LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 11/1 pp. 8-13
  • Qaddejja Henjin taʼ Ġeħova

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Qaddejja Henjin taʼ Ġeħova
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Konxji tal-​Bżonn Spiritwali Tagħna
  • Kif l-​Imnikktin Jistgħu Jkunu Henjin
  • Henjin il-​Ġwejdin
  • Henjin Dawk li Huma bil-​Ġuħ għas-​Sewwa
  • Henjin Dawk li Jħennu
  • Dawk taʼ Qalbhom Safja u li Jġibu l-​Paċi
  • Kif Kliem Ġesù Jippromwovi l-Hena
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Ferħanin dawk li jaqdu lill-“Alla l-hieni”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
  • X’Inhu Meħtieġ Tassew biex Tkun Hieni
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Kif Insibu l-Hena
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 11/1 pp. 8-13

Qaddejja Henjin taʼ Ġeħova

“Henjin dawk li huma konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom.”—MATTEW 5:3.

1. X’inhu l-​hena veru, u dan x’juri?

L-​HENA li jgawdu n-​nies taʼ Ġeħova huwa prezzjuż ħafna għalihom. Is-​salmista David esklama: “Hieni l-​poplu li Jaħweh hu Alla tiegħu!” (Salm 144:15) L-​hena huwa stat taʼ kuntentizza. L-​iktar hena profond—dak li jeffettwa l-​persuna li aħna minn ġewwa—jirriżulta mill-​fatt li nkunu nafu li aħna mberkin minn Ġeħova. (Proverbji 10:22) Hena bħal dan juri li għandna relazzjoni mill-​qrib maʼ Missierna tas-​sema u li qed nagħmlu r-​rieda tiegħu. (Salm 112:1; 119:1, 2) Taʼ interess, Ġesù semma disaʼ raġunijiet għalxiex għandna nkunu henjin. F’dan l-​artiklu u taʼ warajh se neżaminaw dawn ir-​raġunijiet għall-​hena, jew l-​hekk imsejħa beatitudnijiet, u dan se jgħinna nirrealizzaw kemm nistgħu nkunu henjin jekk naqdu bil-​fedeltà lill-​“Alla l-​hieni,” Ġeħova.—1 Timotju 1:11.

Konxji tal-​Bżonn Spiritwali Tagħna

2. Ġesù f’liema okkażjoni tkellem dwar l-​hena, u x’kien il-​kliem li beda bih?

2 Fis-​sena 31 E.K., Ġesù għamel waħda mill-​iktar taħditiet famużi fl-​istorja. Din tissejjaħ il-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja għax Ġesù għamilha waqt li kien fuq ġenb taʼ muntanja li tagħti għal fuq il-​Baħar tal-​Galilija. L-​Evanġelju taʼ Mattew jirrakkonta: “Meta [Ġesù] ra l-​folol telaʼ fuq il-​muntanja; u wara li qagħad bil-​qiegħda d-​dixxipli tiegħu resqu lejh; u fetaħ fommu u beda jgħallimhom u jgħid: ‘Henjin dawk li huma konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom, għax tagħhom hi s-​saltna tas-​smewwiet.’” Tradott letteralment, il-​kliem li beda bih Ġesù kien: “Henjin il-​foqra fl-​ispirtu,” jew “Henjin dawk li jittallbu għallispirtu.” (Mattew 5:1-3; Il-​Bibbja taʼ l-​Għaqda Biblika Maltija; New World Translation of the Holy Scriptures—With References, nota taʼ taħt) Il-​Bibbja Today’s English Version tgħid: “Henjin dawk li jafu li huma foqra spiritwalment.”

3. Karattru umli kif jgħinna nsibu l-​hena?

3 Fil-​priedka li għamel fuq il-​muntanja, Ġesù wera ċar li bniedem ikun ħafna iktar hieni jekk ikun konxju li hu fil-​bżonn spiritwalment. Kristjani umli, konxji bis-​sħiħ tal-​qagħda midinba tagħhom, jitolbu bil-​ħrara għall-​maħfra taʼ Ġeħova fuq il-​bażi tas-​sagrifiċċju taʼ Kristu bħala fidwa. (1 Ġwanni 1:9) B’hekk, huma jsibu l-​paċi tal-​moħħ u l-​hena veru. “Hieni l-​bniedem li ħtijietu maħfura, li għandu d-​dnub tiegħu mistur!”—Salm 32:2a (32:1, NW); 119:165.

4. (a) B’liema modi nistgħu nuru li aħna konxji tal-​bżonn spiritwali tagħna u dak taʼ ħaddieħor? (b) Xi jkompli jżidilna l-​hena meta nkunu konxji tal-​bżonn spiritwali tagħna?

4 Il-​fatt li nkunu konxji tal-​bżonn spiritwali tagħna jqanqalna biex naqraw il-​Bibbja kuljum, nieħdu kulma nistgħu mill-​ikel spiritwali provdut “fiż-​żmien xieraq” mill-​“ilsir leali u għaqli,” u nattendu l-​laqgħat Kristjani regolarment. (Mattew 24:45; Salm 1:1, 2; 119:111; Ebrej 10:25) L-​imħabba għall-​proxxmu ġġagħalna nkunu konxji tal-​bżonn spiritwali taʼ ħaddieħor, u dan iqanqalna nkunu żelużi fl-​ippridkar u fit-​tagħlim taʼ l-​aħbar tajba tas-​Saltna. (Marku 13:10; Rumani 1:14-16) Meta naqsmu m’oħrajn veritajiet Bibliċi nħossuna henjin. (Atti 20:20, 35) Mill-​banda l-​oħra, l-​hena tagħna jkompli jiżdied meta nimmeditaw fuq it-​tama meraviljuża tas-​Saltna u l-​barkiet li se ġġib magħha. Għall-​“merħla żgħira” taʼ Kristjani midlukin, it-​tama tas-​Saltna tfisser ħajja immortali fis-​sema bħala parti mill-​gvern tas-​Saltna taʼ Kristu. (Luqa 12:32; 1 Korintin 15:50, 54) Għan-​“nagħaġ oħrajn,” din tfisser ħajja taʼ dejjem fuq art magħmula ġenna taħt dan il-​gvern tas-​Saltna.—Ġwanni 10:16; Salm 37:11; Mattew 25:34, 46.

Kif l-​Imnikktin Jistgħu Jkunu Henjin

5. (a) Xi tfisser il-​kelma “mnikktin”? (b) Kif jitfarrġu wħud imnikktin bħal dawn?

5 Fl-​hena li jmiss, Ġesù juża kliem li donnu jagħmel kontradizzjoni. Hu qal: “Henjin l-​imnikktin, għax għad jitfarrġu.” (Mattew 5:4) Kif jistaʼ bniedem ikun imnikket u hieni fl-​istess ħin? Biex nifhmu xi tfisser l-​istqarrija taʼ Ġesù, irridu nikkunsidraw liema tip taʼ niket qed jitkellem dwaru. L-​appostlu Ġakbu jispjega li l-​qagħda midinba li ninsabu fiha għandha ġġagħalna nitnikktu. Hu kiteb: “Naddfu idejkom, midinbin, u saffu qlubkom, intom l-​indeċiżi. Kunu miżerabbli u tnikktu u ibku. Ħa jinbidel id-​daħq tagħkom f’niket, u l-​ferħ tagħkom fi dwejjaq. Umiljaw ruħkom f’għajnejn Ġeħova, u hu jeżaltakom.” (Ġakbu 4:8-10) Dawk li huma verament imnikktin minħabba l-​qagħda midinba tagħhom jitfarrġu meta jsiru jafu li dnubiethom jistgħu jinħafru jekk jeżerċitaw fidi fis-​sagrifiċċju taʼ Kristu bħala fidwa u juru ndiema ġenwina billi jagħmlu r-​rieda taʼ Ġeħova. (Ġwanni 3:16; 2 Korintin 7:9, 10) B’hekk, jistaʼ jkollhom relazzjoni prezzjuża maʼ Ġeħova u t-​tama li jgħixu għal dejjem sabiex jaqduh u jfaħħruh. Dan iġibilhom hena ġewwieni kbir.—Rumani 4:7, 8.

6. Xi wħud f’liema sens jitnikktu, u dawn kif jitfarrġu?

6 L-​istqarrija taʼ Ġesù tinkludi wkoll lil dawk li jitnikktu minħabba s-​sitwazzjonijiet tal-​biki li hawn fuq l-​art. Ġesù applika għalih innifsu l-​profezija taʼ Isaija 61:1, 2, li tgħid: “L-​ispirtu taʼ Sidi l-​Mulej fuqi, għax il-​Mulej ikkonsagrani, biex inwassal il-​bxara t-​tajba lill-​fqajrin, bagħatni ndewwi l-​qalb miksura; . . . biex infarraġ lill-​imnikktin.” Dan l-​inkarigu japplika wkoll għall-​Kristjani midlukin li għadhom fuq l-​art, u dan qed iwettquh bl-​għajnuna taʼ sħabhom, in-​“nagħaġ oħrajn.” Ilkoll kemm huma jieħdu sehem fix-​xogħol taʼ li jimmarkaw b’mod simboliku ġbin ‘dawk li jinsabu jitniehdu u jitbikkew minħabba l-​qżiżijiet kollha li jsiru fiha [Ġerusalemm apostata, li tagħti stampa tal-​Kristjaneżmu].’ (Eżekjel 9:4) Uħud imnikktin bħal dawn jitfarrġu permezz taʼ “l-​aħbar tajba tas-​saltna.” (Mattew 24:14) Huma jithennew meta jsiru jafu li s-​sistema dinjija ħażina taʼ Satana dalwaqt se tintemm u minflokha se jkun hawn id-​dinja ġdida u ġusta taʼ Ġeħova.

Henjin il-​Ġwejdin

7. Il-​kelma “ġwejdin” x’ma tfissirx?

7 Ġesù kompla l-​Priedka tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja billi qal: “Henjin il-​ġwejdin, għax għad jirtu l-​art.” (Mattew 5:5) Kultant, xi wħud jaħsbu li jekk xi ħadd ikun ġwejjed u juri l-​ħlewwa, dan ifisser li għandu karattru dgħajjef. Madankollu, dan mhux il-​każ. Sabiex jispjega s-​sens tal-​kelma tradotta “ġwejdin,” studjuż tal-​Bibbja kiteb: “Il-​karatteristika suprema taʼ bniedem [ġwejjed] hija li hu bniedem li għandu kontroll assolut fuqu nnifsu. Din m’hijiex xi ġentilezza bla determinazzjoni, affezzjoni sentimentali, kalma passiva. Din hija saħħa kontrollata.” Ġesù qal hekk dwaru nnifsu: “Jien ġwejjed u umli f’qalbi.” (Mattew 11:29) Madankollu, Ġesù wera l-​kuraġġ biex jiddefendi prinċipji ġusti.—Mattew 21:12, 13; 23:13-33.

8. Liema kwalità għandha x’taqsam ħafna maʼ li nkunu ġwejdin u nuru l-​ħlewwa, u għala għandna bżonnha fir-​relazzjonijiet tagħna m’oħrajn?

8 Għaldaqstant, li nkunu ġwejdin u nuru l-​ħlewwa għandu x’jaqsam ħafna mar-​rażna. Tabilħaqq, il-​ħlewwa u r-​rażna jissemmew flimkien meta l-​appostlu Pawlu semma “l-​frott taʼ l-​ispirtu.” (Galatin 5:22, 23) Il-​ħlewwa trid tiġi kultivata bl-​għajnuna taʼ l-​ispirtu qaddis. Din hija kwalità Kristjana li tippromwovi l-​paċi maʼ wħud li m’humiex taʼ l-​istess twemmin u mal-​membri tal-​kongregazzjoni. Pawlu kiteb: “Ilbsu sentimenti profondi taʼ mogħdrija, u qalb tajba, umiltà, ħlewwa, u sabar fit-​tul. Komplu issaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin mill-​qalb.”—Kolossin 3:12, 13.

9. (a) Għala m’aħniex limitati li nkunu ġwejdin u nuru l-​ħlewwa maʼ bnedmin oħrajn biss? (b) Il-​ġwejdin kif “jirtu l-​art”?

9 Madankollu, aħna m’aħniex limitati li nkunu ġwejdin u nuru l-​ħlewwa maʼ bnedmin oħrajn biss. Nistgħu nuru li aħna ġwejdin ukoll billi nissottomettu ruħna minn jeddna għas-​sovranità taʼ Ġeħova. L-​aqwa eżempju f’din il-​ħaġa huwa Ġesù Kristu, għax waqt li kien hawn fuq l-​art kien ġwejjed u wera sottomissjoni sħiħa għar-​rieda taʼ Missieru. (Ġwanni 5:19, 30) L-​ewwel u qabel kulħadd, Ġesù huwa l-​wieħed li jiret l-​art għax hu l-​Ħakkiem maħtur tagħha. (Salm 2:6-8; Danjel 7:13, 14) Dan il-​wirt se jaqsmu maʼ 144,000 “werrieta bi sħab” miegħu, magħżulin minn “fost il-​bnedmin” biex “isaltnu għal fuq l-​art.” (Rumani 8:17; Rivelazzjoni 5:9, 10; 14:1, 3, 4; Danjel 7:27) Kristu u l-​ħakkiema sħab miegħu se jmexxu miljuni taʼ rġiel u nisa li huma bħal nagħaġ, u dawn se jgawdu t-​twettiq sabiħ tas-​salm profetiku: “Il-​ġwejdin għad jirtu l-​art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu.”—Salm 37:11; Mattew 25:33, 34, 46.

Henjin Dawk li Huma bil-​Ġuħ għas-​Sewwa

10. X’inhu mod wieħed kif uħud li “huma bil-​ġuħ u bil-​għatx għas-​sewwa” jistgħu jimtlew?

10 L-​hena li jmiss, imsemmi minn Ġesù meta kien qed jitkellem fuq dik l-​għolja fil-​Galilija, kien: “Henjin dawk li huma bil-​ġuħ u bil-​għatx għas-​sewwa, għax għad jimtlew.” (Mattew 5:6) Għall-​Kristjani, Ġeħova hu dak li jistabbilixxi l-​livell tas-​sewwa. Għaldaqstant, dawk li huma bil-​ġuħ u bil-​għatx għas-​sewwa fil-​fatt jinsabu bil-​ġuħ u bil-​għatx għall-​gwida t’Alla. Uħud bħal dawn huma konxji ħafna tad-​dnub u l-​imperfezzjoni tagħhom u jixxennqu biex ikunu approvati minn Ġeħova. Kemm iħossuhom henjin malli jsiru jafu mill-​Kelma t’Alla li, jekk jindmu u jfittxu l-​maħfra fuq il-​bażi tas-​sagrifiċċju taʼ Kristu bħala fidwa, huma jkunu f’qagħda li jiksbu l-​approvazzjoni t’Alla!—Atti 2:38; 10:43; 13:38, 39; Rumani 5:19.

11, 12. (a) Il-​Kristjani midlukin kif jiġu dikjarati ġusti? (b) Sħab il-​midlukin kif se jaqtgħu l-​għatx għas-​sewwa?

11 Ġesù qal li wħud bħal dawn kellhom ikunu henjin, ladarba kienu se jkunu “mxebbgħin.” (Mattew 5:6, Għaqda Biblika) Il-​Kristjani midlukin imsejħin biex “isaltnu” maʼ Kristu fis-​sema jiġu dikjarati “ġusti għall-​ħajja.” (Rumani 5:1, 9, 16-18) Ġeħova jadottahom bħala wlied spiritwali. Huma jsiru werrieta sħab maʼ Kristu, imsejħin biex isiru slaten u qassisin tal-​gvern tas-​Saltna tiegħu fis-​sema.—Ġwanni 3:3; 1 Pietru 2:9.

12 Sħab il-​midlukin għadhom ma ġewx dikjarati ġusti għall-​ħajja. Madankollu, huma jiġu dikjarati ġusti minn Ġeħova sa ċertu punt permezz tal-​fidi li juru fid-​demm imxerred taʼ Kristu. (Ġakbu 2:22-25; Rivelazzjoni 7:9, 10) Huma jiġu dikjarati ġusti bħala l-​ħbieb taʼ Ġeħova li jixirqilhom jiġu salvati fi żmien “it-​tribulazzjoni l-​kbira.” (Rivelazzjoni 7:14) Dawn se jkomplu jaqtgħu l-​għatx għas-​sewwa meta, taħt is-​“smewwiet ġodda,” huma jsiru parti mill-​art ġdida fejn se “tgħammar il-​ġustizzja.”—2 Pietru 3:13; Salm 37:29.

Henjin Dawk li Jħennu

13, 14. B’liema modi prattiċi għandna nuru li nħennu, u dan x’ġid jagħmlilna?

13 Ġesù kompla jgħid hekk fil-​Priedka tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja: “Henjin dawk li jħennu, għax għad jintwerew ħniena.” (Mattew 5:7) F’sens legali, il-​ħniena hija meta mħallef juri klemenza maʼ xi ħadd li jikser il-​liġi billi ma jagħtihx il-​kastig kollu li titlob il-​liġi. Madankollu, kif jintuża fil-​Bibbja, il-​kliem oriġinali tradott “ħniena” jirreferi l-​iktar għal meta xi ħadd juri konsiderazzjoni b’qalb tajba jew jitħassar lil dawk li huma żvantaġġati u jġibilhom serħan. Għalhekk, dawk li jħennu juru bil-​fatti illi huma jagħdru. It-​tixbiha taʼ Ġesù tas-​Samaritan it-​tajjeb hija eżempju mill-​aqwa taʼ individwu li “aġixxa bil-​ħniena” maʼ persuna fil-​bżonn.—Luqa 10:29-37.

14 Sabiex nesperjenzaw l-​hena li jirriżulta mill-​ħniena, irridu nuru qalb tajba maʼ dawk li jinsabu fil-​bżonn. (Galatin 6:10) Ġesù ħass mogħdrija għan-​nies li ra. “Tħassarhom, għax kienu bħal nagħaġ mingħajr ragħaj. U beda jgħallimhom ħafna affarijiet.” (Marku 6:34) Ġesù rrealizza li l-​akbar bżonn tal-​bnedmin kien dak spiritwali. Aħna wkoll nistgħu nuru li nagħdru u nħennu billi naqsmu m’oħrajn l-​iktar ħaġa li jeħtieġu—“l-​aħbar tajba tas-​saltna.” (Mattew 24:14) Nistgħu wkoll noffru għajnuna prattika lill-​Kristjani sħabna akbar minna, lir-​romol, u lill-​iltiema u ‘nikkonslaw lid-​dipressi.’ (1 Tessalonikin 5:14; Proverbji 12:25; Ġakbu 1:27) B’hekk, aħna mhux biss se nkunu henjin imma se nirċievu wkoll il-​ħniena taʼ Ġeħova.—Atti 20:35; Ġakbu 2:13.

Dawk taʼ Qalbhom Safja u li Jġibu l-​Paċi

15. Kif nistgħu nkunu wħud taʼ qalbhom safja u li jġibu l-​paċi?

15 Ġesù semma s-​sitt u s-​sebaʼ hena b’dan il-​mod: “Henjin dawk taʼ qalbhom safja, għax għad jaraw lil Alla. Henjin dawk li jġibu l-​paċi, għax għad jissejħu ‘wlied Alla.’” (Mattew 5:8, 9) Qalb safja ma tkunx biss nadifa moralment imma tkun ukoll nadifa spiritwalment u devota bis-​sħiħ lejn Ġeħova. (1 Kronaki 28:9; Salm 86:11) Dawk li jġibu l-​paċi jgħixu fil-​paċi maʼ ħuthom il-​Kristjani u, sakemm jiddependi minnhom, mal-​proxxmu tagħhom. (Rumani 12:17-21) Huma ‘jfittxu l-​paċi u jiġru warajha.’—1 Pietru 3:11.

16, 17. (a) Il-​midlukin għala jissejħu “wlied Alla,” u kif “jaraw lil Alla”? (b) In-​“nagħaġ oħrajn” kif “jaraw lil Alla”? (ċ) F’sens komplet, in-​“nagħaġ oħrajn” kif u meta se jsiru “wlied Alla”?

16 Il-​wegħda għal dawk li għandhom qalbhom safja u li jġibu l-​paċi hija illi huma “għad jissejħu ‘wlied Alla’” u “għad jaraw lil Alla.” Il-​Kristjani midlukin huma mnisslin mill-​ispirtu u jiġu adottati minn Ġeħova bħala “wlied” waqt li jkunu għadhom fuq l-​art. (Rumani 8:14-17) Meta jiġu rxoxtati biex ikunu fis-​sema maʼ Kristu, huma jaqdu fil-​preżenza taʼ Ġeħova u attwalment jaraw Lilu.—1 Ġwanni 3:1, 2; Rivelazzjoni 4:9-11.

17 In-​“nagħaġ oħrajn” li jġibu l-​paċi jaqdu lil Ġeħova taħt ir-​Ragħaj mill-​Aħjar, Kristu Ġesù, li jsir ‘Missierhom għal dejjem.’ (Ġwanni 10:14, 16; Isaija 9:5 [9:6, NW]) Dawk li jirnexxilhom jgħaddu mill-​prova finali wara r-​Renju Millennjali taʼ Kristu se jiġu adottati bħala wlied Ġeħova fuq l-​art u ‘jkollhom il-​libertà glorjuża taʼ wlied Alla.’ (Rumani 8:21; Rivelazzjoni 20:7, 9) Filwaqt li jħarsu ’l quddiem għal dan, huma jsejħu lil Ġeħova Missierhom, ladarba huma jiddedikaw ħajjithom lilu u jirrikonoxxuh bħala d-​Donatur taʼ ħajjithom. (Isaija 64:7 [64:8, NW]) Bħal Ġob u Mosè tal-​qedem, huma jistgħu “jaraw lil Alla” bl-​għajnejn tal-​fidi. (Ġob 42:5; Ebrej 11:27) Bl-​‘għajnejn taʼ qalbhom’ u permezz t’għarfien eżatt dwar Alla, huma jagħrfu l-​kwalitajiet taʼ l-​għaġeb taʼ Ġeħova u jistinkaw biex jimitawh billi jagħmlu r-​rieda tiegħu.—Efesin 1:18; Rumani 1:19, 20; 3 Ġwanni 11.

18. Skond l-​ewwel sebaʼ beatitudnijiet li semma Ġesù, min illum isib l-​hena veru?

18 Rajna kif dawk li huma konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom, l-​imnikktin, il-​ġwejdin, dawk li huma bil-​ġuħ u bil-​għatx għas-​sewwa, dawk li jħennu, dawk taʼ qalbhom safja, u dawk li jġibu l-​paċi jsibu hena veru fis-​servizz tagħhom lil Ġeħova. Madankollu, uħud bħal dawn minn dejjem iffaċċjaw oppożizzjoni, saħansitra persekuzzjoni. Inaqqsilhom dan l-​hena li jħossu? Din il-​mistoqsija se tiġi kunsidrata fl-​artiklu li jmiss.

Bħala Reviżjoni

• Liema hena jesperjenzaw dawk li huma konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom?

• L-​imnikktin b’liema modi jitfarrġu?

• Kif nuru li aħna ġwejdin u nuru l-​ħlewwa?

• Għala għandna nħennu, ikollna qalbna safja, u nġibu l-​paċi?

[Stampa f’paġna 10]

“Henjin dawk li huma konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom”

[Stampi f’paġna 10]

“Henjin dawk li huma bil-​ġuħ u bil-​għatx għas-​sewwa”

[Stampa f’paġna 10]

“Henjin dawk li jħennu”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja