LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 12/1 pp. 4-7
  • Tajjeb u Ħażin-Kif Għandek Tiddeċiedi

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tajjeb u Ħażin-Kif Għandek Tiddeċiedi
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Opinjonijiet li Jvarjaw
  • Hija l-​Opinjoni Popolari Gwida taʼ Min Joqgħod Fuqha?
  • Tistaʼ Tafda l-​Ġudizzju Tiegħek Stess?
  • Tikseb is-​Saħħa biex Tagħmel it-​Tajjeb
  • Karatteristika Partikulari fil-Bniedem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Dak li Tgħid il-Bibbja Dwar X’Inhu Tajjeb u Ħażin Għadu Jgħodd?
    Iktar Suġġetti
  • Aqdi lil Ġeħova Skond il-Livelli Għoljin Tiegħu
    Għix bil-Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok
  • X’Inhu Tajjeb u Ħażin: Deċiżjoni li Għandek Tieħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2024
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 12/1 pp. 4-7

Tajjeb u Ħażin-Kif Għandek Tiddeċiedi

MIN għandu l-​awtorità li jagħmel il-​livelli għal dak li hu tajjeb u ħażin? Din il-​mistoqsija saret fil-​bidunett taʼ l-​istorja tal-​bniedem. Skond il-​ktieb Bibliku tal-​Ġenesi, Alla għażel siġra li kienet qed tikber fil-​ġnien taʼ l-​Għeden bħala “s-​siġra taʼ tagħrif it-​tajjeb u l-​ħażin.” (Ġenesi 2:9) Alla wissa lill-​ewwel koppja umana biex ma jiklux il-​frott minn din is-​siġra. Madankollu, l-​għadu t’Alla, Satana x-​Xitan, issuġġerixxa li jekk jieklu minn din is-​siġra, għajnejhom kienu se “jinfetħu” u huma kienu se ‘jsiru bħal allat li jafu t-​tajjeb u l-​ħażin.’—Ġenesi 2:16, 17; 3:1, 5; Apokalissi 12:9.

Adam u Eva kellhom deċiżjoni quddiemhom—kellhom huma jaċċettaw il-​livelli t’Alla dwar it-​tajjeb u l-​ħażin, jew kellhom isegwu l-​livelli li jagħżlu huma? (Ġenesi 3:6) Huma għażlu li jkunu diżubbidjenti lejn Alla u kielu mis-​siġra. X’kienet turi din l-​azzjoni sempliċi? Billi rrifjutaw li jirrispettaw il-​limiti li għamlilhom Alla, huma sostnew li kien aħjar għalihom u għal nisilhom li jagħmlu l-​livelli tagħhom dwar dak li hu tajjeb u ħażin. Il-​bnedmin kif marru fl-​attentat tagħhom biex jaġixxu bħal Alla billi jagħmlu l-​livelli tagħhom stess?

Opinjonijiet li Jvarjaw

Wara li tirrivedi l-​opinjonijiet taʼ diversi filosfi prominenti tul is-​sekli, l-​Encyclopædia Britannica tgħid li minn żmien il-​filosfu Grieg Sokrate sas-​seklu 20, kien hemm “diversi dibattiti dwar sempliċement x’tistaʼ tkun it-​tjubija u x’inhu l-​livell tat-​tajjeb u lħażin.”

Per eżempju, is-​Sofisti kienu grupp prominenti taʼ għalliema Griegi fil-​ħames seklu Q.E.K. Huma għallmu li l-​livelli tat-​tajjeb u l-​ħażin kienu determinati mill-​opinjoni popolari. Wieħed mill-​għalliema qal: “Dak li jidher li hu ġust u tajjeb għal kull belt, hu ġust u tajjeb għal dik il-​belt, sakemm in-​nies tal-​belt iħossu li hu hekk.” Jekk jimxi skond dan il-​livell, Jodie, li ssemma fl-​artiklu taʼ qabel, għandu jżomm il-​flus, ladarba l-​maġġuranza tan-​nies fil-​komunità tiegħu, jew fil-​“belt” tiegħu, wisq probabbli li hekk jagħmlu.

Immanuel Kant, filosfu magħruf tas-​seklu 18, esprima ħarsa differenti. Il-​ġurnal Issues in Ethics jgħid: “Immanuel Kant u oħrajn bħalu . . . ffokaw fuq id-​dritt taʼ l-​individwu li jagħżel għalih innifsu.” Mill-​ħarsa taʼ Kant, sakemm Jodie ma kienx qed jikser id-​drittijiet taʼ ħaddieħor, dak li jagħmel kien assolutament f’idejh. Hu m’għandux iħalli l-​opinjoni tal-​maġġuranza tiddetermina l-​livelli tiegħu.

Allura Jodie kif solva d-​dilemma? Hu għażel it-​tielet possibbiltà. Hu applika t-​tagħlim taʼ Ġesù Kristu li l-​livelli morali tiegħu ġew imfaħħra kemm minn dawk li huma Kristjani u kemm minn dawk li m’humiex. Ġesù għallem: “Għalhekk, kulma tridu li l-​bnedmin jagħmlulkom, intom tridu tagħmluh lilhom ukoll.” (Mattew 7:12) B’sorpriża għall-​klijenta tiegħu, Jodie taha t-​$82,000 (Lm29,000). Meta staqsewh għala ma ħadhomx, Jodie spjegalhom li hu wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova u qal: “Il-​flus ma kinux tiegħi biex jien inżommhom.” Jodie ħadu bis-​serjetà l-​kliem taʼ Ġesù mniżżel fil-​Bibbja f’Mattew 19:18: “Tisraqx.”

Hija l-​Opinjoni Popolari Gwida taʼ Min Joqgħod Fuqha?

Xi wħud wisq probabbli jgħidu li Jodie kien baħnan għaliex kien daqshekk onest. Imma l-​opinjoni popolari m’hijiex gwida li tistaʼ torbot fuqha. Per eżempju, jekk int tgħix f’soċjetà fejn il-​maġġuranza jemmnu li hu aċċettabbli li tissagrifika lit-​tfal, bħalma kienu jaħsbu xi soċjetajiet fil-​passat, allura jfisser li din il-​prattika hi tajba? (2 Slaten 16:3) Xi ngħidu li kieku twilidt f’soċjetà li tqis il-​kannibaliżmu bħala xi ħaġa virtuża? Ifisser dan li m’hijiex xi ħaġa tassew ħażina li tiekol il-​laħam tal-​bniedem? Il-​fatt li prattika tkun popolari ma jfissirx li hi tajba. Ħafna żmien ilu l-​Bibbja wissiet kontra din in-​nasba, billi qalet: “La tmurx mal-​kotra biex tagħmel id-​deni.”—Eżodu 23:2.

Ġesù Kristu identifika raġuni oħra għala għandna noqogħdu attenti milli nadottaw l-​opinjoni popolari bħala gwida għal dak li hu tajjeb u ħażin. Hu kixef lil Satana bħala li hu “l-​ħakkiem tad-​dinja.” (Ġwanni 14:30; Luqa 4:6) Satana juża l-​pożizzjoni tiegħu biex iqarraq “bl-​art abitata kollha.” (Rivelazzjoni 12:9) Għalhekk, jekk tistabbilixxi l-​livelli tiegħek għal dak li hu tajjeb u ħażin sempliċement fuq l-​opinjoni popolari, jistaʼ jkun li qed tadotta l-​ħarsa taʼ Satana lejn il-​moralità, u ovvjament dan se jkun diżastruż.

Tistaʼ Tafda l-​Ġudizzju Tiegħek Stess?

Allura, għandu kull individwu jiddeċiedi għalih innifsu dwar x’inhu tajjeb u ħażin? Il-​Bibbja tgħid: “Tafdax fl-​għaqal tiegħek.” (Proverbji 3:5) Għala le? Għaliex il-​bnedmin kollha wirtu difett fundamentali li jistaʼ ma jħallihomx jiġġudikaw tajjeb. Meta Adam u Eva rribellaw kontra Alla, huma adottaw il-​livelli tat-​traditur egoist Satana u għażluh bħala l-​missier spiritwali tagħhom. Imbagħad huma għaddew lil nisilhom karatteristika tal-​familja—qalb qarrieqa bl-​abbiltà li tagħraf x’inhu t-​tajjeb imma bit-​tendenza li tfittex li tagħmel il-​ħażin.—Ġenesi 6:5; Rumani 5:12; 7:21-24.

Meta tiddiskuti l-​etika, l-​Encyclopædia Britannica tgħid: “M’hijiex xi ħaġa taʼ l-​iskantament li l-​bnedmin ikunu jafu x’għandhom jagħmlu moralment imma mbagħad jagħżlu li jagħmlu dak li hu fl-​interessi tagħhom minflok. Fl-​etika tal-​pajjiżi tal-​Punent ilhom isibuha diffiċli ħafna biex jipprovdu lin-​nies ir-​raġunijiet għala għandhom jagħmlu dak li hu tajjeb.” Il-​Bibbja tpoġġiha sew meta tgħid: “Fuq kollox qalb il-​bniedem kollha qerq u mħassra. Min jifhimha?” (Ġeremija 17:9) Int lest li tafda lil xi ħadd li għandu l-​fama taʼ qarrieqi kif ukoll taʼ wieħed imħassar?

Huwa minnu li anki min ma jemminx f’Alla hu kapaċi jġib ruħu b’mod tajjeb moralment u jiżviluppa livelli taʼ l-​etika li jkunu prattiċi u taʼ ġieħ. Però, spiss il-​prinċipji nobbli li jkun hemm wara l-​livelli tagħhom ikunu sempliċement jirriflettu l-​livelli morali tal-​Bibbja. Għalkemm dawn l-​individwi għandhom mnejn jiċħdu l-​eżistenza t’Alla, l-​ideat tagħhom juru li għandhom tendenza fihom biex jirriflettu l-​personalità t’Alla. Dan juri li bħalma tirrivela l-​Bibbja, il-​bnedmin fil-​bidu nħolqu “fuq xbihat Alla.” (Ġenesi 1:27; Atti 17:26-28) L-​appostlu Pawlu jgħid: “Dawn juru li s-​sustanza tal-​liġi hi miktuba fi qlubhom.”—Rumani 2:15.

M’għandniex xi ngħidu, hemm baħar jaqsam bejn li tkun taf x’inhu tajjeb u li jkollok is-​saħħa morali biex tagħmel dak li hu tajjeb. Dak li jkun kif jasal biex ikollu s-​saħħa morali li għandu bżonn? Peress li l-​azzjonijiet huma motivati mill-​qalb, jekk l-​individwu jikkultiva mħabba għall-​Awtur tal-​Bibbja, Alla Ġeħova, hu se jiġi megħjun biex jiżviluppa din is-​saħħa.—Salm 25:4, 5.

Tikseb is-​Saħħa biex Tagħmel it-​Tajjeb

L-​ewwel pass biex titgħallem tħobb lil Alla hu li tiskopri kemm huma raġunevoli u prattiċi l-​kmandamenti tiegħu. “L-​imħabba t’Alla tfisser dan,” jgħid l-​appostlu Ġwanni, “li nosservaw il-​kmandamenti tiegħu; u madankollu l-​kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.” (1 Ġwanni 5:3) Per eżempju, il-​Bibbja fiha pariri prattiċi li jistgħu jgħinu liż-​żgħażagħ biex jagħrfu t-​tajjeb u l-​ħażin meta jiddeċiedu jekk għandhomx jixorbu l-​alkoħol, jieħdu d-​droga, jew jieħdu sehem f’sess qabel iż-​żwieġ. Il-​Bibbja tistaʼ tgħin lill-​koppji miżżewġin biex jagħrfu kif għandhom isolvu d-​differenzi, u tistaʼ tipprovdi l-​gwida lill-​ġenituri fit-​trobbija tat-​tfal.a Meta jiġu applikati, il-​livelli morali tal-​Bibbja huma taʼ benefiċċju bl-​istess mod kemm għall-​kbar u kemm għaż-​żgħar, hi x’inhi l-​qagħda soċjali, edukattiva, jew kulturali tagħhom.

L-istess bħalma tiekol ikel sustanzjuż biex jagħtik is-​saħħa ħalli taħdem, hekk ukoll il-​qari tal-​Kelma t’Alla jagħtik is-​saħħa biex tgħix skond il-​livelli tiegħu. Ġesù xebbah il-​kliem li joħroġ minn fomm Alla maʼ ħobż li jagħti l-​ħajja. (Mattew 4:4) Hu qal ukoll: “L-​ikel tiegħi hu li nagħmel ir-​rieda taʼ dak li bagħatni.” (Ġwanni 4:34) L-​ikel spiritwali mill-​kelma t’Alla ħejja lil Ġesù biex jirreżisti t-​tentazzjonijiet u jieħu deċiżjonijiet għaqlin.—Luqa 4:1-13.

Għall-ewwel, forsi ssibha diffiċli biex titmaʼ lil moħħok mill-​Kelma t’Alla u biex tibda timxi skond il-​livelli tiegħu. Imma ftakar li meta kont żgħir, forsi ma kontx tħobb it-​togħma taʼ l-​ikel li kien tajjeb għalik. Biex tikber b’saħħtek, kellek titgħallem tieħu pjaċir tiekol ikel bnin bħal dan. Bl-​istess mod, jistaʼ jkun li tieħu ż-​żmien biex il-​livelli t’Alla jibdew jogħġbuk. Jekk tippersisti, se ssir tħobbhom u se tissaħħaħ spiritwalment. (Salm 34:9 [34:8, NW]; 2 Timotju 3:15-17) Se titgħallem tafda f’Ġeħova u tkun imqanqal biex ‘tagħmel it-​tajjeb.’—Salm 37:3.

Forsi qatt m’int se tiffaċċja sitwazzjoni bħalma ffaċċja Jodie. Minkejja dan, kuljum tieħu deċiżjonijiet, kemm kbar u kemm żgħar, li jikkonċernaw l-​etika. Għal din ir-​raġuni, il-​Bibbja tħeġġek: “Ittama fil-​Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fl-​għaqal tiegħek. Fih aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek.” (Proverbji 3:5, 6) Jekk titgħallem tafda f’Ġeħova mhux biss se tibbenefika issa imma se tinfetaħlek l-​opportunità biex tgħix għal dejjem, għaliex it-​triq taʼ l-​ubbidjenza lejn Alla Ġeħova twassal għall-​ħajja.—Mattew 7:13, 14.

[Nota taʼ taħt]

a Pariri prattiċi mill-​Bibbja dwar dawn is-​suġġetti importanti u oħrajn jinsabu fil-​kotba Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-​Mistoqsijiet Tagħhom u Is-​Sigriet taʼ l-​Hena fil-​Familja, pubblikati mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

[Kumment f’paġna 6]

L-​opinjoni popolari tistaʼ tkun influwenzata minn qawwiet li ma jidhrux

[Stampi f’paġna 5]

Matul is-​snin, il-​filosfi argumentaw dwar il-​kwistjoni tat-​tajjeb u l-​ħażin

SOKRATE

KANT

KONFUĊJU

[Sorsi]

Kant: From the book The Historian’s History of the World; Sokrate: From the book A General History for Colleges and High Schools; Konfuċju: Sung Kyun Kwan University, Seoul, Korea

[Stampi f’paġna 7]

Il-​Bibbja mhux biss tgħinna nagħrfu t-​tajjeb mill-​ħażin imma wkoll tqanqalna nagħmlu dak li hu tajjeb

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja