Karatteristika Partikulari fil-Bniedem
In-negozju taʼ Jodie hu li jistma l-wirt taʼ dak li jkun. Hu qed jgħin lil waħda mara biex torganizza u tbigħ l-affarijiet tad-dar li ħalliet warajha oħtha li mietet. Hu u jfittex madwar il-fuklar, isib żewġ kaxxi qodma. Meta jiftaħ waħda minnhom, ma jkunx irid jemmen dak li jsib. Imgerbin f’karti jleqqu kien hemm mazez taʼ liri—total taʼ xi $82,000 (Lm29,000) fi flus kontanti! Jodie jinsab fil-kamra waħdu. X’għandu jagħmel? Jieħu l-kaxxa bil-moħbi jew jgħid lill-klijenta tiegħu li sab il-flus?
ID-DILEMMA taʼ Jodie tenfasizza waħda mill-karatteristiċi li tagħmilna differenti mill-annimali salvaġġi. The World Book Encyclopedia tgħid: “Waħda mill-karatteristiċi partikulari tal-bnedmin hi li jaħsbu dwar dak li għandhom jew m’għandhomx jagħmlu.” Kelb imġewwaħ li jsib biċċa laħam fuq xi mejda ma jaħsibhiex darbtejn jekk għandux jaħtafha. Madankollu, Jodie għandu l-kapaċità li jqis il-morali involuti biex jieħu d-deċiżjoni tiegħu. Jekk iżomm il-flus, hu jkun qed jisraq, imma ma tantx hemm ċans li jinqabad. Il-flus m’humiex tiegħu; però, il-klijenta tiegħu ma tafx bihom. Barra minn hekk, ħafna min-nies fil-komunità taʼ Jodie jarawh bħala baħnan jekk jagħti l-flus lill-klijenta tiegħu.
X’kont tagħmel li kieku kont fis-sitwazzjoni taʼ Jodie? Il-mod kif twieġeb din il-mistoqsija jiddependi mil-livelli taʼ l-etika li int għażilt li tgħix bihom.
Xi Tfisser l-Etika?
F’dizzjunarju wieħed “l-etika” ġiet deskritta bħala “l-istudju taʼ mistoqsijiet dwar dak li hu moralment tajjeb u ħażin.” L-awtur Eric J. Easton jgħid: “L-‘etika’ u l-‘moralità’ ġejjin minn kliem li għandu l-istess tifsira. L-ewwel waħda ġejja mill-Grieg (ethikos) u t-tieni waħda mil-Latin (moralis), u t-tnejn li huma jirreferu għall-awtorità tad-drawwa u t-tradizzjoni.”
Ir-reliġjon ilha għal żmien twil tiddetermina b’mod ġenerali l-livelli taʼ l-etika li n-nies għandhom jgħixu bihom. Il-Kelma t’Alla, il-Bibbja, ilha tinfluwenza bil-bosta lil ħafna soċjetajiet. Madankollu, numru li dejjem jikber taʼ nies madwar id-dinja ċaħdu d-diversi livelli reliġjużi għax iqisuhom bħala li m’humiex prattiċi u l-livelli morali tal-Bibbja bħala li huma antikwati. X’mela dan il-vojt? Il-ktieb Ethics in Business Life jinnota li “l-intelliġenza sekulari . . . għelbet l-awtorità li qabel kienet tappartjeni lir-reliġjon.” Minflok ma jduru lejn sorsi reliġjużi, ħafna jfittxu l-gwida taʼ l-esperti sekulari fl-istudji taʼ l-etika. L-istudjuż tal-liġi u l-etika Paul McNeill jgħid: “Naħseb li dawk li jagħmlu l-etika huma bħal qassisin sekulari. . . . Illum minflok ma jiġu gwidati mir-reliġjon bħal qabel, in-nies qed jiġu gwidati mill-etika.”
Meta tiffaċċja deċiżjonijiet diffiċli, kif tistaʼ tagħraf it-tajjeb mill-ħażin? Huma l-livelli taʼ l-etika tiegħek determinati minn Alla jew minnek stess?