ fil-​belt.—Ġenesi 34:1, 2, 19.

Dawn il-​perikli jkomplu jiżdiedu minħabba l-​enfasi kontinwa fuq is-​sess li naraw fi żmienna. (Hosegħa 5:4) Ħafna żgħażagħ jistgħu jagħtuk x’tifhem li d-​divertiment mas-​sess oppost huwa l-​iktar ħaġa eċċitanti li teżisti. Qalbek għandha mnejn tibda tħabbat sitta sitta għall-​ħsieb li ssib ruħek waħdek maʼ xi ħadd li għandek grazzja miegħu. Imma ġenituri li jħobbuk se jipprovaw jipproteġuk minn sħubija maʼ żgħażagħ li ma jirrispettawx il-​livelli t’Alla.

Laura tammetti li l-​kurżità tistaʼ tagħmihom liż-​żgħażagħ u ma jarawx il-​periklu li jkunu deħlin fih. “Meta t-​tfajliet fil-​klassi tiegħi jgħiduli li damu sa tard bil-​lejl jiżfnu maʼ xi ġuvintur ħelwin, huma jpinġuha bħala xi ġrajja li ma jinsewha qatt. Jien naf li ħafna drabi jkunu qed jesaġeraw, imma xorta nħossni kurjuża u naħseb li forsi qed niġi mċaħħda minn ħafna divertiment. Għalkemm naf li l-​ġenituri jagħmlu tajjeb li ma jħallunix immur f’postijiet bħal dawn, xorta tiġini t-​tentazzjoni.”

Vapur m’għandux brejkijiet, u għalhekk idum ħafna biex jieqaf. Il-​ġenituri jafu li l-​passjoni taħdem bl-​istess mod. Il-​ktieb tal-​Proverbji jqabbel raġel imqanqal minn passjoni bla kontroll maʼ gendus sejjer għall-​qatla. (Proverbji 7:21-23) Int żgur li ma tixtieqx li jiġrilek hekk u ġġarrab nawfraġju emozzjonali u spiritwali. Il-​ġenituri tiegħek għandhom mnejn jindunaw meta qalbek tkun bdiet tiggwidak ħażin f’din il-​ħaġa, u għaldaqstant iwissuk. Se tkun int għaref biżżejjed biex tismaʼ minnhom u b’hekk tevita l-​gwaj?—Proverbji 1:8; 27:12.

Int għandek bżonn ukoll l-​appoġġ tal-​ġenituri meta jkollok tiffaċċja l-​pressjoni minn sħabek. Kif jistgħu jgħinuk?

Il-​Qawwa Persważiva taʼ Sħabek

Il-​marea jew il-​kurrent qawwi tal-​baħar jistaʼ jġiegħel vapur joħroġ mir-​rotta tiegħu. Biex jagħmel tajjeb għal dan, il-​vapur irid jiġi gwidat f’direzzjoni oħra. Bl-​istess mod, l-​influwenza persważiva taʼ żgħażagħ oħra tistaʼ toħorġok barra mir-​rotta f’sens spiritwali jekk int ma taġixxix minnufih.

Bħalma turi l-​esperjenza taʼ Dina, “min imur mal-​boloh, jaqaʼ fl-​hemm.” (Proverbji 13: 20) Ftakar li l-​espressjoni ‘iblah’ kif tintuża fil-​Bibbja tirreferi għal wieħed li ma jafx lil Ġeħova jew li jagħżel li ma jimxix fit-​triqat tiegħu.

Madankollu, jistaʼ ma jkunx faċli li tiċħad il-​mod kif jaħsbuha sħabek taʼ l-​iskola jew kif jaġixxu. María José jispjega: “Ridt inkun aċċettat minn żgħażagħ oħra. Peress li ma ridthomx jaħsbu li jien differenti, imitajthom kemm jistaʼ jkun.” Mingħajr ma tinduna, int għandek mnejn tkun qed tiġi effettwat minn sħabek—fil-​mużika li tagħżel, f’dak li tixtieq tilbes, jew saħansitra fil-​mod kif titkellem. Forsi int tħossok komdu maʼ żgħażagħ taʼ l-​età tiegħek. Din hi xi ħaġa naturali, imma mbagħad iktar se jkun hemm riskju li tiġi effettwat mill-​influwenza qawwija tagħhom, u din tistaʼ tirrovinak.—Proverbji 1:10-16.

Caroline tiftakar minn liema żmien diffiċli għaddiet xi snin ilu: “Taʼ 13-il sena, il-​biċċa l-​kbira minn sħabi diġà kellhom l-​għarus, u għal ħafna snin kelli pressjoni kontinwa biex nagħmel bħalhom. Madankollu, ommi ggwidatni matul dan iż-​żmien diffiċli. Kienet tqattaʼ sigħat sħaħ tismagħni, tirraġuna miegħi, u tgħinni nirrealizza li aħjar inħalli relazzjonijiet bħal dawn għal meta nkun iktar matura.”

Bħal omm Caroline, il-​ġenituri tiegħek għandhom mnejn iħossu d-​dmir li jwissuk dwar il-​pressjoni minn sħabek jew saħansitra li jillimitaw ċerti attivitajiet jew ħbiberiji. Nathan jiftakar li kien ikollu ħafna argumenti mal-​ġenituri fuq affarijiet bħal dawn. “Sħabi kienu spiss jistidnuni noħroġ magħhom,” hu jispjega, “imma l-​ġenituri ma kinux iriduni noħroġ maʼ grupp kbir taʼ żgħażagħ jew immur parties kbar mingħajr superviżjoni. Dak iż-​żmien, ma stajtx nifhem għala ġenituri oħra kienu iktar permissivi minn tiegħi.”

Madankollu, iktar m’għadda żżmien, Nathan fehem għala. “Jien naf li fil-​każ tiegħi ‘l-​bluha kellha għeruqha fil-​qalb taʼ tifel,’” hu jammetti. “Din il-​bluha donnha malajr tfeġġ meta l-​ġuvintur joħorġu fi grupp kbir. Xi ħadd jibda jagħmel xi ħaġa ħażina, ieħor jagħmel agħar minnu, u jerġaʼ xi ħadd ieħor ikompli jgħaxxaqha. L-​oħrajn ma jdumux ma jagħmlu bħalhom. Anki żgħażagħ li jsostnu li jaqdu lil Ġeħova jistgħu jaqgħu f’din in-​nassa.”—Proverbji 22:15.

Kemm Nathan u kemm María José kellhom ġlieda sħiħa f’qalbhom meta l-​ġenituri ma ħallewhomx jagħmlu affarijiet li ħajruhom jagħmlu sħabhom. Iżda, huma semgħu minnhom, u wara kienu kuntenti li għamlu hekk. Il-​proverbju jgħid: “Agħti widen u ismaʼ kliem l-​għorrief, u iftaħ moħħok għal tagħlimi.”—Proverbji 22:17.

Jistħoqqilhom Ġieħ

Vapur li jmil fuq ġenb huwa diffiċli biex tidderiġih, u jekk imil iżżejjed, jistaʼ faċilment jinqaleb. Minħabba n-​natura imperfetta tagħna, ilkoll kemm aħna mmilu lejn tendenzi egoistiċi u projbiti. Minkejja dawn it-​tendenzi, iż-​żgħażagħ xorta jistgħu b’mod figurattiv jaslu sal-​port jekk jimxu bil-​għaqal fuq il-​pariri tal-​ġenituri.

Per eżempju, il-​ġenituri jistgħu jgħinuk tneħħi l-​idea minn moħħok illi hemm triq tan-​nofs bejn it-​triq id-​dejqa għall-​ħajja u t-​triq il-​wiesgħa għall-​qerda. (Mattew 7:13, 14) M’huwiex realistiku li taħseb li tistaʼ tgawdi ftit minn dak li hu ħażin mingħajr ma tibqaʼ sejjer, bħallikieku tistaʼ “dduq” xi ħaġa mingħajr ma tiblagħha. Min jipprova jaġixxi b’dan il-​mod ikun qiegħed ‘jitlajja minn naħa għal oħra’—jaqdi lil Ġeħova sa ċertu punt imma fl-​istess ħin iħobb id-​dinja u dak li hemm fiha—u jistaʼ faċilment jinqaleb spiritwalment. (1 Slaten 18:21; 1 Ġwanni 2:15) Għala jiġri hekk? Minħabba t-​tendenzi midinba tagħna.

Ix-xewqat midinba tagħna jsiru iktar b’saħħithom jekk inċedu għalihom. Il-​‘qalb qarrieqa’ tagħna m’hijiex se tkun kuntenta billi sempliċement ‘induqu’ d-​dnub. Tkun trid iktar. (Ġeremija 17:9) Ladarba nibdew ninġarru spiritwalment mal-​kurrent, id-​dinja se tkompli tinfluwenzana dejjem iktar. (Ebrej 2:1) Int għandek mnejn ma tindunax li qed tmil fuq ġenb spiritwalment, imma x’aktarx li l-​ġenituri Kristjani tiegħek jindunaw. Veru, forsi m’humiex ħfief daqsek biex jitgħallmu xi programm tal-​kompjuter, imma dwar il-​qalb qarrieqa jafu ħafna iktar minnek. U huma jixtiequ jgħinuk biex lil qalbek ‘tagħraf tmexxiha fit-​triq it-​tajba’ li tistaʼ twassal għall-​ħajja.—Proverbji 23:19.

M’għandniex xi ngħidu, tistenniex li l-​ġenituri se jiġġudikaw l-​affarijiet b’mod perfett meta jkollhom jagħtuk pariri f’aspetti diffiċli, bħalma huma l-​mużika, id-​divertiment, u d-​dehra persunali. Il-​ġenituri tiegħek forsi m’għandhomx l-​għerf taʼ Salamun jew il-​paċenzja taʼ Ġob. Bħall-​pilota taʼ vapur, xi drabi huma jkunu protettivi żżejjed. Xorta waħda, il-​gwida tagħhom se tkun imprezzabbli jekk int tagħti kas ‘kliem missierek u ma twarrabx tagħlim ommok.’—Proverbji 1:8, 9.

Żgħażagħ oħra għandhom mnejn jitkellmu bi tmaqdir dwar il-​ġenituri tagħhom. Madankollu, jekk il-​ġenituri tiegħek qed jagħmlu ħilithom biex jimxu fuq l-​Iskrittura, f’kull diffikultà li jkollok se ssibhom dejjem, jinqalaʼ x’jinqalaʼ. Bħall-​kaptan taʼ vapur li jingħata l-​pariri minn pilota bl-​esperjenza, int teħtieġ il-​ġenituri biex jiggwidawk u jmexxuk fit-​triq taʼ l-​għerf. Il-​barkiet jistgħu jkunu kbar ħafna.

“Għax l-​għerf jidħollok f’moħħok, u t-​tagħrif ikun l-​għaxqa taʼ qalbek. L-​għaqal jgħasses fuqek, il-​fehma tajba tħarsek, teħilsek minn triq il-​ħażen, minn nies taʼ kliem il-​għawġ; li tilfu t-​triq it-​tajba, biex jimxu f’toroq mudlama; għax it-​tajbin jgħammru fl-​art, u n-​nies sewwa joqogħdu fiha.”—Proverbji 2:10-13, 21.

[Stampa f’paġna 22]

L-​influwenza taʼ żgħażagħ oħra tistaʼ toħorġok barra mir-​rotta f’sens spiritwali

[Stampa f’paġna 23]

Ftakar fl-​esperjenza taʼ Dina

[Stampa f’paġna 24]

Bħalma l-​kaptan taʼ vapur ifittex il-​pariri taʼ pilota taʼ l-​esperjenza, iż-​żgħażagħ għandhom ifittxu l-​gwida tal-​ġenituri tagħhom

[Sors tal-​Istampa f’paġna 24]

Ritratt: www.comstock.com

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja